12.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/101


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2324

tal-11 ta' Diċembru 2015

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill 1342/2008 rigward ir-raggruppamenti tal-irkaptu f'ċerti żoni ġeografiċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li jelimina l-prattika ħalja tar-rimi. L-obbligu tal-ħatt se jidħol ftit ftit fis-seħħ għal ċertu sajd demersali li bħalissa huwa kopert mir-reġim tal-gruppi tal-isforz tas-sajd fir-Regolament (KE) Nru 1342/2008, sa mill-2016 u l-aktar tard sal-2019.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 jistipula li l-limiti tal-gruppi tal-isforz tas-sajd huma assenjati lil gruppi differenti ta' sforz iddefiniti skont ir-raggruppamenti tal-irkapti u skont iż-żoni ġeografiċi stabbiliti fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(3)

Minħabba l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt, tinħtieġ aktar flessibbiltà fir-reġim attwali tal-gruppi tal-isforz tas-sajd biex is-sajjieda jkunu jistgħu jużaw irkapti aktar selettivi b'malja ikbar. F'dan il-kuntest deher li kien hemm bżonn analiżi biex jiġi evalwat kemm l-istruttura attwali ta' raggruppamenti tal-gruppi tal-isforz kienu għadhom kosteffiċjenti f'termini ta' piż tal-ġestjoni mqabbel mal-bżonnijiet tal-konservazzjoni.

(4)

B'riżultat ta' dan, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd intalab parir dwar il-possibbiltà li jingħaqdu r-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 li jintużaw biex jiddefinixxu l-gruppi tal-isforz. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda (2) li hemm riskju ta' żieda fil-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd meta jingħaqdu r-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2, u li din l-għaqda, jekk issir biss fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak u fil-Kanal tal-Lvant, twassal għal nuqqas ta' konsistenza ma' żoni ta' ġestjoni oħrajn. Ikkonkluda wkoll li r-raggruppament magħqud ġdid ikun aktar eteroġenju rigward l-istokkijiet bijoloġiċi li jinqabdu milli huma r-raggruppamenti separati tat-TR1 u t-TR2, u li x'aktarx li ma jkunx hemm aktar kosteffiċjenza, minħabba l-miżuri addizzjonali li jkollhom jitwettqu biex jopponu l-possibbiltà ta' żieda fil-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd. Madankollu, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda wkoll li jekk issir din l-għaqda, is-sajjieda jkunu jistgħu jistadu b'mod aktar selettiv.

(5)

Barra minn hekk, waqt evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008 li saret fl-2011 (3), il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd innota li l-mortalità tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana minħabba s-sajd fl-2010 kienet tlieta fil-mija biss inqas minn dik tal-2008. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkonkluda li l-isforz ta' ġestjoni tal-istokk tal-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana ma rnexxilux inaqqas ir-rimi.

(6)

L-isforz allokat għar-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 tnaqqas ħafna mill-introduzzjoni fl-2008 'l hawn tar-reġim tal-gruppi tal-isforz attwali tas-sajd. Għalhekk, il-kobor ta' kull impatt negattiv potenzjali tal-għaqda fuq il-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd huwa ħafna inqas milli kien ikun fil-passat.

(7)

Jekk issir għaqda, din tnaqqas ħafna l-ispejjeż tal-ġestjoni. Tnaqqis tar-raggruppamenti tal-irkapti tas-sajd iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali u għas-sajjieda, speċjalment billi ħafna sajjieda jużaw irkapti diversi, u b'hekk jiffurmaw parti minn diversi raggruppamenti tal-gruppi tal-isforz tas-sajd, u l-allokazzjoni tal-gruppi tal-isforzi tas-sajd korrispondenti twassal għal kalkoli kumplessi. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-obbligu l-ġdid li jħottu l-qabdiet kollha se torbot ħafna mir-riżorsi umani fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li jekk ikun hemm żieda fil-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd, ma jfissirx bilfors li miżuri protettivi addizzjonali se jikkawżaw spejjeż amministrattivi sostanzjali.

(8)

Skont il-parir tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) (4), l-istatus ta' konservazzjoni tal-istokk ta' bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana fis-Sottotaqsima taż-Żona IV, fit-Taqsima tal-ICES VIId u fil-parti tal-Punent tat-Taqsima IIIa tal-ICES (Skagerrak) ittejjeb ħafna.

(9)

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, wieħed jista' jasal għall-konklużjoni li l-introduzzjoni iktar ta' malajr tal-obbligu tal-ħatt tal-bakkaljaw tagħti iktar valur miżjud fit-tnaqqis tal-mortalità tal-bakkaljaw minħabba s-sajd ikkawżati mill-qabdiet inċidentali milli jekk tinżamm is-sistema kurrenti obbligatorja tal-ġestjoni tal-gruppi tal-isforz.

(10)

Għaldaqstant ma jixraqx li jinżammu separati r-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 fiż-żoni li jidhru hawn taħt: L-Iskagerrak, dik il-parti taż-żona ICES IIIa li mhix koperta minn Skagerrak u Kattegat; iż-żona tal-ICES IV u l-ilmijiet tal-KE taż-żona tal-ICES IIa, u ż-żona tal-ICES VIId Minħabba l-qagħda ħażina tal-istokkijiet tal-bakkaljaw fiż-żoni Kattegat, fiż-żona tal-ICES VIIa, fiż-żona tal-ICES VIa u fl-ilmijiet tal-KE taż-żona tal-ICES Vb, l-għaqda tar-raggruppamenti tal-irkapti tas-sajd ma għandhiex tapplika f'dawk iż-żoni.

(11)

Il-Kummissjoni se tissorvelja bir-reqqa l-effett fuq il-mortalità mis-sajd tal-bakkaljaw li se jkollha l-għaqda tar-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 biex tkun tista' taddatta l-istruttura tar-raggruppamenti tal-irkapti skont ir-riżultati ta' din is-sorveljanza jekk tiżdied il-mortalità mis-sajd tal-bakkaljaw minħabba r-rimi.

(12)

Biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jissorveljaw kif se tevolvi din is-sitwazzjoni mingħajr ma jġarrbu spejjeż amministrattivi addizzjonali, jixraq li s-sistema ta' rappurtar attwali ma tinbidilx.

(13)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008 tinżied l-entrata li ġejja:

“3.

B'deroga mill-punt 1, għall-ġestjoni tal-gruppi tal-isforz tas-sajd fiż-żona msemmija fil-punt 2(b), ir-raggruppamenti tal-irkapti TR2 u TR1 se jitqiesu bħala raggruppament wieħed b'malja ta' daqs ta' 70 mm jew ikbar. L-Istati Membri għandhom jibqgħu jirrappurtaw l-użu tal-gruppi tal-isforz b'mod separat għar-raggruppamenti tal-irkapti TR1 u TR2 kif meħtieġ mill-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (*).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.

(2)  Scientific, Technical, and Economic Comimtee for Fisheries — 49th Plenary Meeting Report (PLEN-15-02),

(3)  Evaluation of multi-annual plans for cod in Irish Sea, Kattegat, North Sea, and West of Scotland (STECF-11-07).

(4)  ICES Advice on fishing opportunities, catch, and effort Greater North Sea and Celtic Seas Ecoregions: 6.3.4 Cod (Gadus morhua) in Subarea IV and Divisions VIId and IIIa West (North Sea, Eastern English Channel, Skagerrak).