12.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2016

tal-11 ta' Novembru 2015

li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-indiċi ta' ekwità għall-aġġustament simetriku tal-imposta standard tal-kapital tal-ekwità skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 109a(2)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi żgurat li l-indiċi tal-ekwità jkejjel il-prezz tas-suq ta' portafoll diversifikat ta' ekwitajiet li huwa rappreżentativ tal-għamla tal-ekwitajiet tipikament miżmumin mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, kif mitlub mill-Artikolu 172 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (2), dan għandu jkun magħmul minn diversi indiċi ta' ekwità eżistenti għas-swieq rilevanti. Sabiex il-livelli ta' dawk l-indiċijiet tal-ekwità jiġu komparabbli, il-livell ta' kull indiċi fil-bidu ta' perjodu adattat ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 106(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, għandu jkun stabbilit għal 100 punt perċentwali.

(2)

Il-valur tal-indiċi tal-ekwità jvarja matul il-jum. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ċċarat liema valur jintuża għal dik il-ġurnata. Peress li l-borża ma tkunx miftuħa għan-negozju kuljum, huwa wkoll neċessarju li jiġi speċifikat għal liema ġranet għandhom jiġu kkalkulati l-livelli tal-indiċi tal-ekwità. Għal din ir-raġuni, it-termini “l-aħħar livell” u “jum ta' xogħol” għandhom jiġu definiti.

(3)

L-indiċi tal-ekwità għandu jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 172 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni.

(5)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1094/2010 (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“l-aħħar livell” ifisser l-aħħar valur tal-indiċi tal-ekwità għall-jum ta' referenza ppubblikat mill-fornitur tal-indiċi tal-ekwità,

(2)

“jum ta' xogħol” ifisser kull jum ieħor għajr is-Sibt u l-Ħadd.

Artikolu 2

Kalkolu tal-indiċi tal-ekwità

1.   Il-livell tal-indiċi tal-ekwità msemmi fl-Artikolu 106(2) tad-Direttiva 2009/138/KE jkun iddeterminat għal kull jum ta' xogħol.

Il-livell tal-indiċi tal-ekwità għal jum ta' xogħol partikolari jkun is-somma tal-kontribuzzjonijiet tal-indiċi tal-ekwità kollha inklużi fl-Anness f'dak il-jum ta' xogħol.

Għal kull indiċi tal-ekwità stipulat fl-Anness, il-kontribuzzjoni tiegħu għal jum tax-xogħol partikolari għandha tkun il-prodott tal-livell normalizzat tiegħu għal dak il-jum ta' xogħol u l-piż rispettiv għall-indiċi ta' ekwità kif stabbilit fl-Anness.

2.   Għal kull indiċi tal-ekwità stabbilit fl-Anness, il-livell normalizzat tiegħu għal jum ta' xogħol partikolari jkun l-aħħar livell tiegħu f'dak il-jum ta' xogħol diviż bl-aħħar livell tiegħu fl-ewwel jum tal-perjodu ta' 36-il xahar li jintemm fil-jum tax-xogħol li fih il-livell tal-indiċi tal-ekwità kif definit fl-Artikolu 172(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 qed jiġi kkalkulat. Fejn, għal jum speċifiku, l-aħħar livell ta' indiċi ta' ekwità ma jkunx disponibbli, ikun użat l-aktar livell aħħari reċenti qabel dak il-jum.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).


ANNESS

Indiċi u ponderazzjonijiet tal-ekwità

Indiċi tal-ekwità (indiċi tal-prezzijiet)

Fatturi ta' ponderazzjoni

AEX

0,14

CAC 40

0,14

DAX

0,14

FTSE All-Share Index

0,14

FTSE MIB Index

0,08

IBEX 35

0,08

Nikkei 225

0,02

OMX Stockholm 30 Index

0,08

S&P 500

0,08

SMI

0,02

WIG30

0,08