10.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/6


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1971

tat-8 ta' Lulju 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jiddetermina liema irregolaritajiet l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha marbuta mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq analiżi tar-riskju, għandu jiġi stabbilit ukoll liema dejta għandha tiġi pprovduta.

(2)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fond użat biex jintlaħqu l-objettivi li għalihom ikun ġie stabbilit. Għal dak l-għan ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kif ukoll ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (2), (UE) Nru 223/2014 (3) u (UE) Nru 514/2014 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet. Sabiex jiġi żgurat li japplikaw regoli identiċi fir-rigward tal-fondi kollha rregolati minn dawn ir-Regolamenti, huwa neċessarju li dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjonijiet identiċi għal dawk fir-Regolamenti ta' Delegai tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 (5), (UE) 2015/1972 (6) u (UE) 2015/1973 (7).

(3)

Biex tkun possibbli applikazzjoni koerenti tar-rekwiżiti tal-irrappurtar fl-Istati Membri kollha huwa meħtieġ li jiġu definiti t-terminu “suspett ta' frodi”, billi titqies id-definizzjoni ta' frodi fil-Konvenzjoni imfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (8), u t-terminu “konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja”. Fil-każ tal-Fond Ewropew Agrikolu ta' Garanzija “operatur ekonomiku” għandu jfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità oħra involuta fl-implimentazzjoni tal-assistenza mill-fond jew li għandha tħallas xi assenjazzjoni tad-dħul fit-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, bl-eċċeżżjoni ta' Stat Membru li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika.

(4)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014, jiddeterminaw il-limitu ta' rappurtar li, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor, irregolaritajiet li jaqgħu taħt dak il-limitu ma jkunux jeħtieġu li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni u l-każijiet li għalihom ma hemmx bżonn isir rappurtar. Sabiex jiġu ssimplifikati u allinjati d-dispożizzjonijiet u jinstab bilanċ bejn il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-interess komuni li tingħata dejta preċiża għall-finijiet ta' analiżi fil-ġlieda tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi, huwa meħtieġ li jiġu applikati l-istess limitu tar-rappurtar u l-istess derogi għar-rapportar ta' irregolaritajiet imsemmija fir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 514/2014.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tar-rappurtar huwa meħtieġ li l-ewwel jiġu stabbiliti l-kriterji biex jiġi ddeterminat meta għandhom jiġu inizjalment irrappurtati l-irregolaritajiet u d-dejta li għandha tiġi pprovduta f'dawk ir-rapporti inizjali.

(6)

Sabiex id-dejta pprovduta lill-Kummissjoni tkun preċiża, huwa meħtieġ li jsir rappurtar ta' segwitu. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni aġġornata dwar kull progress sinifikanti fil-proċeduri, jew fil-proċedimenti, amministrattivi u ġuridiċi relatati ma' kull rapport inizjali.

(7)

Fid-dawl tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament, jipprevjenu kwalunkwe divulgazzjoni mhux awtorizzata ta' dejta personali, jew aċċess mhux awtorizzat għaliha. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika għal liema skopijiet il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jipproċessaw dik id-dejta.

(8)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 (11), li stabbilixxa regoli li japplikaw għall-perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (12) għandu jitħassar. Madankollu, għandu jibqa' japplika għal-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jirrigwardaw l-assistenza mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

(9)

Minħabba li diġà saru pagamenti għall-Fondi kkonċernati u jistgħu jseħħu xi irregolaritajiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw immedjatament. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiddetermina liema irregolaritajiet għandhom jiġu rrappurtati u jistabbilixxi liema dejta għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Id-definizzjonijiet fir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1303/2013 japplikaw. Barra minn hekk, għall-fini ta' dan ir-Regolament:

(a)

“suspett ta' frodi” tfisser irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta' proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fuq livell nazzjonali sabiex jiġi stabbilit li hemm mġiba intenzjonata, b'mod partikolari frodi, kif jissemma fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;

(b)

“konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja” tfisser l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta' fatti speċifiċi tikkonkludi li twettqet irregolarità, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li dik il-konklużjoni sussegwentement jista' jkollha tiġi riveduta jew irtirata minħabba żviluppi matul il-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji.

Artikolu 3

Rappurtar inizjali

1.   L-Istati Membri jirrapportaw irregolaritajiet lill-Kummissjoni li:

(a)

jaffettwaw ammont ta' iktar minn EUR 10 000 f'kontribuzzjoni mill-fondi;

(b)

kienu s-suġġett ta' konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja.

2.   Fir-rapport inizjali l-Istati Membri jagħtu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-fond, l-iskema ta' sostenn, il-miżura, l-operazzjoni kkonċernata u fejn xieraq, l-isem u n-numru tal-Kodiċi ta' Identifikazzjoni Komuni (“CCI”) tal-programm operazzjonali, l-organizzazzjonijiet komuni għal swieq agrikoli affettwati, is-setturi u l-prodotti kkonċernati u l-linja baġitarja;

(b)

l-identità tal-persuni fiżiċijew ġuridiċi involuti, jew tat-tnejn li huma, jew ta' kull entità oħra li kellha rwol fit-twettiq tal-irregolarità u dettalji dwar x'kien ir-rwol tagħha, minbarra fejn dik l-informazzjoni ma tkunx rilevanti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, minħabba n-natura tal-irregolarità kkonċernata;

(c)

ir-reġjun jew iż-żona fejn tkun seħħet l-operazzjoni, identifikati bl-użu ta' informazzjoni xierqa, bħalma hu l-livell NUTS;

(d)

id-dispożizzjoni, jew id-dispożizzjonijiet, li jkunu ġew miksura;

(e)

id-data u s-sors tal-ewwel informazzjoni li wasslet għas-suspett li twettqet irregolarità;

(f)

il-prattkċi użati biex titwettaq l-irregolarità;

(g)

fejn xieraq, jekk il-prattika twassalx għal suspett ta' frodi;

(h)

il-mod li bih tkun ġiet magħrufa l-irregolarità;

(i)

fejn xieraq, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi involuti;

(j)

il-perjodu li matulu, jew id-data ta' meta twettqet l-irregolarità;

(k)

id-data li fiha ġiet stabbilita l-konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja;

(l)

l-ammont totali tan-nefqa espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, ta' dik nazzjonali u ta' dik privata;

(m)

l-ammont affettwat mill-irregolarità espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u ta' dik nazzjonali;

(n)

f'każ ta' suspett ta' frodi u fejn ma sar ebda ħlas tal-kontribuzzjoni pubblika lill-benefiċjarju, l-ammont li kien se jitħallas indebitament kieku l-irregolarità ma tkunx ġiet identifikata, espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u tal-kontribuzzjoni nazzjonali;

(o)

in-natura tan-nefqa irregolari;

(p)

is-sospensjoni tal-pagamenti, fejn applikabbli, u l-possibbiltà tal-irkuprar tal-ammonti mħallsa.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri ma jirrapportawx lill-Kummissjoni irregolaritajiet marbuta ma' li ġej:

(a)

il-każijiet fejn l-irregolarità tikkonsisti biss fin-nuqqas li jiġu eżegwiti, b'mod parzjali jew sħiħ, operazzjoni inkluża fil-programm kofinanzjat jew pagament dirett minħabba l-falliment tal-benefiċjarju;

(b)

il-każijiet li jinġiebu b'mod volontarju mill-benefiċjarju għall-attenzjoni tal-awtorità ta' ġestjoni, tal-aġenzija tal-pagamenti jew tal-awtorità kompetenti oħra, u qabel ma jiġu skoperti minn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet, kemm qabel jew wara l-pagament tal-kontribuzzjoni pubblika;

(c)

il-każijiet skoperti u korretti mill-awtorità ta' ġestjoni, mill-aġenzija tal-pagamenti jew minn awtorità kompetenti oħra qabel l-inklużjoni tan-nefqa kkonċernata f'dikjarazzjoni tan-nefqa ppreżentata lill-Kummissjoni.

Fil-każijiet l-oħra kollha, b'mod partikolari dawk li jippreċedu falliment jew f'każijiet ta' suspett ta' frodi, l-irregolaritajiet skoperti u l-miżuri ta' prevenzjoni u korrettivi marbuta magħhom għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni.

4.   Fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni tat-tribunal, qorti jew korp ieħor kompetenti skont ir-regoli nazzjonali.

Artikolu 4

Rappurtar ta' segwitu

1.   Fejn parti mill-informazzjoni li tissemma fl-Artikolu 3(2), b'mod partikolari l-informazzjoni li tikkonċerna l-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità u l-mod li bih tkun ġiet skoperta, ma tkunx disponibbli jew ikun jeħtieġ li tiġi rettifikata, l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni nieqsa jew korretta fir-rapporti ta' segwitu dwar l-irregolaritajiet li jippreżentaw lill-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-bidu, il-konklużjoni jew l-abbandun ta' kull proċeduri jew proċedimenti għall-impożizzjoni ta' miżuri amministrattivi, penali amministrattivi jew penali kriminali fir-rigward tal-irregolaritajiet irrappurtati, kif ukoll dwar l-eżitu ta' dawk il-proċeduri jew il-proċedimenti. Fir-rigward tal-irregolaritajiet li għalihom ikunu ġew imposti penali, l-Istati Membri jindikaw ukoll dan li ġej:

(a)

jekk il-penali hix ta' natura amministrattiva jew kriminali;

(b)

jekk il-penali jirriżultawx minn ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali u dettalji dwar il-penali;

(c)

jekk ġiex stabbilit li kien hemm frodi.

3.   Fuq talba bil-miktub tal-Kummissjoni, l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni fir-rigward ta' irregolarità speċifika jew grupp ta' irregolaritajiet speċifiċi.

Artikolu 5

Użu u pproċessar ta' informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' tuża kull informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament biex tagħmel analiżi tar-riskju, bl-appoġġ tat-teknoloġija informatika, u tista', fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba, tipproduċi rapporti u tiżviluppa sistemi li jservu biex jidentifikaw ir-riskji b'mod iktar effettiv.

2.   L-informazzjoni mogħtija skont dan ir-Regolament hija koperta mill-kunfidenzjalità professjonali u protetta bl-istess mod bħalma tkun protetta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jkun pprovdiha u mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jiżguraw li l-informazzjoni tibqa' kunfidenzjali.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tistax, b'mod partikolari, tintbagħat lill-persuni ħlief dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom aċċess għaliha, sakemm l-Istat Membru li jkun qed jipprovdiha ma jkunx ta l-kunsens speċifiku tiegħu.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tista' tintuża għall-ebda skop ieħor għajr il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sakemm l-awtoritajiet li jkunu ipprovdew l-informazzjoni ma jagħtux il-kunsens speċifiku tagħhom.

Artikolu 6

Tħassir u dispożizzjonijiet tranżitorji

Ir-Regolament (KE) Nru 1848/2006 huwa mħassar.

Madankollu jibqa' japplika fir-rigward tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jirrigwardaw l-assistenza mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(3)  Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

(4)  Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

(5)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi għar-rappurtar ta' irregolaritajiet, dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1972 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi għall-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1973 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ara l-paġna 15 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.

(9)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 015, p. 355).

(10)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 26, p. 102).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta' somom ta' flus imħallsa bi żball b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) No 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).