16.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/20


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2343

tal-15 ta' Diċembru 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 5 u 7 u l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità 19 u 34

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fil-25 ta' Settembru 2014, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ippubblika t-Titjib Annwali għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju għaċ-Ċiklu 2012-2014 (“it-titjib annwali”), fil-qafas tal-proċess tat-titjib regolari tiegħu li għandu l-għan li jissimplifika u jiċċara l-istandards. L-għan tat-titjib annwali huwa li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux urġenti, iżda neċessarji, diskussi mill-IASB waqt iċ-ċiklu tal-proġett f'oqsma ta' inkonsistenza fl-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) u l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) jew fejn tkun meħtieġa kjarifika tat-test.

(3)

L-emendi fl-IFRS 7 jimplikaw, bħala konsegwenza, emendi fl-IFRS 1 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IFRS 5 u 7, u l-IAS 19 u 34 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej: l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju u l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità huma emendati kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament:

(a)

l-IFRS 5 Assi Mhux Kurrenti Miżmuma għall-Bejgħ u Operazzjonijiet li ma Tkomplewx huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(b)

l-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar ta' Informazzjoni huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(c)

l-IAS 19 Benefiċċji tal-Impjegati huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(d)

l-IAS 34 Rappurtaġġ Finanzjarju Interim huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(e)

l-IFRS 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba ta' Standards Internazzjonali ta' Rappurtar Finanzjarju huwa emendat b'konformità mal-emendi fl-IFRS 7 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)


ANNESS

Titjib Annwali għall-IFRSs Ċiklu 2012-2014

Emendi għal

IFRS 5 Assi Mhux Kurrenti Miżmuma għall-Bejgħ u Operazzjonijiet li Ma Tkomplewx

Il-paragrafi 26-29 u l-intestatura relatata tagħhom huma emendati u l-paragrafi 26 A u 44L huma miżjuda.

Bidliet għal pjan ta' bejgħ jew għal pjan ta' distribuzzjoni lis-sidien

26.

Jekk entità tkun ikklassifikata assi (jew grupp tad-disponiment) bħala miżmuma għall-bejgħ jew bħala miżmuma għal distribuzzjoni lis-sidien, iżda l-kriterji fil-paragrafi 7-9 (għal miżmuma għall-bejgħ) jew fil-paragrafu 12 A (għal miżmuma għad-distribuzzjoni lis-sidien) ma jkunux għadhom issodisfati, l-entità m'għandhiex tkompli tikklassifika l-assi (jew grupp tad-disponiment) bħala miżmuma għall-bejgħ jew miżmuma għad-distribuzzjoni lis-sidien (rispettivament). F'każijiet bħal dawn entità għandha ssegwi l-gwida fil-paragrafi 27-29 biex tikkontabilizza din il-bidla ħlief meta japplika l-paragrafu 26 A.

26A

Jekk entità tikklassifika mill-ġdid assi (jew grupp tad-disponiment) direttament milli jkun miżmum għall-bejgħ għal li jkun miżmum għad-distribuzzjoni lis-sidien, jew direttament milli jkun miżmum għad-distribuzzjoni lis-sidien għal li jkun miżmum għall-bejgħ, allura l-bidla fil-klassifikazzjoni hija kkunsidrata bħala kontinwazzjoni tal-pjan oriġinali ta' disponiment. L-entità:

(a)

ma ssegwix il-gwida fil-paragrafi 27-29 biex tikkontabilizza din il-bidla. L-entità tapplika l-klassifikazzjoni, il-preżentazzjoni u ħtiġiet ta' kejl f'dan l-IFRS li huma applikabbli għal dan il-metodu ġdid ta' disponiment.

(b)

tkejjel assi mhux kurrenti (jew grupp tad-disponiment) billi ssegwi r-rekwiżiti fil-paragrafu 15 (jekk tkun riklassifikata bħala miżmuma għall-bejgħ) jew 15 A (jekk tkun riklassifikata bħala miżmuma għad-distribuzzjoni lis-sidien) u tirrikonoxxi kwalunkwe tnaqqis jew żieda fil-valur ġust wara li jitnaqqsu l-ispejjeż biex tbigħ/l-ispejjeż għad-distribuzzjoni ta' assi mhux kurrenti (jew grupp tad-disponiment) billi ssegwi r-rekwiżiti fil-paragrafi 20-25.

(c)

ma tibdilx id-data ta' klassifikazzjoni f'konformità mal-paragrafi 8 u 12 A. Dan ma jipprekludix estensjoni tal-perijodu meħtieġ biex jitlesta l-bejgħ jew distribuzzjoni lis-sidien jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 9.

27.

L-entità tkejjel assi mhux kurrenti (jew grupp tad-disponiment) li ma jibqgħux jiġu kklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ jew bħala miżmuma għal distribuzzjoni lis-sidien (jew li ma jibqgħux inklużi fi grupp tad-disponiment ikklassifikat bħala miżmuma għall-bejgħ jew bħala miżmuma għad-distribuzzjoni lil sidien) skont l-inqas minn:

(a)

l-ammont miżmum fil-kotba qabel ma l-assi (jew grupp tad-disponiment) kien ikklassifikat bħala miżmum għall-bejgħ jew bħala miżmum għal distribuzzjoni lis-sidien, aġġustat għal kull deprezzament, amortizzament jew rivalutazzjoni li ma kinux jibqgħu rikonoxxuti li kieku l-assi (jew grupp tad-disponiment) ma kienx ikklassifikat bħala miżmum għall-bejgħ jew bħala miżmum għal distribuzzjoni lis-sidien, u

(b)

l-ammont li jista' jiġi rkuprat tiegħu fid-data tad-deċiżjoni sussegwenti li ma jsirx il-bejgħ jew id-distribuzzjoni. [nota f'qiegħ il-paġna nieqsa]

28.

L-entità tinkludi kull aġġustament meħtieġ għall-ammont miżmum fil-kotba ta' assi mhux kurrenti li ma jibqax klassifikat bħala miżmum għall-bejgħ jew bħala miżmum għad-distribuzzjoni għas-sidien fi profitt jew telf [nota f'qiegħ il-paġna nieqsa] milli jkomplu l-operazzjonijiet fil-perjodu li fih il-kriterji fil-paragrafi 7-9 jew 12 A, rispettivament ma jibqgħux sodisfatti. Ir-rapporti finanzjarji għall-perijodi sa mill-klassifikazzjoni bħala miżmuma għall-bejgħ jew bħala miżmuma għad-distribuzzjoni lis-sidien għandhom jiġu emendati skont dan jekk il-grupp tad-disponiment jew tal-assi mhux kurrenti li ma jibqgħux jiġu kklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ jew bħala miżmuma għal distribuzzjoni lis-sidien huwiex sussidjarja, operazzjoni konġunta, impriża konġunta, kumpanija assoċjata, jew sehem minn interess f'impriża konġunta jew kumpanija assoċjata. L-entità tippreżenta dak l-aġġustament fl-istess titolu fir-rapport tal-introjtu komprensiv użat biex jiġi preżentat qligħ jew telf, jekk hemm wieħed, rikonoxxut skont il-paragrafu 37.

29.

Jekk entità tneħħi assi jew obbligazzjoni individwali minn grupp tad-disponiment ikklassifikat bħala miżmum għall-bejgħ, l-assi u l-obbligazzjonijiet li jibqa' tal-grupp tad-disponiment li jkunu ser jinbiegħu għandhom ikomplu jitkejlu bħala grupp biss jekk il-grupp jissodisfa l-kriterji fil-paragrafi 7-9. Jekk entità tneħħi assi jew obbligazzjoni individwali minn grupp tad-disponiment ikklassifikat bħala miżmum għad-distribuzzjoni lis-sidien, l-assi u l-obbligazzjonijiet li jibqa' tal-grupp tad-disponiment li jkunu ser jinbiegħu jkomplu jitkejlu bħala grupp biss jekk il-grupp jissodisfa l-kriterji fil-paragrafu 12 A. Inkella, l-assi mhux kurrenti li jibqa' tal-grupp li individwalment jissodisfaw il-kriterji biex jiġu kklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ (jew li jkunu miżmuma għal distribuzzjoni lis-sidien) jitkejlu individwalment skont l-inqas tal-ammonti miżmuma fil-kotba u l-valuri ġusti tagħhom wara li jitnaqqsu l-kosti tal-bejgħ (jew spejjeż li jqassmu) f'dik id-data. Kull assi mhux kurrenti li ma jissodisfawx il-kriterji miżmuma għall-bejgħ ma jibqgħux ikklasifikati bħala miżmuma għall-bejgħ b'konformità mal-paragrafu 26. Kull assi mhux kurrenti li ma jissodisfawx il-kriterji miżmuma għad-distribuzzjoni lis-sidien ma jibqgħux ikklasifikati bħala miżmuma għad-distribuzzjoni lis-sidien b'konformità mal-paragrafu 26.

DATA EFFETTIVA

44L

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2012-2014, maħruġ f'Settembru 2014, emenda l-paragrafi 26-29 u żied il-paragrafu 26 A. Entità tapplika dawk l-emenda b'mod retrospettiv skont l-IAS 8 Politiki tal-Kontabilità, Bidliet fl-Istimi tal-Kontabilità u Żbalji għal bidliet fil-metodu ta' disponiment li jokkorru f'perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar kmieni, hija tiżvela dak il-fatt.

Emendi għal

IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar

Il-paragrafu 44R huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 44AA.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

44R

DivulgazzjonijietTpaċija ta' Assi Finanzjarji u Obbligazzjonijiet Finanzjarji (Emendi għall-IFRS 7), maħruġa f'Diċembru 2011, żiedet paragrafi 13 A–13F u B40–B53. Entità tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2013 jew wara. Entità tipprovdi d-divulgazzjonijiet meħtieġa minn dawk l-emendi retrospettivament.

44AA

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2012-2014, maħruġa f'Settembru 2014, emenda l-paragrafi 44R u B30 u żied il-paragrafu B30 A. Entità tapplika dawk l-emendi retrospettivament skont l-IAS 8 Politiki ta' Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta' Kontabilità u Żbalji għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara, ħlief li entità m'għandhiex għalfejn tapplika l-emendi għall-paragrafi B30 u B30 A għal kwalunkwe perjodu ppreżentat li jibda qabel il-perjodu annwali li għalih l-entità tapplika għall-ewwel darba dawk l-emendi. Applikazzjoni aktar bikrija tal-emendi għall-paragrafi 44R, B30 u B 30 A hija permessa. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar kmieni, hija tiżvela dak il-fatt.

Fl-Appendiċi B, il-paragrafu B30 huwa emendat u l-paragrafu B30 A huwa miżjud.

Involviment kontinwu (il-paragrafu 42C)

B30

Entità ma jkollhiex involviment kontinwu f'assi finanzjarju trasferit jekk, bħala parti mit-trasferiment, la żżomm xi drittijiet kuntrattwali jew obbligi inerenti fl-assi finanzjarju trasferit jew takkwista xi drittijiet kuntrattwali jew obbligi ġodda marbuta mal-assi finanzjarju trasferit. Entità ma jkollhiex involviment kontinwu f'assi finanzjarju trasferit jekk la għandha interess fil-prestazzjoni futura tal-assi finanzjarju trasferit u lanqas responsabbiltà taħt kwalunkwe ċirkostanza biex fil-futur tagħmel pagamenti fir-rigward tal-assi finanzjarju trasferit. It-terminu “pagament” f'dan il-kuntest ma jinkludix il-flussi ta' flus tal-assi finanzjarju trasferiti li entità tiġbor u hija meħtieġa li tħallas lura lil min isir it-trasferiment.

B30A

Meta entità tittrasferixxi assi finanzjarju, l-entità tista' żżomm id-dritt tas-servisjar tal-assi finanzjarju b'miżata li hija inkluża, pereżempju, f'kuntratt ta' servisjar. L-entità tanalizza l-kuntratt tas-servisjar skont il-gwida fil-paragrafi 42C u B30 biex tiddeċiedi jekk l-entità jkollhiex involviment kontinwu bħala riżultat tal-kuntratt taservisjar għall-finijiet tar-rekwiżiti tad-divulgazzjoni. Pereżempju, serviser se jkollu involviment kontinwu f'assi finanzjarju trasferit għall-finijiet tar-rekwiżiti tad-divulgazzjoni jekk il-miżata tas-servisjar tkun dipendenti fuq l-ammont jew l-għażla taż-żmien tal-flussi ta' flus miġbura mill-assi finanzjarji trasferiti. Bl-istess mod, serviser ikollu involviment kontinwu għall-finijiet tar-rekwiżiti ta' divulgazzjoni jekk miżata fissa ma titħallasx b'mod sħiħ minħabba nuqqas ta' prestazzjoni tal-assi finanzjarju trasferit. F'dawn l-eżempji, is-serviser għandu interess fil-prestazzjoni futura tal-assi finanzjarju trasferit. Din il-valutazzjoni hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk il-miżata li trid tiġi rċevuta hijiex mistennija li tikkumpensa lill-entità b'mod adegwat għat-twettiq tas-servisjar.

Emenda konsegwenzjali għal

IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju

Il-paragrafu 39AA ġie miżjud.

DATA EFFETTIVA

39AA

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2012-2014, maħruġ f'Settembru 2014, żied il-paragrafu E4 A. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija tiddivulga dak il-fatt.

Fl-Appendiċi E, il-paragrafu E4 A huwa miżjud.

Divulgazzjonijiet dwar strumenti finanzjarji

E4A

Min jadotta għall-ewwel darba jista' japplika d-dispożizzjonijiet tranżitorji fil-paragrafu 44AA tal-IFRS 7.

Emenda għal

IAS 19 Benefiċċji tal-Impjegati

Il-paragrafu 83 huwa emendat u jiżdiedu l-paragrafi 176-177.

Suppożizzjonijiet attwarjali: rata ta' skont

83.

Ir-rata ta' skont użata għall-obbligi tal-għoti ta' benefiċċji wara l-impjieg (kemm iffinanzjati kif ukoll mhux iffinanzjati) tkun determinata b'referenza għar-redditi tas-suq fi tmiem il-perjodu tar-rappurtar fuq il-bonds korporattivi ta' kwalità għolja. Għal muniti li għalihom m'hemm l-ebda suq kbir f'dawn il-bonds korporattivi ta' kwalità għolja, jiġu użati r-redditi tas-suq (fi tmiem il-perjodu tar-rappurtar) fuq bonds tal-gvern denominati f'dik il-munita. Il-munita u t-termini tal-bonds korporattivi jew tal-bonds tal-gvern ikunu konsistenti mal-munita u t-terminu stimat tal-obbligi tal-għoti tal-benefiċċji ta' wara l-impjieg.

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

176.

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2012-2014, maħruġ f'Settembru 2014, emenda l-paragrafu 83 u żied il-paragrafu 177. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija tiddivulga dak il-fatt.

177.

Entità tapplika l-emenda fil-paragrafu 176 mill-bidu tal-perjodu komparattiv l-aktar kmieni ppreżentat fl-ewwel rapporti finanzjarji fejn l-entità tapplika l-emenda. Kull aġġustament inizjali li jinħoloq mill-applikazzjoni ta' din l-emenda jiġi rikonoxxut fil-qligħ imfaddal fil-bidu ta' dak il-perjodu.

Emenda għal

IAS 34 Rappurtar Finanzjarju Interim

Il-paragrafu 16 A huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 56.

Divulgazzjonijiet oħra

16A

Minbarra li tiddivulga avvenimenti u tranżazzjonijiet sinifikanti skont il-paragrafi 15–15C, entità tinkludi l-informazzjoni li ġejja, fin-noti għar-rapporti finanzjarji interim tagħha, jew xi mkien ieħor fir-rapport finanzjarju interim. Id-divulgazzjoni li ġejja tingħata jew fir-rapporti finanzjarji interimi jew inkella tkun inkorporata permezz ta' referenza għal band'oħra mir-rapporti finanzjarji interim għal xi rapport ieħor, bħal kummentarju tal-maniġment jew rapport dwar ir-riskju, li jkun aċċessibli mill-utenti tar-rapporti finanzjarji bl-istess mod bħar-rapporti finanzjarji interim u fl-istess ħin. Jekk l-utenti tar-rapporti finanzjarji m'għandhomx aċċess għall-informazzjoni inkorporata permezz ta' referenza trasversali fuq l-istess termini u fl-istess ħin, ir-rapport finanzjarju interim huwa inkomplet. Normalment din l-informazzjoni tkun irrapportata fuq bażi ta' dik is-sena finanzjarja sal-jum attwali.

(a)

DATA EFFETTIVA

56.

Titjib Annwali għaċ-Ċiklu tal-IFRSs 2012-2014, maħruġ f'Settembru 2014, emenda l-paragrafu 16 A. Entità tapplika dik l-emenda b'mod retrospettiv skont l-IAS 8 Politiki tal-Kontabilità, Bidliet fl-Istimi tal-Kontabilità u Żbalji għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk xi entità tapplika l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija tiddivulga dak il-fatt.