10.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 324/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2294
tad-9 ta' Diċembru 2015
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-twaqqif ta' grupp funzjonali ġdid tal-additivi tal-għalf
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-allokazzjoni tal-addittivi fl-għalf f'kategoriji u anke fi gruppi funzjonali fi ħdan dawk il-kategoriji skont il-funzjonijiet u l-proprjetajiet tagħhom. |
(2) |
Bl-iżvilupp teknoloġiku u xjentifiku, ċertu addittivi tal-għalf jaf itejbu l-kundizzjoni iġjenika tal-għalf, l-aktar għax inaqqsu kontaminazzjoni mikrobijoloġika speċifika u allura jtaffu l-effetti ħżiena li jaf iħallu l-mikroorganiżmi fuq is-saħħa tal-annimali. |
(3) |
Minbarra l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti iġjeniċi u tal-prattiki t-tajba tul il-katina tal-għalf, f'xi każijiet speċifiċi l-operaturi jaf ikollhom bżonn jużaw tejjieba tal-kundizzjoni iġjenika ħalli titjieb il-kwalità tal-għalf għan-nutrizzjoni tal-annimali filwaqt li jingħataw garanziji addizzjonali biex titħares is-saħħa pubblika u tal-annimali. Peress li dawn l-additivi tal-għalf ma jistgħu jiġu allokati lill-ebda wieħed mill-gruppi funzjonali previsti mir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jeħtieġ jiżdied grupp funzjonali ġdid fil-kategorija tal-“addittivi teknoloġiċi”. |
(4) |
Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 għandu jiġi emendat skont dan. |
(5) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jiżdied dan il-punt (n):
“(n) Tejjieba tal-kundizzjoni iġjenika: Sustanzi jew, meta jkun japplika, mikroorganiżmi li jaffettwaw tajjeb lill-karatteristiċi iġjeniċi tal-għalf għax inaqqsu kontaminazzjoni mikrobijoloġika speċifika.”
Artikolu 2
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 268 18.10.2003, p. 29.