19.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/57


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2077

tat-18 ta' Novembru 2015

li jiftaħ u fih previst l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' bajd, prodotti tal-bajd u albumina li joriġinaw fl-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (2), u b'mod partikolari l-punti (a), (b) (c) u (d) tal-Artikolu 9 tiegħu u l-punt (a) tal-Artikolu 16(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE (3), il-Kunsill awtorizza l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) Il-Ftehim fih previst l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq importazzjonijiet ta' oġġetti li joriġinaw fl-Ukrajna f'konformità mal-Anness I-A tal-Kapitolu I tal-Ftehim. L-Appendiċi ta' dak l-Anness I-A fih previst kwoti tariffarji tal-importazzjoni għall-bajd, prodotti tal-bajd u albumina.

(2)

Sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni għall-bajd, għall-prodotti tal-bajd u għall-albumini għall-2014 u l-2015 kienu miftuħa u amministrati skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 412/2014 (5).

(3)

Il-Ftehim jiġi applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2016. Għaldaqstant jinħtieġ li jinfetħu perjodi ta' kwoti tariffarji tal-importazzjoni annwali mill-1 ta' Jannar 2016 'il quddiem. Sabiex jitqiesu sew ir-rekwiżiti ta' provista tas-suq eżistenti u emerġenti ta' produzzjoni, proċessar u konsum tal-Unjoni f'termini ta' kompetittività, ċertezza u kontinwità tal-provista u l-ħtieġa li jkun salvagwardjat l-ekwilibriju ta' dak is-suq, jixraq li dawk il-kwoti jiġu amministrati mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Artikolu 14(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 510/2014.

(4)

Il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni inkwistjoni għandhom jiġu amministrati permezz tal-liċenzji tal-importazzjoni. Għal dan il-għan, għandu japplika r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (6), u dan mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 (7) jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli Dak ir-Regolament għandu japplika għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa f'konformità ma' dan ir-Regolament, ħlief fejn ikun hemm lok għal xi derogi.

(6)

Biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni xierqa tal-kwoti tariffarji, jeħtieġ li meta titressaq l-applikazzjoni għal liċenzja tiġi ddepożitata l-garanzija marbuta mal-liċenzji tal-importazzjoni.

(7)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 (8) bidel xi kodiċijiet NM fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (9) b'kodiċijiet NM ġodda li issa huma differenti minn dawk imsemmija fl-Appendiċi tal-Anness I-A tal-Kapitolu I tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-kodiċijiet NM l-ġodda għandhom jiġu riflessi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ftuħ u l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji

1.   Dan ir-Regolament jiftaħ u jġesti, mill-2016, il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni annwali għall-prodotti tal-qasam tal-bajd u tal-albumina indikati fl-Anness I, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

2.   Il-kwantità tal-prodotti koperta mill-kwoti msemmija fil-paragrafu 1, ir-rata tad-dazju doganali applikabbli, kif ukoll in-numri tal-ordni huma stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu mmaniġġjati permezz tal-liċenzji tal-importazzjoni.

4.   Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1301/2006 u (KE) Nru 376/2008, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

5.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-piż tal-prodotti tal-bajd għandu jinqaleb fl-ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra skont ir-rati standard ta' rendiment stabbiliti fl-Anness 69 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (10).

6.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-piż tal-albumini tal-ħalib għandu jinqaleb fl-ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra skont ir-rati standard ta' rendiment ta' 7,00 għall-albumina tal-ħalib imnixxfa (il-kodiċi tan-NM 3502 20 91) u ta' 53,00 għall-albumini oħra tal-ħalib (il-kodiċi tan-NM 3502 20 99) bl-użu tal-prinċipji ta' konverżjoni stabbiliti fl-Anness 69 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 2

Il-perjodi tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni

Il-kwantità tal-prodotti stabbilita għall-kwota tariffarja tal-importazzjoni annwali u għal kull numru tal-ordni stabbilit fl-Anness I għandu jinqasam f'erba' subperjodi, kif ġej:

(a)

25 % mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu;

(b)

25 % mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju;

(c)

25 % mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru;

(d)

25 % mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru.

Article 3

L-applikazzjonijet għal-liċenzji tal-importazzjoni u l-liċenzji tal-importazzjoni

1.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kwantitajiet mogħtija skont il-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni ta' liċenzja tal-importazzjoni.

2.   Fil-ħin li operatur iressaq l-applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni, dan għandu jiddepożita garanzija ta' EUR 20 għal kull 100 kilogramma.

3.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-importazzjoni għandhom jirreferu għal numru tal-ordni wieħed biss. Jistgħu jikkonċernaw diversi prodotti koperti minn kodiċijiet NM differenti. F'dan il-każ, il-kodiċijiet NM kollha u d-deskrizzjonijiet tagħhom għandhom jiġu indikati fil-kaxex 15 u 16 tal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni u tal-liċenzja, rispettivament. Fil-każ tal-kwota tariffarja 09.4275 stabbilita fl-Anness I, il-kwantità totali għandha tinqaleb fl-ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra.

4.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u l-liċenzji għandu jkun fihom:

(a)

fil-kaxxa 8, l-isem “L-Ukrajna” bħala l-pajjiż tal-oriġini u l-kaxxa “iva” immarkata b'salib;

(b)

fil-kaxxa 20, waħda mill-entrati elenkati fl-Anness II.

5.   Kull liċenzja għandha ssemmi l-kwantità għal kull kodiċi NM.

6.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jitressqu fl-ewwel sebat ijiem tax-xahar ta' qabel kull wieħed mis-subperjodi msemmijin fl-Artikolu 2.

7.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu għal kwantità minima ta' tunnellata 1 u kwantità massima ta' 10 % tal-kwantità disponibbli għall-kwota kkonċernata fis-subperjodu tal-kwota inkwistjoni.

8.   Sal-14-il jum tax-xahar meta jitressqu l-applikazzjonijiet, l-lstati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet totali, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, tal-applikazzjonijiet kollha, espressi fil-piż ekwivalenti f'kilogrammi għall-qxur tal-bajd fil-każ tal-kwota tariffarja 09.4275 stabbilita fl-Anness I u f'kilogrammi tal-piż tal-prodott fil-każ tal-kwota tariffarja 09.4276, u maqsumin skont in-numru tal-ordni.

9.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jinħarġu mit-23 jum tax-xahar li fih jitressqu l-applikazzjonijiet, u mhux iżjed tard mill-aħħar jum ta' dak ix-xahar.

10.   Fejn ikun f'loku, il-Kummissjoni għandha tistabblilixxi l-kwantità li għaliha ma jkunux saru applikazzjonijiet għal liċenzji u li jiżdiedu awtomatikament mal-kwantità stabbilita għas-subperjodu tal-kwota li jkun imiss.

Artikolu 4

Validità tal-liċenzji tal-importazzjoni

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi għal 150 jum mill-ewwel jum tas-subperjodu li għalih ikunu nħarġu. Madankollu, it-terminu ta' validità tal-liċenzji tal-importazzjoni jiskadi, l-aktar tard, fil-31 ta' Diċembru ta' kull perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni.

Artikolu 5

Notifiki lill-Kummissjoni

1.   Permezz ta' deroga mit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-10 jum wara x-xahar tal-applikazzjoni, bil-kwantitajiet, fosthom id-dikjarazzjonijiet nulli, koperti mil-liċenzji li jkunu ħarġu.

2.   Permezz ta' deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, koperti minn liċenzji tal-importazzjoni mhux użati jew parzjalment użati, u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imdaħħla fuq wara tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu:

(a)

flimkien man-notifiki msemmijin fl-Artikolu 3(8) ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjonijiet imressqa għall-aħħar subperjodu tal-perjodu tal-kwota;

(b)

għall-kwantitajiet li ma jkunux għadhom ġew innotifikati fiż-żmien tal-ewwel notifika prevista fil-punt (a), sa mhux aktar tard mit-30 ta' April wara tmiem kull perjodu ta' kwota tariffarja tal-importazzjoni.

3.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ottubru ta' wara li jintemm kull perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta' prodotti li effettivament ikunu ġew rilaxxati għall-moviment ħieles matul dak il-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni.

4.   Fil-każ tan-notifiki msemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-kwantità għandha tkun espressa fil-piż ekwivalenti f'kilogrammi għall-qxur tal-bajd fil-każ tal-kwota tariffarja 09.4275 stabbilita fl-Anness I u f'kilogrammi tal-piż tal-prodott fil-każ tal-kwota tariffarja 09.4276, u maqsuma skont in-numru tal-ordni.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukrajna (ĠU L 118, 22.4.2014, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 412/2014 tat-23 ta' April 2014 li jwassal għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' bajd, prodotti tal-bajd u albumina li joriġinaw mill-Ukrajna (ĠU L 121, 24.4.2014, p. 32).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal-4 ta' Ottubru 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 290, 31.10.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).


ANNESS I

Minkejja r-regoli dwar l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti għandu jitqies bħala ta' valur indikattiv biss, minħabba li l-applikabbiltà tal-arranġamenti preferenzjali, fil-kuntest ta' dan l-Anness, tiddependi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċijiet NM.

Numru tal-ordni

Kodiċijiet NM

Deskrizzjoni

Perjodu ta' importazzjoni

Kwantità f'tunnellati

Dazju applikabbli

(f'EUR/t)

09.4275

0407 21 00

0407 29 10

0407 90 10

0408 11 80

0408 19 81

0408 19 89

0408 91 80

0408 99 80

3502 11 90

3502 19 90

3502 20 91

3502 20 99

Bajd tat-tjur, fil-qoxra, frisk, ippriservat jew imsajjar; Bajd tal-għasafar, mhux fil-qoxra, u l-isfar tal-bajd, frisk, imnixxef, imsajjar bil-fwar jew mgħolli fl-ilma, iffurmat, iffriżat jew ippriservat b'xi mod ieħor, miżjud biz-zokkor jew sustanza oħra li tagħti togħma ħelwa jew mingħajrhom, tajjeb għall-konsum mill-bniedem; l-albumini tal-bajd u tal-ħalib, tajbin għall-konsum mill-bniedem

Is-Sena 2016

1 500

(mogħtija f'ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra)

0

Is-Sena 2017

1 800

(mogħtija f'ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra)

Is-Sena 2018

2 100

(mogħtija f'ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra)

Is-Sena 2019

2 400

(mogħtija f'ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra)

Is-Sena 2020

2 700

(mogħtija f'ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra)

Mis-sena 2021

3 000

(mogħtija f'ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra)

09.4276

0407 21 00

0407 29 10

0407 90 10

Bajd tat-tjur, fil-qoxra, frisk, ippriservat jew imsajjar

 

3 000 (mogħtija fil-piż nett)

0


ANNESS II

L-entrati msemmija fl-Artikolu 3(4)(b)

Bil-Bulgaru: Регламент за изпълнение (ЕC) 2015/2077

Bl-Ispanjol: Reglamento de Ejecución (UE) 2015/2077

Biċ-Ċek: Prováděcí nařízení (EU) 2015/2077

Bid-Daniż: Gennemførelsesforordning (EU) 2015/2077

Bil-Ġermaniż: Durchführungsverordnung (EU) 2015/2077

Bl-Estonjan: Rakendusmäärus (EL) 2015/2077

Bil-Grieg: Εκτελεστικός κανονισμός (ΕΕ) 2015/2077

Bl-Ingliż: Implementing Regulation (EU) 2015/2077

Bil-Franċiż: Règlement d'exécution (UE) 2015/2077

Bil-Kroat: Provedbena uredba (EU) 2015/2077

Bit-Taljan: Regolamento di esecuzione (UE) 2015/2077

Bil-Latvjan: Īstenošanas regula (ES) 2015/2077

Bil-Litwan: Įgyvendinimo reglamentas (ES) 2015/2077

Bl-Ungeriż: (EU) 2015/2077 végrehajtási rendelet

Bil-Malti: Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2077

Bin-Netherlandiż: Uitvoeringsverordening (EU) 2015/2077

Bil-Pollakk: Rozporządzenie wykonawcze (UE) 2015/2077

Bil-Portugiż: Regulamento de Execução (UE) 2015/2077

Bir-Rumen: Regulamentul de punere în aplicare (UE) 2015/2077

Bis-Slovakk: Vykonávacie nariadenie (EÚ) 2015/2077

Bis-Sloven: Izvedbena uredba (EU) 2015/2077

Bil-Finlandiż: Täytäntöönpanoasetus (EU) 2015/2077

Bl-Iżvediż: Genomförandeförordning (EU) 2015/2077