9.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/2


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2285

tat-8 ta' Diċembru 2015

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, fir-rigward ta' ċerti rekwiżiti għall-molluski bivalvi, l-ekinodermi, it-tunikati u l-gastropodi tal-baħar ħajjin u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-frażi introduttorja u l-punt 13 tal-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman. Jistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' molluski bivalvi ħajjin, ta' ekinodermi ħajjin, ta' tunikati ħajjin u ta' gastropodi tal-baħar ħajjin isirulhom kontrolli uffiċjali kif deskritt fl-Anness II tiegħu.

(2)

Il-paragrafu 2 tal-Kapitolu II tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistipula li l-awtorità kompetenti għandha tikklassifika ż-żoni tal-produzzjoni li minnhom tawtorizza l-ġbir ta' molluski bivalvi ħajjin bħala waħda minn tliet kategoriji skont il-livell ta kontaminazzjoni fekali.

(3)

Sabiex iż-żoni tal-produzzjoni jiġu kklassifikati, l-awtorità kompetenti għandha tiddefinixxi perjodu ta' eżami għad-dejta tal-kampjuni minn kull żona ta' produzzjoni u ta' riinstallazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-konformità mal-istandards speċifikati f'dak ir-Regolament.

(4)

Il-paragrafu 3 tal-Kapitolu II tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jiddikjara li l-awtorità kompetenti tista' tikklassifika ż-żoni bħala tal-Klassi A dawk iż-żoni li minnhom jistgħu jinġabru l-molluski bivalvi ħajjin għall-konsum dirett mill-bniedem. Il-molluski bivalvi ħajjin meħuda minn dawn iż-żoni għandhom jissodisfaw l-istandards tas-saħħa stipulati fil-Kapitolu V tat-Taqsima VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (4) jistipula l-kriterji mikrobijoloġiċi għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta' implimentazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom l-operaturi fis-settur tal-ikel fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta' iġjene msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004. B'mod partikolari, jistabbilixxi kriterju għas-sikurezza fl-ikel għall-Escherichia coli fil-molluski bivalvi ħajjin kif ukoll fl-ekinodermi, fit-tunikati u fil-gastropodi ħajjin.

(6)

Il-kriterju tal-Codex Alimentarius għall-E. coli għal prodotti mqiegħda fis-suq huwa differenti minn dak li hemm fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-kriterju tal-Codex Alimentarius huwa pjan bi tliet klassijiet (n = 5, c = 1, m = 230 u M = 700 E. coli MPN/100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari), filwaqt li l-kriterju tal-Unjoni Ewropea huwa pjan b'żewġ klassijiet (n = 1, c = 0, M = 230 E. coli MPN/100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari). Din id-diverġenza għandha implikazzjonijiet għall-kummerċ internazzjonali. Il-kriterju tal-Codex Alimentarius, ibbażat fuq standards internazzjonali, għandu jiġi rifless ukoll fir-regoli dwar il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni tal-klassi A stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) No 854/2004.

(7)

Il-metodu tal-pjan bi tliet klassijiet tal-Codex Alimentarius aktarx ikun iktar effettiv fid-detezzjoni tal-lottijiet mhux konformi, partikolarment jekk il-livelli ta' kontaminazzjoni jkunu viċin il-limitu regolatorju. Il-metodu tal-Codex Alimentarius għall-ittestjar tal-prodott finali jitqies xjentifikament aktar preċiż u, bħala medja, joffri bejn wieħed u ieħor l-istess protezzjoni tas-saħħa.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 u r-Regolament (KE) Nru 854/2004 għandhom jiġu allinjati mal-Codex Alimentarius fir-rigward ta' dan il-kriterju u, għalhekk, għandhom jiġu emendati skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Kapitolu II tal-Anness II qabel il-Parti A:

(a)

jiżdiedu s-sentenzi: “Il-metodu ta' referenza għall-analiżi tal-E. coli huwa l-metodu tad-detezzjoni u tan-Numru l-Aktar Probabbli (MPN (Most Probable Number)) speċifikat f'ISO 16649-3. Jistgħu jintużaw metodi alternattivi jekk ikunu vvalidati fil-konfront ta' dan il-metodu ta' referenza skont il-kriterji f'EN/ISO 16140”;

(b)

Is-sentenzi tal-paragrafi 4 u 5 tal-Parti A “Il-metodu ta' referenza għal din l-analiżi huwa t-test tal-ħames tubi, tliet taħlitiet, tan-Numru l-Aktar Probabbli (MPN (Most Probable Number)) speċifikat f'ISO 16649-3. Jistgħu jintużaw metodi alternattivi jekk dawn jiġu vvalidati ma' dan il-metodu ta' referenza skont il-kriterji f'EN/ISO 16140” jitħassru.

(2)

il-paragrafu 2 tal-Parti A tal-Kapitolu II jinbidel b'dan li ġej:

“2.

L-awtorità kompetenti għandha tikklassifika kull żona tal-produzzjoni li minnha tawtorizza l-ġbir tal-molluski bivalvi ħajjin bħala waħda minn tliet kategoriji skont il-livell ta' kontaminazzjoni fekali. Fejn ikun xieraq, tista' tagħmel dan b'kooperazzjoni mal-operatur fis-settur tal-ikel. Sabiex iż-żoni tal-produzzjoni jiġu kklassifikati, l-awtorità kompetenti għandha tiddefinixxi perjodu ta' reviżjoni għad-dejta tal-kampjuni minn kull żona ta' produzzjoni u ta' riinstallazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-konformità mal-istandards imsemmija f'dan il-paragrafu u fil-paragrafi 3, 4 u 5.”.

(3)

il-paragrafu 3 tal-Parti A tal-Kapitolu II jinbidel b'dan li ġej:

“3.

L-awtorità kompetenti tista' tikklassifika ż-żoni bħala tal-Klassi A dawk iż-żoni li minnhom jistgħu jinġabru l-molluski bivalvi ħajjin għall-konsum dirett mill-bniedem. Il-molluski bivalvi ħajjin li jitqiegħdu fis-suq minn dawn iż-żoni għandhom jissodisfaw l-istandards tas-saħħa stipulati fil-Kapitolu V tat-Taqsima VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Fi 80 % tal-kampjuni tal-molluski bivalvi ħajjin miġbura minn dawn iż-żoni fil-perjodu tar-reviżjoni m'għandux ikun hemm iktar minn 230 E. coli għal kull 100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari. L-20 % tal-kampjuni li jifdal ma għandux ikun fihom aktar minn 700 E. coli għal kull 100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari.

Hija u tivvaluta r-riżultati għall-perjodu definit tar-reviżjoni għaż-żamma ta' żona tal-klassi A, l-awtorità kompetenti, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju li tagħmel permezz ta' investigazzjoni, tista' tiddeċiedi li ma tqisx riżultat anomalu li jisboq il-livell ta' 700 E. coli għal kull 100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari.”.

Artikolu 2

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005, il-Kapitolu 1 huwa emendat kif ġej.

(1)

fit-tabella tal-Kriterji tas-sikurezza tal-ikel, ir-ringiela 1.25 tinbidel b'dan li ġej:

“1.25.

Molluski bivalvi ħajjin u ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-baħar ħajjin

E. coli (15)

5 (16)

1

230 MPN/100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari

700 MPN/100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari

EN/ISO 16649-3

Prodotti mqiegħda fis-suq matul il-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa tagħhom”

(2)

in-nota f'qiegħ il-paġna numru 16 tinbidel b'dan li ġej:

“(16)

kull unità tal-kampjuni fiha għadd minimu ta' annimali individwali skont l-EN/ISO 6887-3.”

(3)

(a)

fin-noti dwar l-Interpretazzjoni tar-riżultati tat-testijiet, l-entrata “Il-limiti mogħtija jirreferu għal kull unità kampjun ittestjata, esklużi l-molluski bivalvi ħajjin u l-ekinodermi, it-tunikati u l-gastropodi ħajjin fir-rigward tal-ittestjar għall-E. coli, fejn il-limitu jirreferi għal kampjun kompost.”.

Tinbidel bi:

“Il-limiti mogħtija jirreferu għal kull unità tal-kampjuni ttestjata.”.

(b)

fin-noti dwar l-Interpretazzjoni tar-riżultati tat-testijiet, l-entrata dwar “L. monocytogenes f'ikel ieħor lest biex jittiekel u E. coli f'molluski bivalvi ħajjin” tinbidel b'dan li ġej:

L. monocytogenes f'ikel ieħor lest biex jittiekel:

sodisfaċenti, jekk il-valuri kollha osservati jkunu ≤ mil-limitu,

mhux sodisfaċenti, jekk kwalunkwe wieħed mill-valuri jkun > mil-limitu.

E. coli fil-molluski bivalvi ħajjin u ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-baħar ħajjin:

sodisfaċenti, jekk il-ħames valuri osservati jkunu ≤ 230 MPN/100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari jew jekk wieħed mill-ħames valuri osservati jkun > 230 MPN/100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari iżda ≤ 700 MPN/100 g ta' laħam u ta' likwidu intravalvulari,

mhux sodisfaċenti, jekk kwalunkwe wieħed mill-ħames valuri osservati jkun > 700 MPN/100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari jew jekk mill-inqas tnejn mill-ħames valuri osservati jkunu > 230 MPN/100 g ta' laħam u likwidu intravalvulari.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-prodotti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).