19.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/51


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2076

tat-18 ta' Novembru 2015

li jiftaħ u fih previst l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni tal-laħam tal-majjal frisk jew iffriżat li joriġina fl-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE (2), il-Kunsill awtorizza l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”). Il-Ftehim jistipula l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq importazzjonijiet ta' oġġetti li joriġinaw fl-Ukrajna f'konformità mal-Anness I-A tal-Kapitolu I tiegħu. L-Appendiċi ta' dak l-Anness I-A fih previst kwoti tariffarji tal-importazzjoni għal-laħam tal-majjal.

(2)

Sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni għal-laħam tal-majjal għall-2014 u l-2015 kienu miftuħa u amministrati f'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 414/2014 (4).

(3)

Il-Ftehim jiġi applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2016. Għaldaqstant jinħtieġ li jinfetħu perjodi ta' kwoti tariffarji tal-importazzjoni annwali mill-1 ta' Jannar 2016 'il quddiem. Sabiex jitqiesu sew ir-rekwiżiti ta' provvista tas-suq eżistenti u emerġenti ta' produzzjoni, proċessar u konsum fil-qasam tal-laħam tal-majjal tal-Unjoni f'termini ta' kompetittività, ċertezza u kontinwità tal-provvista u l-ħtieġa li jiġi salvagwardjat l-ekwilibriju ta' dak is-suq, jixraq li dawk il-kwoti jiġu amministrati mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(4)

L-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (5) fih previst li r-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw kwota tariffarja tal-importazzjoni eżistenti jistgħu jistipulaw l-applikazzjoni ta' sistema skont liema jiġu ġestiti l-kwoti billi jiġu attribwiti d-drittijiet tal-importazzjoni bħala l-ewwel pass u l-ħruġ ta' liċenzji għall-importazzjoni bħala t-tieni pass. Sistema bħal din tippermetti lill-operaturi li jkunu kisbu drittijiet tal-importazzjoni li jiddeċiedu tul il-perjodu tal-kwota u abbażi tal-flussi tal-kummerċ effettivi tagħhom, f'liema mument jixtiequ japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 (6) li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli. Dak ir-Regolament għandu japplika għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament, ħlief fejn ikunu jixirqu xi derogi.

(6)

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni, l-istatus tal-applikanti u l-ħruġ ta' liċenzji tal-importazzjoni, għandhom japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati f'dan ir-Regolament.

(7)

Biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni xierqa tal-kwoti tariffarji jeħtieġ li tiġi ddepożitata garanzija meta titressaq l-applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni u meta tinħareġ liċenzja tal-importazzjoni.

(8)

L-operaturi għandhom ikunu obbligati japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni għad-drittijiet kollha tal-importazzjoni allokati, filwaqt li jirrispettaw l-obbligu msemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (7).

(9)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 (8) bidel xi kodiċijiet NM fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (9) b'kodiċijiet NM ġodda li issa huma differenti minn dawk imsemmija fl-Appendiċi tal-Anness I-A tal-Kapitolu I tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-kodiċijiet NM l-ġodda għandhom ikunu riflessi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ftuħ u l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji

1.   Dan ir-Regolament jiftaħ u jġestixxi, mill-2016, il-kwoti tariffarji annwali għall-prodotti indikati fl-Anness I, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

2.   Il-kwantità tal-prodotti koperta mill-kwoti msemmija fil-paragrafu 1, ir-rata tad-dazju doganali applikabbli, kif ukoll in-numri tal-ordni huma stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-kwota tariffarja tal-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ġestita f'konformità mal-metodu msemmi fl-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u billi jiġu attribwiti drittijiet tal-importazzjoni bħala l-ewwel pass u l-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni bħala t-tieni pass.

4.   Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1301/2006 u (KE) Nru 376/2008, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-perjodi tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni

Il-kwantità tal-prodotti stabbilita għall-kwota tariffarja tal-importazzjoni annwali u għal kull numru tal-ordni stabbilit fl-Anness I għandu jinqasam f'erba' subperjodi, kif ġej:

(a)

25 % mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu;

(b)

25 % mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju;

(c)

25 % mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru;

(d)

25 % mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru.

Artikolu 3

L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni u l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-importazzjoni

1.   L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni għandhom jitressqu fl-ewwel sebat ijiem tax-xahar qabel kull subperjodu msemmi fl-Artikolu 2.

2.   Fiż-żmien meta titressaq applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni għandha tiġi ddepożitata garanzija ta' EUR 20 għal kull 100 kilogramma.

3.   L-applikanti għad-drittijiet tal-importazzjoni għandhom, meta jippreżentaw l-ewwel applikazzjoni tagħhom għal sena ta' kwota partikolari, iressqu l-prova li kwantità ta' laħam tal-majjal li taqa' taħt il-kodiċi NM 0203 tkun ġiet impurtata minnhom jew f'isimhom skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dwana (“il-kwantità ta' referenza”). Tali prova għandha tirrelata mal-perjodu ta' 12-il xahar li jispiċċa xahar wieħed qabel l-ewwel applikazzjoni tagħhom. Kumpanija ffurmata bil-fużjoni ta' kumpaniji li kull waħda minnhom ikollha kwantità ta' referenza impurtata, tista' tikkombina dawk il-kwantitajiet ta' referenza bħala bażi għall-applikazzjoni tagħha.

4.   Il-kwantità totali ta' prodotti koperta minn applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni mressqa f'wieħed mis-subperjodi msemmija fl-Artikolu 2 ma għandhiex taqbeż 25 % tal-kwantità ta' referenza ta' applikant. Awtorità kompetenti għandha tirrifjuta applikazzjonijiet li ma jikkonformawx ma' din ir-regola.

5.   Sal-14-il jum tax-xahar li fih jitressqu l-applikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet totali, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, tal-applikazzjonijiet kollha, espressi f'kilogrammi ta' piż tal-prodott u mqassmin skont in-numru tal-ordni.

6.   Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom jibdew jingħataw mit-23 jum tax-xahar li fih jitressqu l-applikazzjonijiet u mhux aktar tard mill-aħħar jum ta' dak ix-xahar.

7.   Jekk l-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 tirriżulta f'inqas drittijiet tal-importazzjoni għall-allokazzjoni milli tressqu applikazzjonijiet għalihom, il-garanzija ddepożitata f'konformità mal-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, għandha tkun rilaxxata proporzjonalment mingħajr dewmien.

8.   Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom ikunu validi mill-ewwel jum tas-subperjodu li għalih tkun tressqet l-applikazzjoni, u sal-31 ta' Diċembru tal-perjodu tal-kwota tariffarja ta' importazzjoni inkwistjoni. Id-drittijiet tal-importazzjoni ma għandhomx ikunu trasferibbli.

Artikolu 4

L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni u l-allokazzjoni tal-liċenzji tal-importazzjoni

1.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kwantitajiet mogħtija skont il-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni ta' liċenzja tal-importazzjoni.

2.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikopru l-kwantità totali tad-drittijiet tal-importazzjoni allokati. L-obbligu msemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 għandu jiġi rispettat.

3.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-importazzjoni għandhom jitressqu biss fl-Istat Membru fejn l-applikant ikun applika għad-drittijiet tal-importazzjoni skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) u fejn ikun kisibhom.

4.   Fiż-żmien meta titressaq l-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni għandha tiġi ddepożitata garanzija ta' EUR 50 għal kull 100 kilogramma. Kull ħruġ ta' liċenzja tal-importazzjoni għandu jirriżulta fi tnaqqis korrispondenti fid-drittijiet tal-importazzjoni li jkunu nkisbu u l-garanzija ddepożitata għad-drittijiet tal-importazzjoni għandha tiġi rrilaxxata proporzjonalment, mingħajr dewmien.

5.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jinħarġu ma l-applikazzjoni ta' u f'isem l-operatur li jkun kiseb id-drittijiet tal-importazzjoni.

6.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-importazzjoni għandhom jirreferu għal numru tal-ordni wieħed biss. Jistgħu jikkonċernaw diversi prodotti koperti minn kodiċijiet NM differenti. F'dan il-każ, il-kodiċijiet NM kollha u d-deskrizzjonijiet tagħhom għandhom jiġu indikati fil-kaxex 15 u 16 tal-applikazzjoni għal-liċenzja u tal-liċenzja stess, rispettivament.

7.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u l-liċenzji tal-importazzjoni għandu jkun fihom:

(a)

fil-kaxxa 8, l-isem “L-Ukrajna” bħala l-pajjiż tal-oriġini u l-kaxxa “iva” immarkata b'salib;

(b)

fil-kaxxa 20, waħda mill-entrati elenkati fl-Anness II.

8.   Kull liċenzja tal-importazzjoni għandha ssemmi l-kwantità għal kull kodiċi NM.

9.   Il-liċenzja tal-importazzjoni għandha tkun valida għal 30 jum mid-data tal-ħruġ effettiva fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008. Madankollu, it-terminu ta' validità tal-liċenzja ta' importazzjoni għandu jagħlaq fil-31 ta' Diċembru ta' kull perjodu ta' kwota tariffarja.

Artikolu 5

Notifiki lill-Kummissjoni

1.   Permezz ta' deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-10 jum tax-xahar ta' wara l-aħħar jum ta' kull subperjodu, bil-kwantitajiet, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, koperti mil-liċenzji li jkunu ħarġu matul dak is-subperjodu.

2.   Permezz ta' deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, koperti minn liċenzji tal-importazzjoni mhux użati jew parzjalment użati, u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imdaħħla fuq wara tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu:

(a)

flimkien man-notifiki msemmijin fl-Artikolu 3(5) ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjonijiet imressqa għall-aħħar subperjodu;

(b)

għall-kwantitajiet li ma jkunux għadhom ġew innotifikati fiż-żmien tal-ewwel notifika prevista fil-punt (a), sa mhux aktar tard mit-30 ta' April wara tmiem kull perjodu ta' kwota tariffarja tal-importazzjoni.

3.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April wara tmiem kull perjodu ta' kwota tariffarja tal-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li kienu effettivament rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa waqt il-perjodu ta' kwota.

4.   Fil-każ tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-kwantità għandha tingħata f'kilogrammi ta' piż tal-prodott u għandha titqassam skont in-numru tal-ordni.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukrajna (ĠU L 118, 22.4.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 414/2014 tat-23 ta' April 2014 li jwassal għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' laħam tal-majjal frisk u ffriżat li joriġina mill-Ukrajna (ĠU L 121, 24.4.2014, p. 44).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).

(7)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal-4 ta' Ottubru 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 290, 31.10.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS I

Minkejja r-regoli għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti għandu jitqies bħala ta' valur indikattiv biss, peress li l-applikabbiltà tal-arranġamenti preferenzjali hija ddeterminata, fil-kuntest ta' dan l-Anness, mill-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċijiet NM.

Numru tal-ordni

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Kwanità f'tunnellati (piż nett)

Dazju applikabbli

(f'EUR/t)

09.4271

0203 11 10

0203 12 11

0203 12 19

0203 19 11

0203 19 13

0203 19 15

0203 19 55

0203 19 59

0203 21 10

0203 22 11

0203 22 19

0203 29 11

0203 29 13

0203 29 15

0203 29 55

0203 29 59

Laħam tal-ħanżir domestiku: frisk, imkessaħ jew iffriżat

20 000

0

09.4272

0203 11 10

0203 12 19

0203 19 11

0203 19 15

0203 19 59

0203 21 10

0203 22 19

0203 29 11

0203 29 15

0203 29 59

Laħam tal-ħanżir domestiku, frisk, imkessaħ jew iffriżat, minbarra l-qatgħat tal-koxxa, tal-flett u qatgħat mingħajr għadam

20 000

0


ANNESS II

Entrati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 4(7)

Bil-Bulgaru: Регламент за изпълнение (ЕС) 2015/2076

Bl-Ispanjol: Reglamento de Ejecución (UE) 2015/2076

Biċ-Ċek: Prováděcí nařízení (EU) 2015/2076

Bid-Daniż: Gennemførelsesforordning (EU) 2015/2076

Bil-Ġermaniż: Durchführungsverordnung (EU) 2015/2076

Bl-Estonjan: Rakendusmäärus (EL) 2015/2076

Bil-Grieg: Εκτελεστικός κανονισμός (ΕΕ) 2015/2076

Bl-Ingliż: Implementing Regulation (EU) 2015/2076

Bil-Franċiż: Règlement d'exécution (UE) 2015/2076

Bil-Kroat: Provedbena uredba (EU) 2015/2076

Bit-Taljan: Regolamento di esecuzione (UE) 2015/2076

Bil-Latvjan: Īstenošanas regula (ES) 2015/2076

Bil-Litwan: Įgyvendinimo reglamentas (ES) 2015/2076

Bl-Ungeriż: (EU) 2015/2076 végrehajtási rendelet

Bil-Malti: Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2076

Bin-Netherlandiż: Uitvoeringsverordening (EU) 2015/2076

Bil-Pollakk: Rozporządzenie wykonawcze (UE) 2015/2076

Bil-Portugiż: Regulamento de Execução (UE) 2015/2076

Bir-Rumen: Regulamentul de punere în aplicare (UE) 2015/2076

Bis-Slovakk: Vykonávacie nariadenie (EÚ) 2015/2076

Bis-Sloven: Izvedbena uredba (EU) 2015/2076

Bil-Finlandiż: Täytäntöönpanoasetus (EU) 2015/2076

Bl-Iżvediż: Genomförandeförordning (EU) 2015/2076