4.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 319/1


REGOLAMENT (UE) 2015/2219 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Novembru 2015

dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 87(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI (2) bħala entità tal-Unjoni bil-għan li jħarreġ uffiċjali għolja tal-puluzija tal-Istati Membri u li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija nazzjonali billi torganizza u tikkordina attivitajiet ta' taħriġ b'dimensjoni polizjeska Ewropea.

(2)

Il-'Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini' għandu l-għan li joħloq kultura Ewropea ġenwina tal-infurzar tal-liġi billi jiġu stabbiliti skemi ta' taħriġ u programmi ta' skambju Ewropej għall-professjonisti tal-infurzar tal-liġi rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(3)

Bi tweġiba għas-sejħa mill-Kunsill Ewropew fil-Programm ta' Stokkolma biex jiżdied it-taħriġ dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni u biex dan it-taħriġ isir sistematikament aċċessibbli għal uffiċjali tal-infurzar tal-liġi f'kull kariga, u għat-talba mill-Parlament Ewropew għal qafas tal-Unjoni aktar b'saħħtu għal taħriġ ġudizzjarju u tal-pulizija, l-objettivi tas-CEPOLl għandhom, filwaqt li jqiegħdu enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi, ikunu strutturati f'konformità mal-prinċipji ġenerali li ġejjin: l-ewwel, li jingħata appoġġ lill-Istati Membri fil-provvista ta' taħriġ sabiex jittejjeb l-għarfien bażiku tad-dimensjoni Unjoni tal-infurzar tal-liġi; it-tieni, li jingħata appoġġ lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, fl-iżvilupp ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali permezz ta' taħriġ fl-infurzar tal-liġi; it-tielet, li jiġi żviluppat, implimentat u ikkoordinat taħriġ f'oqsma tematiċi speċifiċi; u r-raba' li jiġi żviluppat, implimentat u koordinat taħriġ fir-rigward tal-missjonijiet tal-Unjoni u tal-attivitajiet ta' bini tal-ħiliet fil-qasam tal-infurzar tal-liġi f'pajjiżi terzi. Dak ss-sett ta' prinċipji ġenerali għandu jirrappreżenta l-Iskema Ewropea ta' Taħriġ għall-Infurzar tal-Liġi (LETS), li għandha l-għan li tiżgura li t-taħriġ fil-livell tal-Unjoni għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jkun ta' kwalità għolja, koerenti u konsistenti. Dawk il-prinċipji ġenerali jirriflettu l-erba' ambiti identifikati mill-Kummissjoni abbażi tal-immappjar tal-ħtiġijiet ta' taħriġ u provvista mwettaq mis-CEPOL b'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

(4)

Fl-attivitajiet ta' taħriġ tiegħu, is-CEPOL għandu jippromwovi rispett komuni għad-drittijiet fundamentali fl-infurzar tal-liġi, u l-fehim tagħhom, bħall-privatezza, il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi, ix-xhieda u l-persuni suspettati ta' reati, inkluż is-salvagwardja tad-drittijiet tal-vittmi ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi.

(5)

Is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-funzjonament tas-CEPOL, fid-dawl ta' LETS iwessgħu l-possibilitajiet għas-Cepol li jappoġġja, jiżviluppa, jimplimenta u jikkoordina l-attivitajiet ta' taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-inizjattivi nazzjonali meħuda mill-Istati Membri fil-qasam tat-taħriġ tal-persunal għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, meta tali attivitajiet ta' taħriġ jistgħu jżidu l-valur għall-Istati Membri u l-Unjoni.

(6)

Sabiex isir l-iktar użu effiċjenti tar-riżorsi tiegħu, l-attivitajiet tas-CEPOL għandhom jiġu ffokati fuq il-prijoritajiet u l-oqsma fejn it-taħriġ jista' jżid il-valur għall-Istati Membri u l-Unjoni f'konformità mal-ħtiġijiet attwali u futuri u r-rekwiżiti kummerċjali.

(7)

Is-CEPOL għandu jiżgura li t-taħriġ jiġi evalwat u li l-konklużjonijiet mill-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tat-taħriġ ikunu parti mill-ippjanar tiegħu biex titjieb l-effikaċja ta' azzjonijiet futuri. Is-CEPOL għandu jkun jista' jippromwovi r-rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ dwar l-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u r-rikonoxximent mill-Istati Membri tat-taħriġ ipprovdut fil-livell tal-Unjoni.

(8)

Biex tkun evitata d-dupplikazzjoni jew sovrappożizzjoni u biex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta' taħriġ għall-uffiċjali kompetenti tal-infurzar tal-liġi, imwettqa mill-aġenziji tal-Unjoni u korpi rilevanti oħra, is-CEPOL għandu jivvaluta l-ħtiġijiet ta' taħriġ strateġiku u jindirizza l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà interna u l-aspetti esterni tagħha, skont iċ-ċikli rilevanti tal-politika.

(9)

Is-CEPOL għandu jgħaqqad netwerk ta' istituti ta' taħriġ tal-Istati Membri għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u għandu jaħdem ma' unità nazzjonali unika f'kull Stat Membru li jopera f'netwerk.

(10)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu rrappreżentati fuq il-Bord Maniġerjali tas-CEPOL (il-“Bord Maniġerjali”) sabiex jissorveljaw l-eżerċizzju mis-CEPOL tal-funzjonijiet tiegħu b'mod effettiv. Il-Membri tal-Bord Maniġerjali u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru abbażi tal-għarfien tagħhom fil-qasam tat-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u l-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji rilevanti tagħhom.

(11)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-Bord Maniġerjali, il-partijiet kollha rappreżentati fih għandhom jagħmlu sforzi sabiex jillimitaw it-tibdil tar-rappreżentanti tagħhom,. Il-partijiet kollha għandhom jimmiraw biex jiksbu rappreżentanza bbilanċjata bejn is-sessi fil-Bord Maniġerjali.

(12)

Il-Bord Maniġerjali għandu jingħata s-setgħat neċessarji, b'mod partikolari s-setgħa li jistabbilixxi l-baġit, li jivverifika l-eżekuzzjoni tiegħu, li jadotta regoli finanzjarji xierqa u programmar pluriennali u ta' ħidma annwali tas-CEPOL, li jistabbilixxi proċeduri trasparenti ta' ħidma għat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CEPOL, li jaħtar id-Direttur Eżekuttiv, li jistabbilixxi indikaturi ta' prestazzjoni u li jeżerċita setgħat tal-awtorità tal-ħatra, skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Unjoni Ewropea (“il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra”) stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3).

(13)

Sabiex ikun żgurat funzjonament effiċjenti ta' kuljum tas-CEPOL, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant ġuridiku u l-maniġer tiegħu, jaġixxi b'indipendenza fl-eżerċizzju tad-doveri kollha tiegħu jew tagħha u jiżgura li s-CEPOL iwettaq il-kompiti previsti f ' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli mill-preparazzjoni tad-dokumenti tal-baġit u tal-ippjanar għall-preżentazzjoni lill-Bord Maniġerjali għal deċiżjoni u mill-implimentazzjoni tal-programmazzjoni pluriennali u l-programmi ta' ħidma annwali tas-CEPOL.

(14)

Fejn xieraq, u b'kont meħud tar-rekwiżiti kummerċjali u r-riżorsi finanzjarji, il-Bord Maniġerjali għandu jiddeċiedi li jistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ bħala korp konsultattiv indipendenti biex tkun żgurata l-kwalità xjentifika tax-xogħol tas-CEPOL. Dak il-kumitat għandu jkun magħmul minn persuni indipendenti li jkunu akkademiċi ta' livell għoli u professjonisti tal-infurzar tal-liġi fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament. Il-Membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom jinħatru mill-Bord Maniġerjali wara sejħa għall-applikazzjonijiet trasparenti u proċedura ta' għażla li għandhom ikunu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Is-CEPOL għandu jiżgura li t-taħriġ tiegħu jintegra żviluppi rilevanti fir-riċerka. Hu għandu jippromwovi u jistabbilixxi sħubija ma' korpi tal-Unjoni kompetenti fil-materji koperti minn dan ir-Regolament kif ukoll ma' istituzzjonijiet akkademiċi pubbliċi u privati u għandu jkun jista' jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' sħubijiet iktar b'saħħithom bejn l-universitajiet u l-istituti tat-taħriġ għall-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri, sabiex jinħolqu sinerġiji bejniethom permezz ta' kooperazzjoni msaħħa.

(16)

Sabiex tkun żgurata l-awtonomija sħiħa u l-indipendenza tiegħu u biex ikun jista' jwettaq b'mod xieraq l-objettivi u l-kompiti assenjati lilu f'dan ir-Regolament, is-CEPOL għandu jingħata baġit adegwat u awtonomu bi dħul li jiġi essenzjalment minn kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni għandha tkun applikabbli safejn għandhom x'jaqsmu l-kontribut tal-Unjoni u kwlaunkwe sussidju ieħor debitabbli lill-baġit tal-Unjoni. Il-kontijiet għandhom ikunu awditjati mill-Qorti tal-Awdituri;

(17)

Għall-iskop tat-twettiq tal-kompiti tiegħu, is-CEPOL għandu jkun jista' wkoll jagħti għotjiet lill-istituzzjonijiet tat-taħriġ u r-riċerka tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-korsijiet, is-seminars u l-konferenzi tas-CEPOL. Tali għotjiet għandhom jikkontribwixxu ulterjorment għat-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-istituti tat-taħriġ tal-Istati Membri fin-netwerk u għall-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku tal-infurzar tal-liġi.

(18)

Għall-iskop tat-twettiq tal-missjoni tiegħu u sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, is-CEPOL għandu jkun jista' jikkoopera ma' Aġenziji oħra tal-Unjoni, l-awtoritajiet u istituti ta' taħriġ kompetenti ta' pajjiż terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-materji koperti minn dan ir-Regolament fil-qafas tal-arranġamenti ta' ħidma konklużi skont dan ir-Regolament jew konklużi ma' istituti ta' taħriġ nazzjonali ta' pajjiżi terzi abbażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI, kif ukoll ma' partijiet privati.

(19)

Id-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI tistipula li s-CEPOL ikollu s-sede tiegħu fi Bramshill, fir-Renju Unit. F'konformità mar-Regolament (UE) Nru 543/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), is-sede tas-CEPOL ġiet trasferita għal Budapest, fl-Ungerija, u l-Kummissjoni ġiet mistiedna tressaq rapport dwar l-effikaċja tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI wara analiżi fil-fond tal-ispejjeż u l-benefiċċji u valutazzjoni tal-impatt.

(20)

L-Istat Membru ospitanti għandu jipprovdi l-kondizzjonijiet neċessarji għall-operazzjoni tajba tas-CEPOL, inklużi skejjel multilingwi, b'orjentazzjoni Ewropea u kollegamenti xierqa tat-trasport, sabiex jiġu attirati riżorsi umani ta' kwalità għolja minn firxa ġeografika wiesgħa kemm jista' jkun.

(21)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jemenda u jespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 543/2014. Billi l-emendi li għandhom isiru b'dan ir-Regolament huma ta' ammont u natura sostanzjali, id-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 543/2014, fl-interess taċ-ċarezza, għandha tiġi sostitwita fit-totalità tagħha fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'dan ir-Regolament. Is-CEPOL, kif stabbilit b'dan ir-Regolament, għandu jissostitwixxi u jieħu l-funzjonijiet tas-CEPOL, kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI, li, bħala konsegwenza, għandha tiġi mħassra.

(22)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandu japplika għas-CEPOL.

(23)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' aġenzija responsabbli mill-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi fil-livell tal-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f ' dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(24)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti partikolarment mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), partikolarment id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza kif protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, kif ukoll bl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(25)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhux marbuta biħjew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.

(26)

F'konformità l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI, OBJETTIVI U KOMPITI TAL-AĠENZIJA

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi

1.   L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) hija b'dan stabbilita.

2.   Is-CEPOL, kif stabbilit minn dan ir-Regolament għandu jissostitwixxi u jissuċċedi s-CEPOL kif stabbilit mid-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(1)

“uffiċjali tal-infurzar tal-liġi” tfisser persunal tal-pulizija, tad-dwana u servizzi oħra rilevanti, kif definiti mill-Istati Membri individwali, li jkun responsabbli minn dan li ġej u persunal tal-korpi tal-Unjoni li għandhom kompiti relatati ma' dan li ġej:

(a)

il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar, it-terroriżmu u l-forom ta' kriminalità li jolqtu interess komuni koperti minn politika tal-Unjoni; jew

(b)

l-immaniġġjar ta' kriżi u l-ordni pubbliku, b'mod partikolari tas-sorveljanza internazzjonali ta' avvenimenti ewlenin;

(2)

“Korpi tal-Unjoni” tfisser istituzzjonijiet, korpi, missjonijiet, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn, jew abbażi tat-TUE u t-TFUE;

(3)

“organizzazzjonijiet internazzjonali” tfisser organizzazzjonijiet internazzjonali u l-korpi subordinati tagħhom regolati b'liġi pubblika internazzjonali jew korpi oħra li huma stabbiliti minn, jew abbażi ta' ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar, kif ukoll l-Interpol.

Artikolu 3

Objettivi tas-CEPOL

1.   Is-CEPOL għandu jappoġġja, jiżviluppa, jimplimenta u jikkordina taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jpoġġi enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja li taffettwa żewġ Stati Membri jew aktar u t-terroriżmu, iż-żamma tal-ordni pubbliku, b'mod partikolari s-sorveljanza internazzjonali tal-avvenimenti ewlenin, u l-ippjanar u t-treġija tal-missjonijiet tal-Unjoni, li jistgħu jinkludu wkoll taħriġ dwar tmexxija tal-infurzar tal-liġi u ħiliet lingwistiċi. B'mod aktar speċifiku, is-CEPOL għandu:

(a)

jappoġġja lill-Istati Membri fil-provvista ta' taħriġ sabiex joħolqu sensibilizzazzjoni u għarfien ta':

(i)

l-implimentazzjoni u l-użu tal-istrumenti internazzjonali u tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi;

(ii)

korpi tal-Unjoni, partikolarment Europol, Eurojust u Frontex, l-operat u r-rwol tagħhom;

(iii)

aspetti tal-pulizija u ġudizzjarji ta' kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u għarfien prattiku dwar l-aċċess għal kanali ta' skambju ta' informazzjoni;

(b)

jappoġġja lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, fl-iżvilupp ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali permezz ta' taħriġ fl-infurzar tal-liġibejn l-Istati Membri, korpi tal-Unjoni u pajjiżi terzi;

(c)

jiżviluppa, jimplimenta u jikkoordina t-taħriġ li jindirizza oqsma tematiċi speċifiċi penali jew relatati mal-attivitajiet tal-pulizija;

(d)

jiżviluppa, jimplimenta u jikkoordina t-taħriġ li jkollu l-għan li jappoġġja lill-Istati Membri u korpi tal-Unjoni biex iħarrġu l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi għall-parteċipazzjoni f'missjonijiet tal-Unjoni u f'attivitajiet ta' bini ta' kapaċità fl-infurzar tal-liġi f'pajjiżi terzi;

(e)

iħarreġ lill-ħarrieġa u jassisiti fit-titjib u l-iskambju tal-aħjar prattika ta' tagħlim.

2.   Is-CEPOL għandu jiżviluppa u jtejjeb l-għodod u l-metodoloġiji tat-tagħlim u għandu japplikahom f'perspettiva ta' tagħlim matul il-ħajja sabiex jissaħħu l-ħiliet tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi. Hu għandu jevalwa r-riżultati ta' tali azzjonijiet bil-ħsieb li jtejjeb il-kwalità, il-koerenza u l-effikaċja ta' azzjonijiet futuri fil-livell tal-Unjoni.

3.   Is-CEPOL għandu jgħaqqad netwerk ta' istituti ta' taħriġ tal-Istati Membri għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u għandu jaħdem ma' unità nazzjonali unika f'kull Stat Membru li jopera fin-netwerk.

4.   L-attivitajiet ta' tagħlim imsemmija fil-paragrafu 1 għandom ikunu mwettqa mis-CEPOL f'kooperazzjoni man-netwerk tal-istituti ta' taħriġ tal-Istati Membri skont ir-regoli finanzjarji applikabbli għas-CEPOL.

Artikolu 4

Kompiti

1.   Is-CEPOL għandu jħejji analiżi strateġika multiannwali tal-ħtiġijiet tat-taħriġ u programmi ta' tagħlim pluriennali.

2.   Is-CEPOL għandu jappoġġja, jiżviluppa, jimplimenta u jikkoordina attivitajiet ta' taħriġ u prodotti ta' tagħlim li jinkludu:

(a)

korsijiet, seminars, konferenzi, kif ukoll attivitajiet ibbażati fuq l-Internet, tagħlim elettroniku u attivitajiet ta' taħriġ oħra innovattivi u avvanzati;

(b)

Kurrikuli komuni għat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi dwar suġġetti speċifiċi b'dimensjoni tal-Unjoni;

(c)

moduli ta' taħriġ iggradati skont stadji progressivi jew livelli ta' kumplessità tal-ħiliet meħtieġa mill-grupp rilevanti fil-mira, u ffukati jew fuq reġjun ġeografiku speċifiku jew fuq qasam tematiku speċifiku ta' attività kriminali jew fuq sett speċifiku ta' ħiliet professjonali;

(d)

programmi ta' skambju u sekondjar kif ukoll żjajjar ta' studju fil-kuntest ta' taħriġ fl-infurzar tal-liġi.

3.   L-attivitajiet ta' taħriġ u l-prodotti ta' tagħlim tas-CEPOL jistgħu jiġu appoġġjati, imtejba u kkompletati mill-operazzjoni ta' netwerk elettroniku.

4.   Is-CEPOL għandu jappoġġja lill-missjonijiet u lill-attivitajiet ta' bini ta' kapaċità tal-Unjoni permezz ta' wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

jivvaluta, f'koordinazzjoni ma' korpi oħra rilevanti tal-Unjoni, l-impatt tal-politiki u l-inizjattivi eżistenti tal-Unjoni relatati mat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi;

(b)

jiżviluppa u jipprovdi taħriġ sabiex jipprepara l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi għal parteċipazzjoni f'missjonijiet tal-Unjoni, inkluż biex jippermettilhom jiksbu ħiliet lingwistiċi rilevanti, f'koordinazzjoni mal-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża u ma' inizjattivi eżistenti tal-Istati Membri;

(c)

jiżviluppa u jipprovdi taħriġ għal uffiċjali tal-infurzar tal-liġi minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari minn pajjiżi li huma kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni u l-pajjiżi fil-Politika Ewropea tal-Viċinat;

(d)

jimmaniġġja fondi tal-Unjoni ddedikati għall-Assistenza Esterna biex jgħin pajjiżi terzi jibnu l-kapaċità tagħhom fl-oqsma ta' politika tal-infurzar tal-liġi rilevanti, f ' konformità mal-prijoritajiet stabbiliti tal-Unjoni.

5.   Is-CEPOL għandu jippromwovi r-rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ dwar l-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u r-rikonoxximent mill-Istati Membri tat-taħriġ ipprovdut fil-livell tal-Unjoni b'attenzjoni xierqa lill-prinċipju tas-sussidjarjetà.

6.   Is-CEPOL jista' jwettaq attivitajiet ta' komunikazzjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess fl-oqsma li jaqgħu fil-mandat tiegħu. Tali attivitajiet ta' komunikazzjoni ma għandhomx ikunu detrimentali għall-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jitwettqu skont il-pjanijiet relevanti ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni adottati mill-Bord Maniġerjali.

Artikolu 5

Riċerka rilevanti għat-taħriġ

1.   Is-CEPOL għandu jikkontribwixxi għal u jħeġġeġ l-iżvilupp tar-riċerka rilevanti għall-attivitajiet ta' taħriġ skont l-objettivi tiegħu kif stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u għandu jxerred il-konklużjonijiet tar-riċerki. Għal dak l-għan, is-CEPOL jista' jwettaq inkjesti rilevanti u jista' jiżviluppa repożitorji ta' riċerka disponibbli kif ukoll bżonnijiet ta' taħriġ fl-infurzar tal-liġi.

2.   Is-CEPOL għandu jippromwovi u jistabbilixxi sħubija ma' korpi tal-Unjoni kif ukoll ma' istituti akkademiċi pubbliċi u privati u jista' jħeġġeġ il-ħolqien ta' sħubijiet iktar b'saħħithom bejn l-universitajiet u l-istituti tat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri.

KAPITOLU II

KOOPERAZZJONI BEJN L-ISTATI MEMBRI U S-CEPOL

Artikolu 6

L-unitajiet nazzjonali tas-CEPOL

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jaħtar unità nazzjonali, li għandha tkun il-korp ta' koordinazzjoni mas-CEPOL fi ħdan in-netwerk tal-istituti nazzjonali ta' taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri.

2.   L-unitajiet nazzjonali għandhom jkunu responsabbli għat-twettiq tal-kompiti stabbiliti f'dan l-Artikolu. B'mod partikolari, huma għandhom:

(a)

jissupplixxu lis-CEPOL bl-informazzjoni neċessarja biex hu jwettaq il-kompiti tiegħu;

(b)

jikkontribwixxu għall komunikazzjoni u kooperazzjoni effettivi tas-CEPOL mal-istituti ta' taħriġ rilevanti kollha, inkluz l-istituti televanti ta' riċerka fl-Istati Membri;

(c)

jikkontribwixxu għall-programmi ta' ħidma, il-kalendarji annwali u s-sit web tas-CEPOL u jippromwovuhom;

(d)

jirrispondu għat-talbiet tas-CEPOL għall-informazzjoni u pariri;

(e)

jorganizzaw u jikkoordinaw nominazzjonijiet xierqa tal-parteċipanti u l-esperti għall-attivitajiet fil-livell nazzjonali fi żmien adegwat u b'mod trasparenti;

(f)

jikkoordinaw l-implimentazzjoni ta' attivitajiet u laqgħat fl-Istati Membri tagħhom;

(g)

jipprovdu appoġġ fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' skambju għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi;

(h)

jippromwovu l-użu tan-netwerk elettroniku tas-CEPOL għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi.

3.   Ir-rappreżentanti tal-unitajiet nazzjonali għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari, fuq talba tal-Bord Maniġerjali, tad-Direttur Eżekuttiv jew fuq l-inizjattiva tagħhom stess, fir-rigward ta' kwistjonijiet operazzjonali u edukazzjonali tas-CEPOL. B'mod partikolari, huma għandhom jikkunsidraw u jiżviluppaw proposti li jtejbu l-effikaċja operazzjonali tas-CEPOL u jinkoraġġixxu impenn mill-Istati Membri.

4.   Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-organizzazzjoni u l-persunal tal-unità nazzjonali tiegħu skont il-liġi u r-riżorsi nazzjonali tiegħu.

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI TAS-CEPOL

Artikolu 7

Struttura amministrattiva u tal-ġestjoni tas-CEPOL

L-istruttura amministrattiva u maniġerjali tas-CEPOL għandha tinkludi:

(a)

Bord Maniġerjali;

(b)

Direttur Eżekuttiv;

(c)

fejn xieraq, Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ stabbilit mill-Bord Maniġerjali skont l-Artikolu 15;

(d)

fejn xieraq, korpi konsultattivi oħra, stabbiliti mill-Bord Maniġerjali skont il-punt (q) tal-Artikolu 9(1).

TAQSIMA 1

Bord Maniġerjali

Artikolu 8

Kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u l-Kummissjoni. Kull rappreżentant għandu jkollu drittijiet tal-vot.

2.   Kull membru tal-Bord Maniġerjali għandu jkollu supplent, li għandu jirrappreżenta lil dak il-membru fl-assenza tiegħu jew tagħha.

3.   Il-Membri tal-Bord Maniġerjali u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru wara li jitqies l-għarfien tagħhom fil-qasam tat-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u l-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji tagħhom. Il-prinċipju ta' rappreżentanza bbilanċjata bejn is-sessi fil-Bord Maniġerjali għandhom ukoll jitqiesu.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni li jtemmu l-mandat tal-membru rispettiv u tal-membru supplent tagħhom, il-parteċipazzjoni fill-Bord Maniġerjali għandha tkun għal-perjodu ta' erba' snin. Dak il-mandat ikun jista' jiġi estiż.

Artikolu 9

Funzjonijiet tal-Bord Maniġerjali

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu:

(a)

jadotta kull sena, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu u f'konformità mal-Artikolu 10, dokument li jkun fih il-programmazzjoni pluriennali tas-CEPOL ul-programm ta' ħidma annwali tiegħu għas-sena ta' wara;

(b)

jadotta, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, il-baġit annwali tas-CEPOL u jeżerċita funzjonijiet oħrajn fir-rigward tal-baġit tas-CEPOL skont il-Kapitolu IV;

(c)

jadotta rapport konsolidat tal-attività annwali dwar l-attivitajiet tas-CEPOL u, sal-1 ta' Lulju tas-sena ta' wara, jibagħtuh lill-Parlament Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. Ir-rapport annwali tal-attività konsolidat għandu jiġi ppubblikat;

(d)

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għas-CEPOL skont l-Artikolu 21;

(e)

jadotta strateġija interna kontra l-frodi, proporzjonata mar-riskji ta' frodi, filwaqt li jqis il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom ikunu implimentati;

(f)

jadotta regoli interni għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu u l-membri tal-kumitat ta' selezzjoni, kif ukoll tal-membri ta' Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ;

(g)

jadotta l-pjanijiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 skont analiżi tal-ħtiġijiet u jaġġornahom regolarment;

(h)

jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu;

(i)

f'konformità mal-paragrafu 2, jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tas-CEPOL, is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-awtorità tal-ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra lill-awtorità bis-setgħa biex tikkonkludi kuntratti ta' impjieg ta' uffiċjali oħra (“setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);

(j)

jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa biex jimplimenta r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(k)

jistabbilixxi, fejn xieraq, kapaċità tal-awditjar intern;

(l)

jadotta regoli interni rigward il-proċedura ta' għażla tad-Direttur Eżekuttiv, inklużi r-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-kumitat ta' għażla li jiżgura l-indipendenza u l-imparżjalità tiegħu;

(m)

jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u, fejn xieraq, jestendi l-mandat tiegħu jew tagħha jew ineħħih jew ineħħiha mill-uffiċċju b'konformità mal-Artikolu 23;

(n)

jaħtar uffiċjal tal-kontijiet, soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra, li għandu jkun funzjonalment indipendenti fit-twettiq tad-dmirijietu jew dmirijietha;

(o)

fejn xieraq, u b'kont meħud ta r-rekwiżiti kummerċjali u r-riżorsi finanzjarji, jiddeċiedi li jwaqqaf Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ skont l-Artikolu 15 u jaħtar il-membri tiegħu skont l-Artikolu 16(2);

(p)

jiżgura segwitu xieraq għal konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti interni u esterni tal-awditjar u tal-evalwazzjonijiet, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF);

(q)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha, waqt li jikkunsidra kemm ir-rekwiżiti tal-operat kif ukoll dawk finanzjarji, dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tas-CEPOL u, fejn meħtieġ, il-modifika tagħhom;

(r)

jawtorizza l-konklużjoni ta' arranġamenti tax-xogħol skont l-Artikolu 34;

(s)

jadotta kurrikula komuni, moduli ta' taħriġ, metodi ta' tagħlim, u kull għodda oħra għat-tagħlim u l-istruzzjoni;

(t)

jadotta, fejn xieraq, regoli interni oħra.

2.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra, waqt li jiddelega s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra rilevanti lid-Direttur Eżekuttiv u jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li fihom din id-delega ta' setgħat tista' tkun sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawn is-setgħat.

3.   Meta ċirkostanzi eċċezzjonali jeħtieġu dan, il-Bord Maniġerjali jista', permezz ta' deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u kull setgħa subdelegata u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li mhux id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 10

Il-programmazzjoni pluriennali u l-programmi ta' ħidma annwali

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu, sat-30 ta' Novembru ta' kull sena, jadotta dokument li jkun fih il-programmazzjoni pluriennali u l-programm ta' ħidma annwali tas-CEPOL, abbażi ta' abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv, b'kont meħud tal-opinjoni tal-Kummissjoni u, fir-rigward tal-programmazzjoni pluriennali, wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew. Il-Bord Maniġerjali għandu jibgħat dak id-dokument lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Id-dokument imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali u, fejn neċessarju, għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ.

2.   Il-programmazzjoni pluriennali għandha tistipula programmazzjoni strateġika komprensiva, li tinkludi l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni, kif ukoll l-ippjanar tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal. Għandha tinkludi strateġija għal relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-programmazzjoni pluriennali għandha tkun implimentata permezz ta' programmi ta' ħidma annwali u, fejn xieraq, għandu jiġi aġġornat wara r-riżultati tal-evalwazzjonijiet esterni u interni msemmija fl-Artikolu 32. Il-konklużjoni ta' dawk l-evalwazzjonijiet għandha tkun riflessa wkoll, fejn xieraq, fil-programm ta' ħidma annwali għas-sena segwenti.

3.   Il-programm ta' ħidma pluriennali għandu jinkludi objettivi dettaljati, riżultati mistenniija u indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jkunu se jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, skont il-prinċipji tal-ibbaġittjar u tat-tmexxija bbażati fuq l-attività. Il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun konsistenti mal-programmazzjoni pluriennali. Huwa għandu jindika b'mod ċar il-kompiti li żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbla mas-sena preċedenti. Il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi l-istrateġija għal relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 u l-azzjonjiet marbuta ma' dik l-istrateġija.

4.   Fejn, wara l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali, jingħata kompitu ġdid lis-CEPOL, il-Bord Maniġerjali għandu jemenda l-programm ta' ħidma annwali.

5.   Kull emenda sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali għandha tkun addottata bl-istess proċedura bħal dik applikabbli għall-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali inizjali. Il-Bord Maniġerjali jista' jiddelega s-setgħa biex jagħmel emendi mhux sostanzjali għall-programm ta' ħidma annwali lid-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 11

President u Viċi President tal-Bord Maniġerjali

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-grupp ta' tliet Stati Membri li flimkien ikunu ħejjew il-programm ta' 18-il xahar tal-Presidenza. Huma għandhom iservu għall-perijodu ta' 18-il xahar ta' dak il-programm tal-Kunsill. Jekk, madankollu, il-parteċipazzjoni tal-President jew tal-Viċi President fil-Bord Maniġerjali tintemm fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament fl-istess data.

2.   Il-President u l-Viċi President għandhom ikunu eletti b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bordijiet Maniġerjali.

3.   Fejn il-President ma jkunx jista' jaqdi id-dmirijiet tiegħu jew tagħha, hu jew hi għandu awtomatikament jiġi/tiġi sostitwit/a mill-Viċi Presiden.

Artikolu 12

Laqgħat tal-Bord Maniġerjali

1.   Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Maniġerjali.

3.   Il-Bord Maniġerjali għandu jiltaqa' darbtejn fis-sena f'sessjoni ordinarja. Barra minn hekk, għandu jiltaqa ' fuq inizjattiva tal-President, fuq talba tal-Kummissjoni jew ta' mill-inqas terz tal-membri tiegħu.

4.   Il-Bord Maniġerjali u d-Direttur Eżekuttiv jista' jistieden lil kwalunkwe persuna li l-opinjoni tagħha tista' tkun rilevanti għad-diskussjoni biex tattendi laqgħa bħala osservatur mingħajr dritt li jivvota.

5.   Soġġett għar-regoliproċedurali tiegħu, il-membri u l-membri supplenti tal-Bord Maniġerjali jistgħu jkunu megħjunin minn konsulenti jew minn esperti.

6.   Is-CEPOL għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Bord Maniġerjali.

Artikolu 13

Regoli tal-votazzjoni tal-Bord Maniġerjali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-punti (a) u (b) tal-Artikolu 9(1), l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 15, l-Artikolu 23(6) u l-Artikolu 27(2), il-Bord Maniġerjali għandu jieħu d-deċiżjonijiet b'maġġoranza tal-membri tiegħu.

2.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fl-assenza ta' membru bi dritt tal-vot, is-supplenti tiegħu jew tagħha għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt tal-vot ta' dak il-membru.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jieħu sehem fil-votazzjoni.

4.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Bord Maniġerjali għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' votazzjoni dettaljati b'mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor.

TAQSIMA 2

Direttur Eżekuttiv

Artikolu 14

Responsabilitajiet tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimmaniġġja s-CEPOL. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord Maniġerjali.

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-doveri tiegħu u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi korp ieħor.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta għand il-Parlament Ewropew dwar il-prestazzjoni ta' dmirijietu meta jiġi mistieden jagħmel hekk. Il-Kunsill jista' jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jirraporta dwar it-twettiq ta' dmirijietu.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant ġuridiku tas-CEPOL.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lis-CEPOL minn dan ir-Regolament, b'mod partikolari:

(a)

l-amministrazzjoni ta' kuljum tas-CEPOL;

(b)

li jagħmel proposti lill-Bord Maniġerjali fir-rigward tal-istabbiliment tal-istrutturi interni tas-CEPOL u, meta meħtieġ, il-modifika tagħhom;

(c)

deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni adottati mill-Bord Maniġerjali;

(d)

it-tħejjija tal-abbozz tal-programmazzjoni pluriennali u tal-programmi ta' ħidma annwali u l-preżentazzjoni tagħhom quddiem il-Bord Maniġerjali, wara li jkun ikkonsulta l-Kummissjoni;

(e)

l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni pluriennali u tal-programmi ta' ħidma annwali u r-rapportar lill-Bord Maniġerjali dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

(f)

it-tħejjija tal-abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni xierqa biex jagħti effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(g)

it-tħejjija tal-abbozz tar-rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tas-CEPOL u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord Maniġerjali għall-adozzjoni;

(h)

it-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni li jsegwi l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar u l-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll investigazzjonijiet mill-OLAF, u r-rapportar dwar il-progress għand il-Kummissjoni darbtejn fis-sena u għand il-Bord Maniġerjali b'mod regolari;

(i)

il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra u, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza investigattiva tal-OLAF, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa skorrettament u, fejn ikun xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi;

(j)

it-tħejjija ta' abbozz ta' strateġija interna kontra l-frodi għas-CEPOL u l-preżentazzjoni tagħha lill-Bord Maniġerjali għall-adozzjoni;

(k)

it-tħejjija ta' abbozz ta' regoli finanzjarji applikabbli għas-CEPOL;

(l)

it-tħejjija tal-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tas-CEPOL u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha;

(m)

appoġġ lill-President tal-Bord Maniġerjali fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Bord Maniġerjali;

(n)

it-twettiq ta' kompiti oħra skont dan ir-Regolament.

TAQSIMA 3

Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ

Artikolu 15

Stabbiliment

Fejn xieraq, u b'kont meħud tar-rekwiżiti kummerċjali u r-riżorsi finanzjarji, il-Bord Maniġerjali għandu jiddeċiedi, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, li jistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ. L-istess proċedura għandha tapplika għal deċiżjoni li tirrevoka tali stabbiliment.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet ġenerali, objettivi u kompiti

1.   Meta jiġi stabbilit mill-Bord Maniġerjali, il-Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ għandu jkun korp konsultattiv indipendenti li jiżgura l-kwalità xjentifika tal-ħidma tas-CEPOL li tirrigwarda t-taħriġ.

2.   Il-Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ għandu jkun magħmul minn akkademiċi ta' livell għoli u professjonisti tal-infurzar tal-liġi fis-suġġetti koperti mill-Artikolu 4. Il-Bord Maniġerjali għandu jaħtar lill-membri tal-Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ wara sejħa trasparenti għall-applikazzjonijiet u l-proċedura tal-għażla, li tkun ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-membri tal-Bord Maniġerjali ma għandhomx ikunu membri tal-Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ. Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ għandu ikunu indipendenti u la għandhom ifittxu u lanqas jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern jew xi korp ieħor.

3.   Il-Bord Maniġerjali għandu jafda lill-Kumitat Xjentifika għat-Taħriġ bi, inter alia, il-kompiti li ġejjin:

(a)

għoti ta' pariri lid-Direttur Eżekuttiv dwar l-abbozzar tal-programmazzjoni pluriennali u l-programmi ta' ħidma annwali u ta' dokumenti strateġiċi oħra, biex jiżgura l-kwalità xjentifika tagħhom u l-konsistenza tagħhom mal-politiki u l-prijoritajiet tal-Unjoni għas-settur;

(b)

għoti ta' opinjonijiet indipendenti u pariri lill-Bord Maniġerjali dwar kwistjonijiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu;

(c)

għoti ta' opinjonijiet indipendenti u pariri dwar il-kwalità tal-curricula, metodi ta' tagħlim applikati, alternattivi ta' tagħlim u żviluppi xjentifiċi;

(d)

twettiq ta' kwalunkwe kompitu ieħor ta' konsulenza relatat mal-aspetti xjentifiċi tal-ħidma tas-CEPOL b'rabta ma' taħriġ, fuq talba tal-Bord Maniġerjali jew tad-Direttur Eżekuttiv.

4.   Meta jkun qed jistabbilixxi l-Kumitat Xjentifiku għat-Taħriġ, il-Bord Maniġerjali għandu jiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tiegħu, il-mandat tal-membri tiegħu, il-frekwenza tal-laqgħat tiegħu u r-regoli ta' proċedura tiegħu, inklużi r-regoli ta' votazzjoni tiegħu.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 17

Il-Baġit

1.   L-istimi tad-dħul u l-infiq kollu tas-CEPOL għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li għandha tikkorispondi mas-sena kalendarja, u għandhom jidhru fil-baġit tas-CEPOL.

2.   Il-baġit tas-CEPOL għandu ikun ibbilanċjat f'termini ta' dħul u nfiq.

3.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tas-CEPOL għandu jinkludi kontribuzzjoni mill-Unjoni, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4.   Is-CEPOL jista' jibbenefika minn fondi tal-Unjoni fil-forma ta' ftehimiet ta' delega jew għotjiet ad hoc skont ir-regoli finanzjarji tiegħu msemmija fl-Artikolu 21 u d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti li jappoġġjaw il-politiki tal-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' projbizzjoni li jipprojbixxi l-finanzjament doppju stipulat fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (“Regolament Finanzjarju”), is-CEPOL jista' jġestixxi fondi dedikati tal-Unjoni biex iwettaq attivitajiet xjentifiċi fi ħdan l-ambitu tal-objettivi u l-kompiti tiegħu.

5.   In-nefqa tas-CEPOL għandha tinkludi r-rimunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u ta' infrastruttura u kostijiet operatorji.

6.   Impenji baġitarji għal azzjonijiet relatati ma' proġetti fuq skala kbira li jestendu fuq iktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu f'bosta pagamenti akkont annwali.

Artikolu 18

Stabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jifformula abbozz ta' dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tas-CEPOL għas-sena finanzjarja segwenti, inkluż pjan ta' stabbiliment, u għandu jibgħatha lill-Bord Maniġerjali.

2.   Il-Bord Maniġerjali, abbażi tal-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi, għandu jadotta abbozz provviżorju tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tas-CEPOL għas-sena finanzjarja ta' wara u għandu jibgħatha lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar kull sena.

3.   Il-Bord Maniġerjali għandu jibgħat l-abbozz finali tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tas-CEPOL lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu kull sena.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dikjarazzjoni tal-estimi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.   Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal l-estimi li hi tikkunsidra neċessarji għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont ta' sussidju li għandu joħroġ mill-baġit ġenerali fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, li hi għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikoli 313 u 314 TFUE.

6.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni mill-Unjoni għas-CEPOL.

7.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-pjan ta' stabbiliment tas-CEPOL.

8.   Il-baġit tas-CEPOL għandu jiġi adottat mill-Bord Maniġerjali. Huwa għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn neċessarju, huwa għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

9.   Għall kwalukwe proġett ta' bini li x'aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tas-CEPOL, għandu japplika r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (7).

Artikolu 19

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tas-CEPOL.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat kull informazzjoni rilevanti għall-konklużjonijiet ta' kwalunkwe proċedura ta' evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandu wkoll jinnotifika lill-Qorti tal-Awdituri dwar kwalunkwe konklużjoni ta' din ix-xorta.

Artikolu 20

Preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza

1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tas-CEPOL għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta' Marzu tas-sena finanzjarja sussegwenti (N + 1).

2.   CEPOL għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena N + 1.

3.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tas-CEPOL għas-sena N, ikkonsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena N + 1.

4.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tas-CEPOLgħas-sena N skont l-Artikolu 148 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tas-CEPOL għandu jħejji l-kontijiet finali tas-CEPOL għal dik is-sena. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżentahom lill-Bord Maniġerjali għal opinjoni.

5.   Il-Bord Maniġerjali għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tas-CEPOL għas-sena N.

6.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tas-CEPOL għandu, sal-1 ta' Lulju tas-sena N + 1, jibgħat il-kontijiet finali għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Maniġerjali msemmija fil-paragrafu 5.

7.   Il-kontijiet finali għas-sena N għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena N + 1.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta' Settembru tas-sena N + 1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ukoll din it-tweġiba lill-Bord Maniġerjali.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla intoppi tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena N, skont l-Artikolu 165(3) tar-Regolament Finanzjarju.

10.   Fuq Rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N + 2, il-Parlament Ewropew għandu jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

Artikolu 21

Regoli finanzjarji

1.   Ir-Regoli finanzjarji applikabbli għas-CEPOL għandhom jiġu adottati mill-Bord Maniġerjali wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Huma ma għandhomx jiddevjaw mir-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013 għajr jekk dan ikun meħtieġ speċifikament għall-operat tas-CEPOL u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens preċedenti tagħha.

2.   F'każijiet debitament ġustifikati u bl-approvazzjoni bil-quddiem mill-Bord Maniġerjali, is-CEPOL jista' jagħmel għotjiet mingħajr sejħa miftuħa għall-proposti lill-Istati Membri għall-forniment ta' taħriġ rigward il-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(2) u (4).

KAPITOLU V

PERSUNAL

Artikolu 22

Dispożizzjoni ġenerali

Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra u r-regoli adottati permezz ta' ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jagħtu effett għal dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-Persunal tas-CEPOL.

Artikolu 23

Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tas-CEPOL skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra.

2.   Id-Direttur għandu jiġi maħtur mill-Bord Maniġerjali, wara proċedura miftuħa u trasparenti ta' selezzjoni, minn lista ta' mill-inqas tliet kandidati proposta minn kumitat ta' selezzjoni stabbilita mill-Bord Maniġerjali u magħmula minn membri maħtura mill-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Il-kumitat ta' selezzjoni għandu jfassal dik il-lista minn lista tal-kandidati kollha, identifikati mill-Kummissjoni b'mod trasparenti, li l-profil tagħhom jissodisfa r-rekwiżiti għall-funzjoni stabbiliti f'avviż ta' post battal ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-kumitat ta' selezzjoni kopja tal-applikazzjonijiet kollha riċevuti għall-post.

Għall-fini li jiġi konkluż kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, is-CEPOL għandu jkun rappreżentat mill-President tal-Bord Maniġerjali.

3.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' erba' snin. Sa tmiem dan il-perijodu, il-Kummissjoni, b'assoċjazzjoni mal-Bord Maniġerjali, għandha twettaq valutazzjoni li tieħu kont tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tas-CEPOL.

4.   Il-Bord Maniġerjali, waqt li jqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragarfu 3, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba u għal mhux iktar minn erba' snin. F'tali każ, id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jipparteċipa fi proċedura ta' għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perjodu komplessiv.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv jista' jitneħħa mill-kariga b'deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali.

6.   Il-Bord Maniġerjali għandu jasal għal deċiżjoni dwar il-ħatra, estensjoni ta' mandat, jew tneħħija mill-kariga ta' Direttur Eżekuttiv b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu.

Artikolu 24

Esperti nazzjonali sekondati

1.   Is-CEPOL jista' juża esperti nazzjonali sekondati.

2.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta deċiżjoni li tistipula r-regoli dwar l-issekondar ta' esperti nazzjonali mas-CEPOL.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 25

Status ġuridiku

1.   Is-CEPOL għandu jkun aġenzija tal-Unjoni. Huwa għandu jkollu personalità ġuridika.

2.   F'kull Stat Membru, is-CEPOL għandu jgawdi mill-kapaċità legali l-aktar estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali tagħhom. Huwa jista', partikolarment, jikseb u jiddisponi minn propjetà mobbli u immobbli u jkun parti fi proċeduri legali.

3.   Is-sede tas-CEPOL għandha tkun f'Budapest, l-Ungerija.

Artikolu 26

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għas-CEPOL u l-persunal tiegħu.

Artikolu 27

Arranġamenti lingwistiċi

1.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 (8) għandhom japplikaw għas-CEPOL.

2.   Il-Bord Maniġerjali għandu jiddeċiedi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni tas-CEPOL.

3.   Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-operat tas-CEPOL għandhom ikunu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Transparenza

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal dokumenti li jkollu s-CEPOL.

2.   Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Deċiżjonijiet meħuda mis-CEPOL skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jiffurmaw is-suġġett ta' lment lill-Ombudsman Ewropew jew ikunu s-suġġett ta' azzjoni meħuda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikoli 228 u 263 TFUE rispettivament.

4.   L-ipproċessar tad-data personali mis-CEPOL għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

Artikolu 29

Il-ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), bejn l-1 ta' Lulju u l-31 ta' Diċembru 2016, is-CEPOL għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (11) u għandu jadotta d-dispożizzjonijiet adatti applikabbli għall-impjegati kollha tas-CEPOL bl-użu tal-mudell li jidher fl-Anness għal dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha setgħa li tagħmel awditi, abbażi ta' dokumenti u ta' kontrolli fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha ta' għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand is-CEPOL.

3.   OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' għotja jew kuntratt mogħti mis-CEPOL. Tali investigazzjonijiet għandhom jitwettqu skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (12).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, l-arranġamenti ta' ħidma ma' korpi tal-Unjoni, awtoritajiet u istituti ta' taħriġ ta' pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet privati, il-kuntratti, il-ftehimiet ta' għotja u d-deċiżjonijiet ta' għotja tas-CEPOL għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu b'mod espliċitu s-setgħa lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex iwettqu l-awditi u investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 30

Regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

Is-CEPOL għandu japplika, mutatis mutandi, ir-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (EUCI) u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, inter alia r-regoli għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta' tali informazzjoni, kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (13) u (UE, Euratom) 2015/444 (14).

Artikolu 31

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tas-CEPOL għandha tkun irregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt rilevanti.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tagħti sentenza skont kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tinsab f ' kuntratt konkluż mis-CEPOL.

3.   F'każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, is-CEPOL, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għandu jagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat minnu jew mill-persunal tiegħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet dwar kumpens għal kwalunkwe ħsara kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tas-CEPOL lejn is-CEPOL għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol ta' Uffiċjali Oħra applikabbli għalihom.

Artikolu 32

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sal-1 ta' Lulju 2021 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ssir evalwazzjoni biex tivvaluta b'mod partikolari l-impatt, l-effikaċja u l-effiċjenza tas-CEPOL u tal-prattiki ta' ħidma tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni lill-Bord Maniġerjali. Il-Bord Maniġerjali għandu jipprovdi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rapport ta' evalwazzjoni fi żmien xahar mid-data meta jiġi riċevut. Il-Kummissjoni għandha imbagħad tippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni finali, flimkien mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, u mal-osservazzjonijiet tal-Bord Maniġerjali f'Anness miegħu, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord Maniġerjali. Il-konklużjonijiet ta' dik l-evalwazzjoni għandhom ikunu ppubblikati.

Artikolu 33

Inkjesti amministrattivi

L-attivitajiet tas-CEPOL għandhom ikunu suġġetti għal inkjesti mill-Ombudsman Ewropew skont l-Artikolu 228 TFUE.

Artikolu 34

Kooperazzjoni mal-korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Is-CEPOL għandu ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet u l-istituti ta' taħriġ tal-pajjiżi terzi li daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop.

2.   Sa fejn ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, is-CEPOL jista' jistabbilixxi u relazzjonijiet kooperattivi ma' korpi tal-Unjoni, f'konformità mal-objettivi tagħhom ma' awtoritajiet, u istituti ta' taħriġ ta' pajjiżi terzi, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' partijiet privati.

3.   Skont il-paragrafi 1 u 2, għandhom jiġu konklużi arranġamenti ta' ħidma li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura, il-punt sa fejn u il-mod u l-awtoritajiet u l-istituti ta' taħriġ ta' pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-partijiet privati kkonċernati jistgħu jipparteċipaw fix-xogħol tas-CEPOL, inkluż dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni fl-inizjattivi tas-CEPOL, kontribuzzjonijiet finanzjarji u persunal. Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' persunal, dawk l-arranġamenti għandhom ikunu konformi mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra.

4.   Is-CEPOL għandu jikkoopera mal-korpi tal-Unjoni kompetenti f'materji koperti minn dan ir-Regolament u msemmija fil-paragrafu 2, fil-qafas tal-arranġamenti ta' ħidma konklużi ma' dawk il-korpi, skont dan ir-Regolament jew id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI.

5.   L-arranġamenti ta' ħidma msemmija fil-paragrafi 3 u 4 jistgħu jiġu konklużi biss bl-awtorizzazzjoni tal-Bord Maniġerjali wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn ma għandhomx ikunu vinkolanti għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha.

Artikolu 35

Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u kondizzjonijiet operatorji

L-arranġamenti neċessarji dwar l-akkomodazzjoni li għandha tkun ipprovduta lis-CEPOL fl-Ungerija u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Bord Maniġerjali, il-persunal tas-CEPOL u l-membri tal-familji tagħhom, għandhom ikunu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn is-CEPOL u l-Ungerija li jiġi konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord Maniġerjali.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

Artikolu 36

Suċċessjoni legali

1.   Is-CEPOL, kif stabbilit minn dan ir-Regolament, għandu jkun is-suċċessur legali fir-rigward tal-kuntratti kollha konklużi mis-CEPOL, kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI, kif ukoll għall-obbligi li jaqgħu fuqu u l-proprjetajiet akkwistati minnu.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa il-forza legali tal-ftehimiet konklużi mis-CEPOL kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI, qabel l-24 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 37

Arranġamenti tranżizzjonali dwar il-Bord Maniġerjali

1.   It-terminu tal-kariga tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija tas-CEPOL kif stabbilit abbażi tal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI għandu jintemm fl-1 ta' Lulju 2016.

2.   Matul il-perjodu bejn l-24 ta' Diċembru 2015 u l-1 ta' Lulju 2016 il-Bord ta' Tmexxija kif stabbilit abbażi tal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI għandu:

(a)

jeżerċita l-funzjonijiet tal-Bord Maniġerjali skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament;

(b)

jipprepara l-adozzjoni tar-regoli li jirrigwardaw l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fir-rigward tad-dokumenti tas-CEPOL kif imsemmi fl-Artikolu 28 ta' dan ir-Regolament, u tal-obbligi ta' kunfidenzjalità u diskrezzjoni;

(c)

jipprepara kull strument neċessarju għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament; u

(d)

jirrieżamina r-regoli u l-miżuri interni li jkun adotta abbażi tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI sabiex jippermetti lill-Bord Maniġerjali kif stabbilit skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament li jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 41 tiegħu.

Artikolu 38

Ftehimiet tranżizzjonali dwar id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal

1.   Id-Direttur tas-CEPOL maħtur abbażi tal-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI, għall-perjodu li jifdal tal-mandat tiegħu jew tagħha, għandu jkun assenjat għar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv, kif stipulat fl-Artikolu 14 tar-Regolament. Il-Kondizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt tiegħu jew tagħha għandhom jibqgħu l-istess. Jekk il-mandat jintemm bejn l-24 ta' Diċembru 2015 u l-1 ta' Lulju 2016, huwa għandu jiġi estiż awtomatikament sal-1 ta' Lulju 2017.

2.   Jekk id-Direttur tas-CEPOL maħtur abbażi tal-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI, ma jkunx jixtieq jew ma jkun jista' jaġixxi skont il-paragarfu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Bord Maniġerjali għandu jinnomina Direttur Eżekuttiv interim biex jeżerċita l-kompiti assenjati lid-Direttur Eżekuttiv għal perjodu li ma jaqbiżx it-18-il xahar, skont il-ħatra ipprovduta għalihom fl-Artikolu 23(2) ta' dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal impjegat skont id-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI. Il-kuntratti ta' impjieg tagħhom jistgħu jiġġeddu skont dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra.

Artikolu 39

Dispożizzjonijiet baġitarji tranżizzjonali

Il-proċedura ta' kwittanza fir-rigward tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI għandha ssir skont ir-regoli stabbiliti minn dik id-Deċiżjoni.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 40

Sostituzzjoni u revoka

1.   Id-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 543/2014, qed tiġi sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'dan ir-Regolament b'effett mill-1 ta' Lulju 2016.

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI hija revokata.

2.   Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-atti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 41

Żamma fis-seħħ tar-regoli interni adottati mill-Bord ta' Tmexxija

Regoli u miżuri interni adottati mill-Bord ta' Tmexxija abbażi tad-Deċiżjoni 2005/681/ĠAI għandhom jibqgħu fis-seħħ wara l-1 ta' Lulju 2016, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Bord Maniġerjali fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2016.

Madankollu, l-Artikoli 37, 38 u 39 għandhom japplikaw mill-24 ta' Diċembru 2015

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, tal-25 ta' Novembru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2015.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/820/ĠAI (ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63).

(3)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 543/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) (ĠU L 163, 29.5.2014, p. 5).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(8)  Ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(9)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(10)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(11)  Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej rigward l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15).

(12)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli fuq il-post u l-ispezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħrajn (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(13)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(14)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).