12.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2010

tal-11 ta' Novembru 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1708/2005 li jistipula regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward tal-perjodu ta' referenza tal-indiċi komuni għall-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (1), u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2494/95 jistabbilixxi l-bażijiet statistiċi neċessarji għall-produzzjoni tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP).

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1708/2005 (3) jistabbilixxi regoli komuni għad-determinazzjoni tal-perjodu ta' referenza tal-indiċi għall-HICP u jistabbilixxi l-2005 bħala ugwali għal 100.

(3)

Minħabba l-bidliet fil-klassifikazzjoni tas-subindiċi tal-HICP u l-allinjament tas-subindiċijiet li ġew assoċjati mal-HICP wara l-introduzzjoni ta' 2005 = 100, jeħtieġ li jinbidel il-perjodu komuni ta' referenza tal-indiċi. Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà u r-rilevanza tal-HICP, il-perjodu komuni ta' referenza tal-indiċi għandu għalhekk jinbidel u jsir 2015 = 100.

(4)

B'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2494/95, tqieset il-kosteffettività fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

(5)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1708/2005 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Perjodu ta' referenza tal-indiċi

1.   Il-perjodu komuni ta' referenza tal-indiċi għall-HICP għandu jiġi stabbilit bħala 2015 = 100. Dan il-perjodu ta' referenza tal-indiċi ġdid għandu jintuża għas-serje kronoloġika sħiħa tal-indiċijiet u s-subindiċijiet tal-HICP, minnufih mal-pubblikazzjoni tal-HICP għal Jannar 2016.

2.   Kull subindiċi addizzjonali li jiġi integrat fl-HICP għandu jiġi assoċjat f'Diċembru ta' sena partikolari fil-livell ta' 100 punt indiċi u għandu jintuża minn Jannar, dan inkluż, tas-sena ta' wara.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1.

(2)  Opinjoni tal-1 ta' Ġunju 2015 (ĠU C 209, 25.6.2015, p. 3).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1708/2005 tad-19 ta' Ottubru 2005 li jistipula regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward tal-perjodu ta' referenza tal-indiċi komuni għall-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur, u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2214/96 (ĠU L 274, 20.10.2005, p. 9).