12.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2014

tal-11 ta' Novembru 2015

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri u l-mudelli għall-preżentazzjoni ta' informazzjoni lis-superviżur tal-grupp u għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbilità II) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 249(4) tagħha,

Billi:

(1)

Mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta' kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni li jistgħu jseħħu b'mod bilaterali jew multilaterali bejn l-awtoritajiet ta' superviżjoni, il-proċeduri u l-mudelli huma partikolarment meħtieġa sabiex jiffaċilitaw skambju effiċjenti u konverġenti ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji fil-kulleġġ tas-superviżuri peress li l-kulleġġ tas-superviżuri għandu jkun il-pjattaforma prinċipali għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji ta' grupp.

(2)

Dawn il-proċeduri u l-mudelli huma indirizzati lill-awtoritajiet superviżorji fil-kulleġġ tas-superviżuri, li jiddeċiedu bħala parti minn arranġament ta' koordinazzjoni fuq l-informazzjoni meħtieġa għall-attivitajiet tal-kulleġġ tas-superviżuri u l-modalitajiet li skonthom għandha tiġi skambjata, skont l-Artikolu 357 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (2).

(3)

Superviżjoni effettiva u effiċjenti tirrikjedi li l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji jqisu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-grupp, id-disponibbiltà u t-tip ta' informazzjoni u l-aktar dejta rilevanti u riċenti.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni.

(5)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji fil-kulleġġ tas-superviżuri

L-awtoritajiet superviżorji fil-kulleġġ tas-superviżuri għandhom jiskambjaw informazzjoni fuq bażi sistematika, mill-inqas kull sena, u, fejn xieraq, fuq bażi ad hoc.

Artikolu 2

Il-limitu ta' żmien għall-iskambju ta' informazzjoni

1.   Għal kull skambju ta' informazzjoni fuq bażi sistematika jew ad hoc l-awtoritajiet superviżorji fil-kulleġġ tas-superviżuri għandhom jilħqu qbil fuq limitu taż-żmien.

2.   Devjazzjonijiet mil-limiti taż-żmien miftiehma għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati minn qabel b'ġustifikazzjoni xierqa.

Artikolu 3

Il-mezzi ta' skambju ta' informazzjoni

L-awtoritajiet superviżorji fil-kulleġġ tas-superviżuri għandhom jaqblu fuq formola elettronika sigura għall-iskambju ta' informazzjoni kif ukoll fuq il-format tad-dejta li din l-informazzjoni għandha tiġi skambjata fih.

Artikolu 4

Munita

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-awtoritajiet superviżorji fil-kulleġġ tas-superviżuri bħala parti mill-arranġament ta' koordinazzjoni konkluż skont l-Artikolu 248(4) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jesprimu l-ammonti bħala parti minn skambju ta' informazzjoni fil-kulleġġ tas-superviżuri fil-munita li l-informazzjoni ġiet rappurtata biha.

Artikolu 5

Lingwa

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-awtoritajiet superviżorji fil-kulleġġ tas-superviżuri bħala parti mill-arranġament ta' koordinazzjoni konkluż skont l-Artikolu 248(4) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jiskambjaw l-informazzjoni fi ħdan il-kulleġġ tas-superviżuri fil-lingwa li tinftiehem l-iktar mill-kulleġġ tas-superviżuri.

Artikolu 6

Ħarsa ġenerali lejn l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata fil-kulleġġ tas-superviżuri

Is-superviżur tal-grupp għandu jissottometti lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra fil-kulleġġ tas-superviżuri ħarsa ġenerali lejn l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont l-Artikolu 357 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Preżentazzjoni tal-konklużjonijiet ewlenin wara l-proċess ta' rieżami superviżorju

1.   L-awtoritajiet superviżorji l-oħra fil-kulleġġ tas-superviżuri għandhom jissottomettu lis-superviżur tal-grupp il-konklużjonijiet ewlenin wara l-proċess ta' rieżami superviżorju mwettaq fil-livell tal-impriża individwali skont l-Artikolu 357(2)(c) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 skont il-mudell ippreżentat fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

2.   Is-superviżur tal-grupp għandu jissottometti lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra fil-kulleġġ tas-superviżuri l-konklużjonijiet ewlenin wara l-proċess ta' rieżami superviżorju mwettaq fil-livell tal-grupp skont il-punt (iii) tal-Artikolu 357(3)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 skont il-mudell ippreżentat fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Il-Kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji barra l-kulleġġ tas-superviżuri

1.   Meta awtorità ta' superviżjoni fil-kulleġġ tas-superviżuri taqsam informazzjoni li tkun rilevanti għas-superviżjoni tal-grupp fuq bażi bilaterali jew multilaterali ma' xi wħud mill-awtoritajiet superviżorji l-oħra fil-kulleġġ tas-superviżuri, hija għandha tirrapporta l-informazzjoni lis-superviżur tal-grupp fi żmien raġonevoli. Is-superviżur tal-grupp għandu jiżgura li l-informazzjoni titqassam lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra kollha fil-kulleġġ tas-superviżuri fil-laqgħa li jkun imiss tiegħu jew qabilha.

2.   Meta awtorità superviżorja fil-kulleġġ tas-superviżuri tirċievi informazzjoni minn parti terza li tkun rilevanti għas-superviżjoni tal-grupp u taqsam din l-informazzjoni ma' wħud mill-awtoritajiet superviżorji l-oħra fil-kulleġġ tas-superviżuri, din għandha tirrapporta l-informazzjoni, kemm jista' jkun, soġġetta għal xi restrizzjonijiet ta' kunfidenzjalità imposti mill-parti terza jew bil-liġi, lis-superviżur tal-grupp fi żmien raġonevoli. Is-superviżur tal-grupp għandu jiżgura li l-informazzjoni titqassam lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra kollha kkonċernati fil-kulleġġ tas-superviżuri fil-laqgħa li jkun imiss tiegħu jew qabilha.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-11 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbilità II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).


ANNESS I

Ħarsa ġenerali lejn l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata fil-kulleġġ tas-superviżuri

Tip ta' informazzjoni

Isem tal-impriża

Rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjara

Rapport superviżorju regolari

Mudelli tar-rappurtar kwantitattivi

Konklużjonijiet ewlenin tal-proċess ta' rieżami superviżorju

Dejta oħra magħżula

Impriża parteċipanti

Element

 

 

 

 

 

Frekwenza

 

 

 

 

 

Skadenza

 

 

 

 

 

Sussidjarja

Element

 

 

 

 

 

Frekwenza

 

 

 

 

 

Skadenza

 

 

 

 

 

Impriża oħra relatata

Element

 

 

 

 

 

Frekwenza

 

 

 

 

 

Skadenza

 

 

 

 

 

Elementi ta' informazzjoni li jridu jiġu skambjati inklużi l-partijiet rilevanti ta' rapporti narrattivi, mudelli rilevanti tar-rappurtar kwantitattivi, il-konklużjonijiet ewlenin wara l-proċess ta' rieżami superviżorju u dejta oħra magħżula kif ukoll l-iskadenzi u l-frekwenza, kif maqbul fil-kulleġġ tas-superviżuri, jiġu speċifikati fil-ħarsa ġenerali.


ANNESS II

Sottomissjoni tal-konklużjonijiet ewlenin tal-proċess ta' rieżami superviżorju

Isem ta' impriża individwali jew tal-grupp

 

Ir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju u l-attivitajiet rilevanti superviżorji ppjanati

Deskrizzjoni

 

Is-sejbiet tal-eżamijiet/spezzjonijiet fuq il-post u attivitajiet mhux fuq il-post

Deskrizzjoni

 

Il-miżuri superviżorji rilevanti

Deskrizzjoni

 

Il-konklużjonijiet ewlenin wara l-proċess ta' rieżami superviżorju jinkludu l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju, l-attivitajiet rilevanti ta' superviżjoni ppjanati, is-sejbiet minn eżamijiet fuq il-post, spezzjonijiet fuq il-post u attivitajiet mhux fuq il-post u l-miżuri rilevanti superviżorji kif maqbul fil-kulleġġ tas-superviżuri.