12.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/50


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2315

tat-8 ta' Diċembru 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha, kemm b'mod parzjali kif ukoll b'mod sħiħ, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta'dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott li jikkonsisti minn qafas tal-plastik li jkun fih erba' (4) terminali tal-metall, dijodi u kejbils b'konnekters (l-hekk imsejħa “kaxxa ta' ġunzjoni fotovoltajka (FV)”).

Il-kaxxa ta' ġunzjoni FV hija apparat għat-trażmissjoni tal-elettriku (permezz ta' kejbil), li ma jaqbiżx 1 000  V u li jiġi ġġenerat minn pannell solari, lejn modulu ieħor FV jew invertitur FV. Il-funzjoni tad-dijodi hija biss li tipproteġi l-prodott kontra l-vultaġġ żejjed (l-hekk imsejħa “żoni kritiċi”).

Ara l-istampa (*)

8544 42 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 3 tat-Taqsima XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8544 , 8544 42 u 8544 42 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8541 bħala dijodi hija eskluża peress li d-dijodi ma jibdlux b'mod sinifikanti l-karatteristiċi u l-proprjetajiet tal-prodott bħala kaxxa ta' ġunzjoni FV. Il-funzjoni prinċipali ta' dan il-prodott hija li ssir konnessjoni ma' ċirkwiti elettriċi, jew ġewwa fihom.

Minħabba li l-prodott huwa pprovdut b'kejbils, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8536 bħala apparat li jintuża biex isiru konnessjonijiet ma' jew ġewwa ċirkwiti elettriċi, hija eskluża wkoll (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 8536 , il-grupp (III) (A)).

Il-prodott għandu għalhekk jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 8544 42 90 , kundutturi elettriċi oħra mgħammrin b'konnekters.

Image

(*)  l-istampa sservi ta' informazzjoni biss.