25.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2174

tal-24 ta' Novembru 2015

dwar l-kompendju indikattiv ta' prodotti u servizzi ambjentali, il-format tat-trażmissjoni tad-dejta għall-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej u l-modalitajiet, l-istruttura u l-perjodiċità tar-rapporti ta' kwalità skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 3(5), 6(2) u 7(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 691/2011 għandhom struttura modulari, u b'mod partikolari jeżisti modulu għall-kontijiet tal-oġġetti ambjentali u s-settur tas-servizzi fl-Anness V.

(2)

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kompendju indikattiv tal-prodotti u s-servizzi ambjentali u tal-attivitajiet ekonomiċi li għandhom jiġu koperti mill-Anness V sal-31 ta' Diċembru 2015.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 691/2011, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-dejta statistika f'forma elettronika, b'mod konformi mal-format tekniku xieraq li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni. L-inizjattiva tal-Iskambju tad-Dejta u l-Metadejta Statistiċi (SDMX) dwar l-istandards statistiċi u tekniċi għall-iskambju u l-qsim tad-dejta u l-metadejta tnediet mill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni (il-Eurostat), il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), in-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji. Għall-iskambju tal-istatistiki uffiċjali, l-SDMX tipprovdi standards statistiċi u tekniċi. Għaldaqstant għandu jiddaħħal format tekniku f'konformità ma' dawn l-istandards. Għandha tingħata gwida lill-Istati Membri dwar kif dawn il-formati għandhom jiġu implimentati skont ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Dawn il-linji gwida għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni (mill-Eurostat) f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

(4)

L-applikazzjoni ta' standard uniku għall-iskambju u t-trażmissjoni ta' dejta għall-istatistika koperta bir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-integrazzjoni tal-proċessi tan-negozju f'dan il-qasam ta' statistika.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 691/2011, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) b'rapport dwar il-kwalità tad-dejta trażmessa.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 691/2011, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni bil-għan li jiddefinixxu l-modalitajiet, l-istruttura u l-perjodiċità tar-rapporti ta' kwalità.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kompendju indikattiv tal-prodotti u s-servizzi ambjentali u tal-attivitajiet ekonomiċi

Il-kompendju indikattiv tal-prodotti u s-servizzi ambjentali u tal-attivitajiet ekonomiċi huwa stabbilit kif imniżżel fl-Anness.

Artikolu 2

Il-format tekniku għat-trażmissjoni tad-dejta

L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dejta rikjesta mir-Regolament (UE) Nru 691/2011 billi jużaw formati tad-dejta konformi mal-SDMX. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni d-dokumentazzjoni dettaljata marbuta ma' dawn il-formati.

Artikolu 3

Il-modalitajiet, l-istruttura u l-perjodiċità tar-rapporti ta' kwalità

1.   Kull sena l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) b'rapporti dwar il-kwalità tad-dejta trażmessa skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 bl-istess dati tal-għeluq għat-trasmissjoni kif stipulat fl-Annessi I sa VI, it-Taqsima 4 ta' dak ir-Regolament.

2.   Ir-rapporti tal-kwalità għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kwalità tas-sorsi użati għad-dejta trażmessa skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011;

(b)

l-aġġustamenti magħmulin fl-istatistika bażika biex ir-riżultat jiġi allineat mal-kunċetti u d-definizzjonijiet tal-kontijiet jew għal raġunijiet metodoloġiċi oħra;

(c)

l-istima u l-ġbir ta' dejta li ma tistax tittieħed direttament minn sorsi statistiċi;

(d)

il-pawżi fis-serje ta' żmien li jirriżultaw minn bidliet fil-metodoloġija jew sorsi tad-dejta u l-passi meħuda sabiex jiġi żgurat li s-serje ta' żmien kemm jista' jkun ikunu jistgħu jitqabblu.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 192, 22.7.2011, p. 1.


ANNESS

Sabiex titħaffef l-applikazzjoni uniformi tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 691/2011, dan l-Anness jistabbilixxi kompendju indikattiv tal-prodotti u s-servizzi ambjentali u tal-attivitajiet ekonomiċi. Il-kompendju jikkonsisti f'lista ta' prodotti u servizzi ambjentali u lista ta' attivitajiet ekonomiċi.

L-oġġetti, is-servizzi u l-attivitajiet ekonomiċi għandhom ikunu rilevanti fil-livell nazzjonali. L-aspetti li ġejjin jistgħu jintużaw biex tiġi vvalutata r-rilevanza nazzjonali:

(a)

il-produzzjoni tal-oġġetti u s-servizzi u l-attivitajiet ekonomiċi huma statistikament sinifikanti fil-pajjiż,

(b)

is-sorsi tad-dejta biex jiġu stmati l-merkanzija, is-servizzi u l-attivitajiet ekonomiċi jeżistu.

Il-kompendju indikattiv mhux eżawrjenti u ma jeskludix l-eżistenza ta' oġġetti, servizzi u attivitajiet ambjentali oħra rilevanti fil-livell nazzjonali.

Prodotti u servizzi ambjentali

Prodotti tal-agrikoltura (pjanti u bhejjem) u l-akkwakultura organiċi u servizzi ta' sostenn;

Ħatab; injam ieħor meta jikkonforma ma' miżuri ta' sostenibilità;

Servizzi ta' riabilitazzjoni ta' siti tal-minjieri;

Servizzi ta' qbid tal-ilma tad-drenaġġ biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-ilma tal-pjan;

Vetturi elettriċi u tagħmir ta' trasport aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; pajpijiet tal-egżost u l-partijiet tagħhom (il-filtri tal-partiċelli wkoll);

Strumenti, makkinarju u apparat għall-analiżi ta' sustanzi li jniġġsu, li jiffiltraw jew li jsaffu l-gassijiet u l-likwidi;

Tankijiet settiċi, bramel imtaqqbin u oġġetti simili użati għall-filtrazzjoni tal-ilma fil-bokok tal-katusi; pompi li jintużaw fit-trattament tal-ilma mormi, vetturi għall-ġbir tal-ilma mormi u t-tindif tad-drenaġġi, karbonju attivat bl-għan li jiffiltra l-ilma;

Tubi u pajpijiet għall-impjanti għat-trattament tal-ilma mormi kif ukoll għall-ġestjoni tal-ilma;

Xkejjer u boroż li jieħdu post il-basktijiet tal-plastik; bramel, kaxxi, kontenituri jew reċipjenti oħra għall-ħażna u l-ġarr tal-iskart; pannelli, blokki u oġġetti simili magħmula minn fibri veġetali, tiben jew tilqit tal-injam, agglomerati b'sustanzi minerali li jgħaqqdu; inċineraturi u makkinarju għat-trattament tal-iskart (pereżempju dawk użati fil-miżbliet);

Kontenituri taċ-ċomb għall-iskart radjuattiv;

Servizzi ta' manutenzjoni u tiswija għat-tnaqqis fit-telf tal-ilma;

Tagħmir speċifiku għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli: pereżempju, sistemi ta' ħżin għall-bijogass, bojlers u tagħmir ieħor imħaddem bil-gass, pannelli solari u ċelloli fotovoltajċi, turbini idrawliċi u roti tal-ilma, turbini tar-riħ;

Il-bijofjuwils;

Il-faħam tal-kannol meta jikkonforma ma' miżuri ta' sostenibilità;

Prodotti għall-iżolament termali u kontra l-istorbju, l-iktar fil-bini: pereżempju, prodotti tas-sufra, twieqi bi tliet saffi iżolanti, materjal ta' iżolament għall-faċċati, il-bjut u elementi oħra tal-bini bħall-materjali magħmulin minn fibri tal-ħġieġ, fibri tal-ġebla, ċelluloża, polimeri u poliuretan u oħrajn;

Kontenituri tal-injam rikondizzjonat;

Tagħmir speċifiku prodott għall-ħarsien tal-ambjent u prodotti għall-ġestjoni tar-riżorsi: pereżempju termostats għar-regolazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ, valvi termostatiċi, pompi tas-sħana, bojlers li jużaw il-kondensazzjoni, ħiters tal-ilma solari;

Lampi bi skariku elettriku bħala lampi bi pressa baxxa (pereżempju lampi fluworexxenti kompatti) u l-aktar tagħmir domestiku effiċjenti;

Gomma riġenerata f'għamliet primarji jew fi pjanċi, folji jew strixxi, xkejjer u basktijiet tal-bijoplastik;

Makkinarju għall-irkupru tal-metall;

Manutenzjoni, tiswija u servizzi ta' installazzjoni għall-prodotti ambjentali;

Elettriku, gass u sħana minn sorsi rinnovabbli:

Ilma desalinat u ilma tax-xita miġbur; manutenzjoni ta' mejnijiet tal-ilma biex jitnaqqas it-telf tal-ilma;

Servizzi ta' drenaġġ: Pereżempju l-ġbir, it-trasport u t-trattament tal-iskart, operazzjoni, manutenzjoni u tindif ta' sistemi tad-drenaġġ;

Servizzi ta' ġbir, trattament u rimi ta' skart perikoluż u mhux perikoluż;

Servizzi ta' trattament u rimi ta' skart nukleari;

Servizzi ta' irkupru tal-materjali; materji primi sekondarji;

Servizzi ta' rimedju u tindif għall-ħamrija, għall-ilma tal-pjan u għall-ilma tal-wiċċ;

Servizzi ta' rimedju u tindif għall-arja;

Servizzi oħrajn ta' rimedju u kontroll speċjalizzat tat-tniġġiż;

Konsum baxx tal-enerġija u l-bini passiv u r-rinnovament enerġetiku ta' bini eżistenti;

Manutenzjoni u tiswija ta' servizzi ta' netwerks tal-ilma;

Impjanti tat-trattament tal-ilma mormi u tal-iskart u sistemi tad-drenaġġ;

Impjanti tal-enerġija rinnovabbli inkluża l-installazzjoni ta' pannelli fotovoltajċi;

Xogħlijiet ta' iżolament tal-istorbju;

Servizzi ta' inġinerija u arkitettura għall-konsum baxx tal-enerġija u bini passiv u r-rinnovament enerġetiku ta' bini eżistenti;

Servizzi ta' inġinerija u arkitettura għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli;

Servizzi ta' inġinerija u arkitettura għall-proġetti tal-ġestjoni tal-ilma, tal-ilma mormi u tal-iskart;

Servizzi ta' spezzjoni teknika ta' vetturi tat-trasport bit-triq fir-rigward tal-emissjonijiet fl-arja;

Servizzi ta' R&Ż għall-ħarsien ambjentali u l-ġestjoni tar-riżorsi;

Servizzi ta' konsulenza dwar l-ambjent;

Skart pubbliku u l-ġbir tal-iskart mit-toroq;

Servizzi amministrattivi għall-ħarsien ambjentali u l-finijiet tal-ġestjoni tar-riżorsi;

Servizzi ta' taħriġ fil-ħarsien ambjentali u l-ġestjoni tar-riżorsi;

Servizzi ambjentali pprovduti minn organizzazzjonijiet bl-imseħbin;

Servizzi ta' riservi naturali, inklużi l-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi.

Attivitajiet ekonomiċi ambjentali

Attivitajiet tal-agrikoltura (pjanti u bhejjem) u l-akkwakultura organiċi u servizzi ta' sostenn;

Ħatab; produzzjoni ta' injam ieħor meta jikkonforma ma' miżuri ta' sostenibilità;

Riabilitazzjoni ta' siti tal-minjieri;

Qbid tal-ilma tad-drenaġġ għall-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni tal-ilma tal-pjan;

Il-manifattura ta' tagħmir tat-trasport elettriku u aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; pajpijiet tal-egżost u l-partijiet tagħhom (il-filtri tal-partiċelli wkoll);

Il-manifattura ta' strumenti, makkinarju u apparat għall-analiżi ta' sustanzi li jniġġsu, li jiffiltraw jew isaffu l-gassijiet u l-likwidi;

Il-manifattura ta' tankijiet settiċi, bramel imtaqqbin u oġġetti simili użati għall-filtrazzjoni tal-ilma fid-dħul għall-katusi; pompi li jintużaw fit-trattament tal-ilma mormi, vetturi għall-ġbir tal-ilma mormi u t-tindif tad-drenaġġi, karbonju attivat bl-għan li jiffiltra l-ilma;

Il-manifattura ta' tubi u pajpijiet għall-impjanti għat-trattament tal-ilma mormi kif ukoll għall-ġestjoni tal-ilma;

Il-manifattura ta' xkejjer u boroż li jieħdu post il-basktijiet tal-plastik; bramel, kaxxi, kontenituri jew reċipjenti oħra għall-ħażna u l-ġarr tal-iskart; pannelli, blokki u oġġetti simili magħmula minn fibri veġetali, tiben jew tilqit tal-injam, agglomerati b'sustanzi minerali li jgħaqqdu; inċineraturi u makkinarju għat-trattament tal-iskart (pereżempju dawk użati fil-miżbliet);

Il-manifattura ta' kontenituri taċ-ċomb għall-iskart radjuattiv;

Attivitajiet ta' manutenzjoni u tiswija għat-tnaqqis fit-telf tal-ilma;

Il-manifattura ta' tagħmir speċifiku għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli: pereżempju, sistemi ta' ħżin għall-bijogass, bojlers u tagħmir ieħor imħaddem bil-gass, pannelli solari u ċelloli fotovoltajċi, turbini idrawliċi u roti tal-ilma, turbini tar-riħ;

Il-manifattura ta' bijokarburanti;

Il-manifattura ta' faħam tal-kannol li jikkonforma ma' miżuri ta' sostenibilità;

Il-manifattura ta' prodotti għall-iżolament termali u kontra l-istorbju l-iktar fil-bini: pereżempju, prodotti tas-sufra, twieqi bi tliet saffi iżolanti, materjal ta' iżolament għall-faċċati, il-bjut u elementi oħra tal-bini bħall-materjali magħmulin minn fibri tal-ħġieġ, fibri tal-ġebla, ċelluloża, polimeri u poliuretan u oħrajn;

Ir-rikondizzjonament ta' kontenituri tal-injam;

Il-manifattura ta' tagħmir speċifiku prodott għall-ħarsien ambjentali u prodotti għall-ġestjoni tar-riżorsi: pereżempju termostats għar-regolazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ, valvi termostatiċi, pompi tas-sħana, bojlers li jużaw il-kondensazzjoni, ħiters tal-ilma solari;

Il-manifattura ta' lampi bi skariku elettriku bħala lampi bi pressa baxxa (pereżempju lampi fluworexxenti kompatti) u l-aktar tagħmir domestiku effiċjenti;

Il-manifattura ta' gomma riġenerata f'għamliet primarji jew fi pjanċi, folji jew strixxa, xkejjer u basktijiet tal-bijoplastik;

Il-manifattura ta' makkinarju għall-irkupru tal-metall;

Il-manutenzjoni, it-tiswija u servizzi ta' installazzjoni għall-prodotti ambjentali;

Il-produzzjoni tal-elettriku, il-gass u s-sħana minn sorsi rinnovabbli:

Id-desalinazzjoni tal-ilma u l-ġbir tal-ilma tax-xita; il-manutenzjoni ta' mejnijiet tal-ilma biex jitnaqqas it-telf tal-ilma;

Il-provvediment ta' servizzi tad-drenaġġ: Pereżempju l-ġbir, it-trasport u t-trattament tal-iskart, operazzjoni, manutenzjoni u tindif ta' sistemi tad-drenaġġ;

Il-provvediment ta' servizzi ta' ġbir, trattament u rimi ta' skart mhux perikoluż u perikoluż;

Il-provvediment ta' servizzi ta' trattament u rimi ta' skart nukleari;

Il-provvediment ta' servizzi ta' rkupru tal-materjali; il-produzzjoni ta' materji primi sekondarji;

Il-provvediment ta' servizzi ta' rimedju u tindif għall-ħamrija, għall-ilma tal-pjan u għall-ilma tal-wiċċ;

Il-provvediment ta' servizzi ta' rimedju u tindif għall-arja;

Il-provvediment ta' servizzi oħrajn ta' rimedju u kontroll speċjalizzat tat-tniġġiż;

Il-kostruzzjoni ta' bini passiv u b'konsum baxx tal-enerġija u r-rinnovament enerġetiku ta' bini eżistenti;

Il-manutenzjoni u t-tiswija ta' servizzi ta' netwerks tal-ilma;

Ix-xogħol tal-kostruzzjoni għal impjanti tat-trattament tal-ilma mormi u tal-iskart u sistemi tad-drenaġġ;

Ix-xogħol tal-kostruzzjoni għal impjanti tal-enerġija rinnovabbli inkluża l-installazzjoni ta' pannelli fotovoltajċi;

Xogħlijiet ta' iżolament tal-istorbju;

Servizzi ta' inġinerija u arkitettura għall-konsum baxx tal-enerġija u bini passiv u r-rinnovament enerġetiku ta' bini eżistenti;

Servizzi ta' inġinerija u arkitettura għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli;

Servizzi ta' inġinerija u arkitettura għall-proġetti tal-ġestjoni tal-ilma, tal-ilma mormi u tal-iskart;

Servizzi ta' spezzjoni teknika ta' vetturi tat-trasport bit-triq fir-rigward tal-emissjonijiet fl-arja;

Servizzi ta' R&Ż għall-ħarsien ambjentali u l-ġestjoni tar-riżorsi;

Servizzi ta' konsulenza dwar l-ambjent;

Skart pubbliku u l-ġbir tal-iskart mit-toroq;

Servizzi amministrattivi għall-ħarsien ambjentali u l-finijiet tal-ġestjoni tar-riżorsi;

Servizzi ta' taħriġ fil-ħarsien ambjentali u l-ġestjoni tar-riżorsi;

Servizzi ambjentali pprovduti minn organizzazzjonijiet bl-imseħbin;

Servizzi ta' riservi naturali, inklużi l-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi.