30.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/1


REGOLAMENT (UE, EURATOM) 2015/1929 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Ottubru 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, jinkludi wkoll ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Id-Direttivi 2014/23/UE (4) u 2014/24/UE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġew adottati fis-26 ta' Frar 2014 u għalhekk hu neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 sabiex dawk id-Direttivi jiġu kkunsidrati għall-kuntratti mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f'isimhom stess.

(2)

Xi definizzjonijiet għandhom jiżdiedu u għandhom isiru ċerti kjarifiki tekniċi sabiex jiġi żgurat li t-terminoloġija tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 hija konformi ma' dik tad-Direttivi 2014/23/UE u 2014/24/UE.

(3)

Il-miżuri ta' pubbliċità ex ante u ex post meħtieġa biex titnieda l-proċedura tal-akkwisti għandhom jiġu ċċarati fil-każ ta' kuntratti 'l fuq u 'l isfel mil-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/24/UE.

(4)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu jinkludi lista eżawrjenti tal-proċeduri kollha ta' akkwist disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni irrispettivament mil-limiti.

(5)

Bħal m'huwa l-każ fid-Direttiva 2014/24/UE, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu jippermetti l-konsultazzjoni tas-suq qabel it-tnedija ta' proċedura ta' akkwist.

(6)

Ulterjorment, għandu jiġi ċċarat il-mod li bih l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ambjent u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat li jistgħu jiksbu l-aħjar valur għall-flus fil-kuntratti tagħhom, b'mod partikolari billi jintalbu tikketti speċifiċi u/jew bl-użu ta' metodi ta' għoti adegwati.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li, fl-eżekuzzjoni ta' kuntratti, l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi ambjentali, soċjali u tal-liġi tax-xogħol applikabbli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, mil-leġislazzjoni nazzjonali, minn ftehimiet kollettivi jew il-konvenzjonijiet soċjali u ambjentali internazzjonali applikabbli elenkati fl-Anness X għad-Direttiva 2014/24/UE, dawn l-obbligi għandhom ikunu parti mir-rekwiżiti minimi definiti mill-awtorità kontraenti u għandhom jiġu integrati fil-kuntratti ffirmati mill-awtorità kontraenti.

(8)

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għandha tinħoloq sistema unika ta' identifikazzjoni bikrija u esklużjoni mill-Kummissjoni, u r-regoli għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ta' akkwist għandhom jittejbu sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni ta' dawk l-interessi.

(9)

Id-deċiżjoni ta' esklużjoni ta' operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ta' akkwist jew l-impożizzjoni ta' penali finanzjarja u d-deċiżjoni li tiġi ppubblikata l-informazzjoni marbuta għandha tittieħed mill-awtorità kontraenti rilevanti, fid-dawl tal-awtonomija tagħha fi kwistjonijiet amministrattivi. Fin-nuqqas ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali u f'każijiet marbuta ma' ksur serju tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha wara li tikkunsidra r-rakkomandazzjoni ta' bord fuq il-bażi ta' klassifikazzjoni preliminari fil-liġi tal-aġir tal-operatur ekonomiku kkonċernat. Il-bord għandu jivvaluta wkoll it-tul ta' żmien ta' esklużjoni f' każijiet fejn it-tul ma jkunx ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew ta' deċiżjoni amministrattiva finali.

(10)

Ir-rwol tal-bord għandu jkun li jiżgura t-tħaddim koerenti tas-sistema ta' esklużjoni. Il-bord għandu jkun magħmul minn president permanenti, rappreżentanti tal-Kummissjoni u rappreżentant tal-awtorità kontraenti rilevanti.

(11)

Il-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi ma tippreġudikax il-valutazzjoni finali tal-aġir tal-operatur ekonomiku mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont il-liġi nazzjonali. Ir-rakkomandazzjoni tal-bord, kif ukoll id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, għandha għalhekk tiġi riveduta wara n-notifika ta' din il-valutazzjoni finali.

(12)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu jispeċifika s-sitwazzjonijiet li jwasslu għal esklużjoni.

(13)

Operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż mill-awtorità kontraenti meta tingħata sentenza finali jew tittieħed deċiżjoni amministrattiva finali f'każ ta' mġiba professjonali ħażina serja, nonkonformità, hijiex intenzjonata jew le, mal-obbligi marbuta mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew il-ħlas tat-taxxi, frodi li jaffettwa l-baġit ġenerali tal-Unjoni (“il-baġit”), korruzzjoni, parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu, reati terroristiċi marbuta, tħaddim tat-tfal jew forom oħra ta' traffikar tal-bnedmin jew irregolarità. Għandu wkoll jiġi eskluż fil-każ ta' ksur serju ta' kuntratt jew falliment.

(14)

Meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-esklużjoni jew l-impożizzjoni ta' penali finanzjarja u dwar il-pubblikazzjoni tagħha jew dwar iċ-ċaħda ta' operatur ekonomiku, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi tqis b'mod partikolari s-serjetà tas-sitwazzjoni, l-impatt baġitarju tagħha, iż-żmien li għadda mill-aġir rilevanti, it-tul tagħha u r-rikorrenza tagħha, l-intenzjoni jew il-livell ta' negliġenza u l-livell ta' kollaborazzjoni tal-operatur ekonomiku mal-awtorità kompetenti rilevanti dwar l-investigazzjoni u l-kontribut tiegħu għall-investigazzjoni.

(15)

L-awtorità kontraenti għandha tkun tista' wkoll teskludi operatur ekonomiku fejn persuna fiżika jew ġuridika li tassumi responsabbiltà mhux limitata għad-djun ta' dak l-operatur ekonomiku tkun falluta jew f'sitwazzjoni simili ta' insolvenza jew fejn dik il-persuna fiżika jew ġuridika tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha li tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew taxxi, fejn tali sitwazzjonijiet iħallu impatt fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-operatur ekonomiku.

(16)

Operatur ekonomiku m'għandux ikun soġġett għal deċiżjoni ta' esklużjoni meta jkun ħa miżuri ta' rimedju, u b'hekk ikun wera li jista' jiġi fdat. Din il-possibbiltà m'għandhiex tapplika f'każ tal-aktar attivitajiet kriminali serji.

(17)

Fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn penali finanzjarja tista' tiġi imposta bħala alternattiva għall-esklużjoni u l-każijiet fejn is-serjetà tal-aġir tal-operatur ekonomiku kkonċernat meta jkun ipprova indebitament jikseb fondi tal-Unjoni tiġġustifika l-impożizzjoni ta' penali finanzjarja apparti l-esklużjoni sabiex jiġi żgurat effett deterrenti. Jeħtieġ ukoll li tiġi definita l-penali finanzjarja minima u massimali tista' tiġi imposta mill-awtorità kontraenti.

(18)

Huwa importanti li jiġi ssottolinjat li l-possibbiltà li jiġu applikati penali amministrattivi u/jew finanzjarji fuq bażi regolatorja hija indipendenti mill-possibbiltà li jiġu applikati penali kuntrattwali, bħal danni likwidati.

(19)

It-tul ta' żmien tal-esklużjoni għandu jkun limitat fiż-żmien, bħal fil-każ tad-Direttiva 2014/24/UE, u għandu jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.

(20)

Jeħtieġ li jiġu determinati d-data tal-bidu u t-tul ta' żmien tal-perijodu ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi.

(21)

Huwa importanti li jkun jista' jissaħħaħ l-effett ta' deterrent miksub permezz tal-esklużjoni jew il-penali finanzjarja. F'dak ir-rigward, l-effett ta' deterrent għandu jissaħħaħ bil-possibbiltà li tiġi ppubblikata l-informazzjoni marbuta mal-esklużjoni u/jew il-penali finanzjarja, b'rispett sħiħ tar-rekwiżiti ta' protezzjoni tad-data stipulati fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dan għandu jikkontribwixxi biex jiżgura li l-aġir ikkonċernat ma jirrepetix ruħhu. Għal raġunijiet ta' ċertezza legali u f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi speċifikat f'liema sitwazzjonijiet m'għandhiex issir pubblikazzjoni. Fl-evalwazzjoni tagħha, l-awtorità kontraenti għandha tqis kull rakkomandazzjoni tal-bord. Sa fejn huma kkonċernati l-persuni fiżiċi, id-data personali għandha tiġi ppubblikata biss f'każijiet eċċezzjonali ġustifikati mis-serjetà tal-aġir jew l-impatt tiegħu fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(22)

L-informazzjoni marbuta mal-esklużjoni jew il-penali finanzjarja għandha tiġi ppubblikata biss fil-każ ta' mġiba professjonali ħażina serja, frodi, nuqqasijiet sinifikanti fil-ħarsien tal-obbligi ewlenin ta' kuntratt iffinanzjat mill-baġit jew irregolarità.

(23)

Il-kriterji għall-esklużjoni għandhom ikunu separati b'mod ċar mill-kriterji li jwasslu għal ċaħda possibbli minn proċedura partikolari.

(24)

Huwa xieraq li każijiet differenti normalment magħrufa bħala sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess jiġu identifikati u ttrattati distintament. Il-kunċett ta' “kunflitt ta' interess” għandu jintuża biss għal każijiet fejn uffiċjal jew aġent ta' istituzzjoni tal-Unjoni jkun jinsab f'sitwazzjoni bħal din. F'każijiet fejn operatur ekonomiku jipprova jinfluwenza proċedura b'mod mhux xieraq jew jikseb informazzjoni kunfidenzjali, dan l-aġir għandu jiġi ttrattat bħala mġiba professjonali ħażina serja. Barra minnhekk, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu f'sitwazzjoni fejn m'għandhomx jintgħażlu biex jimplimentaw kuntratt minħabba interess professjonali li joħloq kunflitt. Pereżempju, kumpanija m'għandhiex tevalwa proġett li pparteċipat fih jew awditur m'għandux ikun f'pożizzjoni li jawditja kontijiet li jkun iċċertifika qabel.

(25)

L-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni bikrija ta' riskji u dwar l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi fuq operaturi ekonomiċi għandha tiġi ċċentralizzata. Għal dak l-għan, informazzjoni relatata għandha tinħażen f'bażi ta' data maħluqa u mħaddma mill-Kummissjoni bħala sid is-sistema ċentralizzata. Dik is-sistema għandha taħdem f'konformità sħiħa mad-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

(26)

Filwaqt li l-ħolqien u t-tħaddim tas-sistema unika ta' identifikazzjoni bikrija u esklużjoni għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, istituzzjonijiet u korpi oħra, kif ukoll l-entitajiet kollha li jimplimentaw il-baġit f'konformità mal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandhom jipparteċipaw f'dik is-sistema ċentralizzata billi jibagħtu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni biex jiżguraw identifikazzjoni bikrija tar-riskji.

(27)

L-awtorità kontraenti u l-bord għandhom jiggarantixxu d-dritt ta' difiża tal-operaturi ekonomiċi. L-istess dritt għandu jingħata lill-operaturi ekonomiċi, fil-kuntest ta' identifikazzjoni bikrija, fejn att previst minn uffiċjal awtorizzanti jista' jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet tal-operatur ekonomiku kkonċernat. Fil-każijiet ta' frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li għadhom mhumiex soġġetti għal sentenza finali, l-awtorità kontraenti u l-bord għandhom jingħataw il-possibbiltà li jipposponu l-opportunità mogħtija lill-operatur ekonomiku li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Tali differiment għandu jiġi ġustifikat biss fejn ikun hemm raġunijiet leġittimi serji li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni.

(28)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji mħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu żgurati l-legalità u l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt ta' difiża u d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

(29)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata ġurisdizzjoni mingħajr limitu fir-rigward ta' sanzjonijiet imposti skont dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 261 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(30)

Sabiex jiffaċilitaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-mezzi kollha ta' ġestjoni, l-entitajiet involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit f'ġestjoni maqsuma u indiretta għandhom iqisu, kif xieraq, esklużjonijiet li jiddeċiedu dwarhom l-awtoritajiet kontraenti fil-livell tal-Unjoni.

(31)

F'konformità mad-Direttiva 2014/24/UE, għandu jkun possibbli li jiġi vverifikat jekk operatur ekonomiku huwiex eskluż, li jiġu applikati kriterji ta' għażla u għoti, kif ukoll li tiġi vverifikata l-konformità mad-dokumenti ta' akkwist fi kwalunkwe ordni. Bħala riżultat, għandu jkun possibbli li offerti jiġu rrifjutati fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti mingħajr kontroll minn qabel dwar il-kriterji tal-esklużjoni jew l-għażla ta' offerent korrispondenti.

(32)

Il-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża f'konformità mal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24/UE. Għandu jiġi ċċarat li l-kriterji tal-għażla huma strettament marbuta mal-evalwazzjoni ta' kandidati jew offerenti u l-kriterji tal-għoti ta' kuntratt huma strettament marbuta mal-evalwazzjoni tal-offerti.

(33)

L-akkwist pubbliku tal-Unjoni għandu jiżgura li l-fondi tal-Unjoni jintużaw b'mod effettiv, trasparenti u adegwat. B'rabta ma' dan, l-akkwist elettroniku għandu jikkontribwixxi għal użu aħjar tal-fondi tal-Unjoni u jtejjeb l-aċċess għall-kuntratti għall-operaturi ekonomiċi kollha.

(34)

Għandu jiġi ċċarat li għandu jkun hemm fażi ta' ftuħ u evalwazzjoni għal kull proċedura. Deċiżjoni ta' għoti għandha dejjem tkun ir-riżultat ta' evalwazzjoni.

(35)

Minħabba li l-kriterji jiġu applikati mingħajr ebda ordni partikolari, jeħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà li l-offerenti miċħuda li jkunu ppreżentaw offerti konformi jirċievu l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta li ntgħażlet jekk huma jitolbu dan.

(36)

Għal kuntratti qafas bi ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni, huwa adegwat li jitneħħa l-obbligu li jiġu pprovduti l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta ta' suċċess lill-kuntrattur li l-offerta tiegħu ma kinitx suċċess, u dan għar-raġuni li l-għoti ta' informazzjoni bħal din lill-partijiet tal-istess kuntratt qafas kull darba li terġa' tinfetaħ kompetizzjoni jista' jippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejniethom.

(37)

Awtorità kontraenti għandha tkun tista' tikkanċella proċedura ta' akkwist qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt, mingħajr ma l-kandidati jew l-offerenti jkunu intitolati jitolbu kumpens. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal sitwazzjonijiet fejn l-awtorità kontraenti tkun aġixxiet b'tali mod li tista' tinżamm responsabbli għad-danni f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.

(38)

Bħal m'huwa l-każ fid-Direttiva 2014/24/UE, jeħtieġ li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li skonthom kuntratt jista' jiġi modifikat matul l-eżekuzzjoni tiegħu mingħajr proċedura ta' akkwist ġdida. B'mod partikolari, każijiet bħal bidliet amministrattivi, suċċessjoni universali u applikazzjoni ta' klawżoli ta' reviżjoni ċari u inekwivoki jew għażliet ma jibdlux ir-rekwiżiti minimi tal-proċedura inizjali. Għandha tkun meħtieġa proċedura ta' akkwist ġdida fil-każ ta' modifiki materjali għall-kuntratt inizjali, b'mod partikolari għall-ambitu u l-kontenut tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet, inkluża d-distribuzzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali. Dawn il-modifiki juru l-intenzjoni tal-partijiet li jerġgħu jinnegozjaw it-termini jew il-kundizzjonijiet essenzjali ta' dak il-kuntratt, b'mod partikolari kieku l-modifiki kellhom influwenza fuq l-eżitu tal-proċedura kieku dawn kienu parti mill-proċedura inizjali.

(39)

Għandha tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu rikjesti garanziji kuntrattwali fil-każ ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi kumplessi sabiex tiġi garantita l-konformità ma' obbligi kuntrattwali sostanzjali skont il-prattika abitwali f'dawk is-setturi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-kuntratti tul id-dewmien kollu tagħha.

(40)

Jeħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta' kuntratt sabiex wieħed jaċċerta jekk ikunux saru żbalji, irregolaritajiet jew frodi.

(41)

Sabiex jiġu determinati l-limiti u l-proċeduri applikabbli, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi eżekuttivi tal-Unjoni humiex meqjusa bħala awtoritajiet kontraenti. Huma m'għandhomx jitqiesu bħala awtoritajiet kontraenti f'każijiet fejn huma jixtru minn korp ċentrali għall-akkwisti. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jifformaw entità legali waħda u ma jistgħux jikkonkludu kuntratti iżda jistgħu biss jikkonkludu arranġamenti amministrattivi bejn id-dipartimenti tagħhom.

(42)

Huwa xieraq li tiġi inkluża referenza fir-Regolament (UE, Euratoma) Nru 966/2012 għaż-żewġ limiti stipulati fid-Direttiva 2014/24/UE applikabbli għal xogħlijiet, provvisti u servizzi, rispettivament. Dawk il-limiti għandhom ikunu applikabbli wkoll għal kuntratti ta' konċessjoni għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni, kif ukoll ġestjoni finanzjarja soda, meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-ħtiġijiet kontraenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Reviżjoni ta' dawk il-limiti għandha għalhekk tiġi direttament applikabbli għall-akkwist mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(43)

Huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-perijodu sospensiv.

(44)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat liema operaturi ekonomiċi għandhom aċċess għall-akkwisti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont il-post ta' stabbiliment tagħhom u jipprovdu espliċitament għall-possibbiltà ta' tali aċċess ukoll għal organizzazzjonijiet internazzjonali.

(45)

L-applikazzjoni tar-raġunijiet ta' esklużjoni għandha tiġi estiża għal strumenti oħra ta' implimentazzjoni tal-baġit bħal għotjiet, premjijiet, strumenti finanzjarji u esperti remunerati kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-baġit taħt ġestjoni indiretta.

(46)

It-tfassil u l-adozzjoni ta' rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri għandhom isiru fil-ħin mingħajr preġudizzju għall-indipendenza sħiħa tal-Qorti tal-Awdituri li tiddetermina t-tul ta' żmien u l-waqt tal-verifiki tagħha.

(47)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fit-3 ta' Diċembru 2014.

(48)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li l-atti delegati jistgħu japplikaw mill-bidu tas-sena finanzjarja.

(49)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 58, il-paragrafu 8 jinbidel b'dan li ġej:

“8.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar il-metodi ta' implimentazzjoni tal-baġit, fosthom il-ġestjoni diretta, it-tħaddim ta' setgħat delegati lil aġenziji eżekuttivi, u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni indiretta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, ma' korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209, ma' korpi tal-liġi pubblika jew korpi rregolati mid-dritt privat b'missjoni ta' servizz pubbliku, ma' korpi rregolati mid-dritt privat ta' Stat Membru u fdati bl-implimentazzjoni ta' sħubija pubblika-privata u ma' persuni fdati bl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi fil-PESK. Il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll is-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' kriterji biex organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jiġu assimilati ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.”.

(2)

L-Artikolu 60 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

“(d)

japplikaw regoli u proċeduri xierqa sabiex jipprovdu finanzjament mill-fondi tal-Unjoni permezz ta' akkwist, għotjiet, premjijiet u strumenti finanzjarji, inklużi l-obbligi stipulati fl-Artikolu 108(12);”;

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-entitajiet u l-persuni fdati skont il-punt (c) tal-Artikolu 58(1) għandhom iwaqqfu, isibu, jikkoreġu u javżaw lill-Kummissjoni dwar irregolaritajiet u frodi meta jkunu qed iwettqu xogħol marbut mal-implimentazzjoni tal-baġit. Sabiex jagħmlu dan, għandhom iwettqu, f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kontrolli ex ante u ex post inkluż, fejn xieraq, kontrolli fuq il-post fuq kampjuni rappreżentattivi u/jew ibbażati fuq ir-riskju ta' tranżazzjonijiet, biex jiżguraw li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit jitwettqu b'mod effettiv u jiġu implimentati b'mod korrett. Huma għandhom jirkupraw ukoll fondi li ma kellhomx jitħallsu, jeskludu mill-aċċess għall-fondi tal-Unjoni jew jimponu penali finanzjarji u jibdew proċedimenti legali fejn meħtieġ f'dak ir-rigward.”;

(c)

il-paragrafi (7) u (8) jinbidlu b'dan li ġej:

“7.   Il-paragrafi 5 u 6 m'għandhomx japplikaw għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal entitajiet soġġetti għal proċedura separata ta' kwittanza skont l-Artikoli 208 u 209.

8.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar il-ġestjoni indiretta, fosthom l-iffissar tal-kundizzjonijiet taħt ġestjoni indiretta li skonthom is-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri tal-entitajiet u tal-persuni għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk tal-Kummissjoni, id-dikjarazzjonijiet ta' ġestjoni u d-dikjarazzjonijiet ta' konformità, u l-proċeduri għall-eżami u l-aċċettazzjoni tal-kontijiet, l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi avżata dwar frodi u irregolaritajiet identifikati, l-esklużjoni mill-finanzjamenti tal-Unjoni tal-infiq li jsir bi ksur tar-regoli applikabbli u l-impożizzjoni ta' penali finanzjarji.”.

(3)

Fl-Artikolu 66, il-paragrafu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Ir-rapport tal-attività għandu jindika r-riżultati tal-operazzjonijiet b'referenza għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma' dawn l-operazzjonijiet, l-użu li jkun sar mir-riżorsi pprovduti u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta' kontroll intern, fosthom valutazzjoni ġenerali tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli. Għandu jinkludi wkoll tagħrif dwar il-prestazzjoni ġenerali ta' dawk l-operazzjonijiet, kif ukoll valutazzjoni ta' kemm in-nefqa operazzjonali awtorizzata tkun ikkontribwixxiet għal kisbiet politiċi u tkun iġġenerat valur miżjud tal-Unjoni.”;

(b)

jinżdied is-subparagrafu li ġej:

“Ir-rapporti annwali tal-attività tal-uffiċjali awtorizzanti u, fejn applikabbli, l-uffiċjali awtorizzanti b'delega tal-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-internet tal-istituzzjoni, l-uffiċċju, il-korp jew l-aġenzija rispettiva b'mod faċilment aċċessibbli mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju kull sena għas-sena ta' qabel, soġġett għal kunsiderazzjonijiet ta' kunfidenzjalità u ta' sigurtà iġġustifikati kif meħtieġ.”.

(4)

Fl-Artikolu 99, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza u f'konformità mal-Artikolu 319 tat-TFUE, tibgħat, fuq talba, ir-rapport annwali tal-awditjar intern tagħha fit-tifsira tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu b'kunsiderazzjoni xierqa għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità.”.

(5)

L-intestatura ta' Titolu V tal-Ewwel Parti tinbidel b'dan li ġej:

“TITOLU V

AKKWIST PUBBLIKU U KONĊESSJONIJIET”.

(6)

L-Artikolu 101 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 101

Definizzjonijiet għall-finijiet ta' dan it-Titolu:

1.   Għall-finijiet ta' dan it-Titolu:

(a)

‘akkwist’ tfisser l-akkwist permezz ta' kuntratt ta' xogħlijiet, provvisti jew servizzi u l-akkwist jew il-kiri ta' art, bini eżistenti jew proprjetà immobbli oħra, minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti;

(b)

‘kuntratt pubbliku’ tfisser kuntratt għal interess pekunarju konkluż bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar skont it-tifsira tal-Artikoli 117 u 190, sabiex tinkiseb, bi ħlas ta' prezz imħallas totalment jew parzjalment mill-baġit, il-provvista ta' assi mobbli jew immobbli, l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet jew il-provvista ta' servizzi.

Kuntratti pubbliċi jinkludu:

(i)

kuntratti ta' bini;

(ii)

kuntratti ta' forniment;

(iii)

kuntratti ta' xogħlijiet;

(iv)

kuntratti ta' servizz;

(c)

‘kuntratt ta' konċessjoni’ tfisser kuntratt għal interess pekunarju konkluż bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar skont it-tifsira tal-Artikoli 117 u 190, sabiex it-twettiq ta' xogħlijiet jew il-forniment u l-ġestjoni ta' servizzi tiġi fdata lil operatur ekonomiku (il-‘konċessjoni’). Ir-rimunerazzjoni għandha tikkonsisti jew biss fid-dritt li jiġu sfruttati xogħlijiet jew servizzi jew f'dak id-dritt flimkien ma' pagament; L-għoti ta' kuntratt ta' konċessjoni għandu jinvolvi t-trasferiment lill-konċessjonarju ta' riskju operattiv fl-isfruttament ta' dawk ix-xogħlijiet jew servizzi, li jinkludi riskju ta' domanda jew riskju ta' forniment, jew tat-tnejn. Il-konċessjonarju għandu jitqies li jassumi riskju operattiv, meta, f'kondizzjonijiet ta' operazzjoni normali, ma jkunx hemm garanzija li jiġu rkuprati l-investimenti magħmula jew l-ispejjeż imġarrba fl-operat tax-xogħlijiet jew is-servizzi inkwistjoni.

(d)

‘kuntratt’ tfisser kuntratt pubbliku jew kuntratt ta' konċessjoni;

(e)

‘kuntratt qafas’ tfisser kuntratt pubbliku konkluż bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar, li l-iskop tagħhom huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw kuntratti speċifiċi taħtu li għandhom jingħataw matul perijodu speċifiku, b'mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn xieraq, il-kwantità prevista;

(f)

‘sistema dinamika ta' xiri’ tfisser proċess kompletament elettroniku biex isir xiri użat b'mod frekwenti;

(g)

‘operatur ekonomiku’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inkluża entità pubblika, jew grupp ta' persuni tali, li toffri l-forniment ta' prodotti, twettaq xogħlijiet jew tipprovdi servizzi jew proprjetà immobbli;

(h)

‘dokument tal-akkwist’ tfisser kwalunkwe dokument prodott jew imsemmi mill-awtorità kontraenti biex jiddeskrivi jew jiddetermina elementi tal-proċedura ta' akkwist, inklużi:

(i)

il-miżuri ta' pubbliċità stipulati fl-Artikolu 103,

(ii)

l-istedina għall-preżentazzjoni ta' offerta;

(iii)

l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, li għandhom jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kriterji rilevanti, jew id-dokumenti deskrittivi f'każ ta' djalogu kompetittiv,

(iv)

l-abbozz ta' kuntratt;

(i)

‘deċiżjoni amministrattiva finali’ tfisser deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva li jkollha effett finali u vinkolanti skont il-liġi tal-pajjiż fejn ikun stabbilit l-operatur ekonomiku jew fejn tkun tinsab l-awtorità kontraenti, jew skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni;

(j)

‘korp ċentrali għall-akkwisti’ tfisser awtorità kontraenti li tipprovdi attivitajiet ċentralizzati ta' akkwist u, fejn applikabbli, attivitajiet anċillari ta' akkwist;

(k)

‘offerent’ tfisser operatur ekonomiku li jkun ippreżenta offerta;

(l)

‘kandidat’ tfisser operatur ekonomiku li jkun talab stedina jew li jkun ġie mistieden jieħu sehem fi proċedura ristretta, proċedura kompetittiva permezz ta' negozjar, djalogu kompetittiv, sħubija għall-innovazzjoni, kompetizzjoni dwar id-disinn jew proċedura negozjata;

(m)

‘bejjiegħ’ tfisser operatur ekonomiku rreġistrat f'lista ta' bejjiegħa li għandhom jiġu mistiedna jippreżentaw talbiet għall-parteċipazzjoni jew il-preżentazzjoni ta' offerti;

(n)

‘subkuntrattur’ tfisser operatur ekonomiku li jkun propost minn kandidat jew offerent jew kuntrattur biex iwettaq parti minn kuntratt. Is-subkuntrattur m'għandux impenn legali dirett mal-awtorità kontraenti.

2.   Kuntratt imħallat li jkopri żewġ tipi jew aktar ta' akkwisti (xogħlijiet, provvisti jew servizzi) jew konċessjonijiet (xogħlijiet jew servizzi) jew it-tnejn, għandu jingħata f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tip ta' akkwist li jikkaratterizza s-suġġett ewlieni tal-kuntratt inkwistjoni.

3.   Ħlief għall-Artikoli 105a sa 108, dan it-Titolu m'għandux japplika għall-għotjiet, jew għal kuntratti għall-assistenza teknika kif definit skont l-Artikolu 125(8) konklużi mal-BEI jew mal-Fond Ewropew tal-Investiment.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar id-definizzjoni u l-ambitu ulterjuri tal-kuntratti pubbliċi u ta' konċessjoni, dwar in-nomenklatura applikabbli b'referenza għall-‘Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti’, dwar kuntratti mħallta, dwar operaturi ekonomiċi, kif ukoll dwar kuntratti qafas u kuntratti speċifiċi bbażati fuqhom, li jkopru t-tul ta' żmien massimu ta' kuntratti qafas u l-għoti ta' u l-metodi għall-implimentazzjoni ta' kuntratti speċifiċi bbażati fuq kuntratti qafas konklużi ma' operatur ekonomiku wieħed jew ma' diversi operaturi ekonomiċi, rispettivament.”.

(7)

L-Artikolu 102 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-kuntratti kollha għandhom ikunu ppreżentati għal kompetizzjoni fuq il-bażi l-aktar wiesgħa, apparti milli meta jsir użu mill-proċedura msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 104(1).

Il-valur stmat ta' kuntratt ma jistax jiġi ddeterminat bil-ħsieb li jiġu evitati r-regoli applikabbli, u lanqas ma jista' jinqasam kuntratt għal dak l-għan.

L-awtorità kontraenti għandha taqsam il-kuntratt f'lottijiet, kull fejn ikun xieraq, b'kunsiderazzjoni xierqa għal kompetizzjoni wiesgħa.”;

(b)

jinżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-awtoritajiet kontraenti m'għandhomx jużaw kuntratti qafas b'mod mhux xieraq jew b'mod li l-għan jew l-effett ikun il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew it-tfixkil tal-kompetizzjoni.”.

(8)

L-Artikolu 103 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 103

Miżuri ta' reklamar

1.   Għal proċeduri b'valur daqs jew akbar mil-limiti msemmija fl-Artikolu 118(1) jew l-Artikolu 190, l-awtorità kontraenti għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

(a)

avviż ta' kuntratt biex tniedi proċedura, ħlief fil-każ tal-proċedura msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 104(1);

(b)

avviż ta' għoti ta' kuntratt fuq ir-riżultati tal-proċedura.

2.   Proċeduri b'valur taħt il-limiti msemmija fl-Artikolu 118(1) jew l-Artikolu 190 għandhom jiġu u rriklamati b'mezzi xierqa.

3.   Il-pubblikazzjoni ta' ċerta informazzjoni fuq l-għoti ta' kuntratt tista' titwaqqaf meta r-rilaxx tagħha jimpedixxi l-infurzar tal-liġi jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun ta' ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta' operaturi ekonomiċi, jew tista' tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejniethom.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti għar-reklamar ta' proċeduri b'referenza għall-valur tagħhom meta mqabbla mal-limiti msemmija fl-Artikolu 118(1), dwar ir-reklamar li l-awtorità kontraenti tista' tagħmel b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni, u dwar il-kontenut u l-pubblikazzjoni tal-avviżi.”.

(9)

L-Artikolu 104 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 104

Proċeduri ta' akkwist

1.   Il-proċeduri tal-akkwisti għall-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni jew kuntratti pubbliċi, inklużi kuntratti qafas għandhom jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

proċedura miftuħa;

(b)

proċedura ristretta, fost l-oħrajn permezz ta' sistema dinamika ta' xiri;

(c)

kompetizzjoni dwar id-disinn;

(d)

proċedura negozjata, fosthom mingħajr pubblikazzjoni minn qabel;

(e)

djalogu kompetittiv;

(f)

proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar;

(g)

sħubija għall-innovazzjoni;

(h)

proċeduri li jinvolvu sejħa għall-espressjonijiet ta' interess.

2.   Fi proċeduri miftuħa, kull operatur ekonomiku interessat jista' jippreżenta offerta.

3.   Fi proċeduri ristretti, djalogi kompetittivi, jew proċeduri kompetittivi permezz ta' negozjar u sħubiji ta' innovazzjoni, kwalunkwe operatur ekonomiku jista' jressaq talba biex jieħu sehem billi jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti. L-awtorità kontraenti għandha tistieden lill-kandidati kollha, li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla u li ma jkunux fl-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet stipulati fl-Artikoli 106 u 107, biex jagħmlu offerta.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-awtorità kontraenti tista' tillimita n-numru ta' kandidati li għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-proċedura abbażi ta' kriterji tal-għażla oġġettivi u nondiskriminatorji, li għandhom jiġu indikati fl-avviż dwar kuntratt jew fis-sejħa għal espressjoni ta' interess. In-numru ta' kandidati mistiedna għandu jkun biżżejjed biex jiżguraw kompetizzjoni ġenwina.

4.   Fil-proċeduri kollha li jinvolvu negozjati, l-awtorità kontraenti għandha tinnegozja mal-offerenti l-offerti inizjali u l-offerti sussegwenti kollha tagħhom jew partijiet minnhom, għajr l-offerta finali tagħhom, sabiex jittejjeb il-kontenut tagħhom. Ir-rekwiżiti minimi u l-kriterji speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist m'għandhomx ikunu soġġetti għal negozjati.

Awtorità kontraenti tista' tagħti kuntratt abbażi tal-offerta inizjali mingħajr negozjar meta hija indikat, fid-dokumenti tal-akkwist, li tirriżerva l-possibbiltà li tagħmel hekk.

5.   L-awtorità kontraenti tista' tuża:

(a)

il-proċedura miftuħa jew ristretta għal kwalunkwe xiri;

(b)

il-proċeduri li jinvolvu sejħa għall-espressjonijiet ta' interess għal kuntratti b'valur taħt il-limiti msemmija fl-Artikolu 118(1), biex jintgħażlu bil-quddiem il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna sabiex jippreżentaw offerti bi tweġiba għal stediniet għall-offerti futuri ristretti, jew biex tinġabar lista ta' bejjiegħa li għandhom jiġu mistiedna jippreżentaw talbiet għall-parteċipazzjoni jew jippreżentaw offerti;

(c)

il-kompetizzjoni dwar id-disinn biex jinkiseb pjan jew disinn magħżul minn ġurija wara li jkun ġie sottomess għall-kompetizzjoni;

(d)

is-sħubija għall-innovazzjoni għall-iżvilupp ta' prodott jew servizz innovattiv jew ta' xogħlijiet innovattivi u għax-xiri sussegwenti tal-provvista, is-servizzi jew ix-xogħlijiet li jirriżultaw;

(e)

il-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar jew id-djalogu kompetittiv għal kuntratti ta' konċessjoni, għall-kuntratti għal servizzi msemmija fl-Anness XIV għad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), f'każijiet fejn ma ġewx ippreżentati għajr offerti irregolari jew inaċċettabbli b'rispons għal proċedura miftuħa jew għal proċedura ristretta wara li tkun tlestiet il-proċedura inizjali, u għal każijiet fejn dan hu ġustifikat miċ-ċirkostanzi speċifiċi marbuta, fost oħrajn, man-natura jew il-kumplessità tas-suġġett tal-kuntratt jew tip speċifiku ta' kuntratt, kif spjegati f'aktar dettall fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament;

(f)

il-proċedura negozjata għal kuntratti b'valur anqas mil-limiti msemmija fl-Artikolu 118(1) jew, il-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, biss għal tipi speċifiċi ta' xiri li jaqgħu 'l barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE u f'ċirkostanzi eċċezzjonali definiti b'mod ċar kif stabbilit fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament.

6.   Is-sistema dinamika ta' xiri għandha tkun miftuħa matul id-durata tagħha kollha għal kull operatur ekonomiku li jissodisfa l-kriterji tal-għażla.

L-awtorità kontraenti għandha ssegwi r-regoli tal-proċedura ristretta għall-akkwist permezz ta' sistema dinamika ta' xiri.

7.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar it-tipi ta', u arranġamenti dettaljati addizzjonali għal, proċeduri ta' akkwist għall-għoti ta' kuntratti msemmija fil-paragrafu 1 b'referenza għall-valur tagħhom meta mqabbla mal-limiti msemmija fl-Artikolu 118(1), dwar in-numru minimu ta' kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal kull tip ta' proċedura, dwar il-kondizzjonijiet ulterjuri għall-użu ta' proċeduri differenti, dwar sistema dinamika ta' xiri u dwar offerti irregolari jew inaċċettabbli.

(*)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).”."

(10)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 104a

Akkwist interistituzzjonali u akkwist konġunt

1.   Meta kuntratt jew kuntratt qafas huwa ta' interess għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar, l-aġenziji eżekuttivi jew il-korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209, u fejn hemm possibbiltà li jkun realizzat gwadann ta' effiċjenza, l-awtoritajiet kontraenti kkonċernati jistgħu jwettqu l-proċedura u l-ġestjoni tal-kuntratt jew il-kuntratt qafas sussegwenti fuq bażi interistituzzjonali taħt it-tmexxija ta' waħda mill-awtoritajiet kontraenti.

Il-korpi stabbiliti mill-Kunsill taħt il-PESK skont it-Titolu V tat-TUE jistgħu jipparteċipaw ukoll fi proċeduri interistituzzjonali.

It-termini ta' kuntratt qafas jistgħu japplikaw biss bejn dawk l-awtoritajiet kontraenti li huma identifikati għal dak l-għan fit-tnedija tal-proċedura tal-akkwist u dawk l-operaturi ekonomiċi li jkunu parti għall-kuntratt qafas.

2.   Meta kuntratt jew kuntratt qafas huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' azzjoni konġunta bejn istituzzjoni u awtorità kontraenti waħda jew aktar mill-Istati Membri, il-proċedura tal-akkwisti tista' titwettaq b'mod konġunt mill-istituzzjoni u mill-awtoritajiet kontraenti.

Jista' jsir akkwist konġunt mal-istati tal-EFTA, u mal-pajjiżi kandidati tal-Unjoni, jekk din il-possibbiltà kienet espressament prevista fi trattat bilaterali jew multilaterali.

Fil-każ ta' proċedura ta' akkwist konġunt, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli għall-istituzzjonijiet.

Fejn is-sehem li jappartjeni għall-awtorità tal-kuntratti ta' Stat Membru, jew li hu ġestit minnha, huwa ta' 50 % jew aktar, jew f'każijiet oħra ġustifikati kif xieraq, l-istituzzjoni tista' tiddeċiedi li r-regoli proċedurali applikabbli għall-awtorità kontraenti ta' Stat Membru għandha tapplika għall-akkwist konġunt, dment li dawk ir-regoli jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk tal-istituzzjoni.

L-istituzzjoni u l-awtorità kontraenti minn Stat Membru, Stat tal-EFTA jew pajjiż kandidat tal-Unjoni, ikkonċernati bl-akkwist konġunt għandhom jaqblu b'mod partikolari dwar l-arranġamenti prattiċi dettaljati għall-evalwazzjoni tat-talbiet għall-parteċipazzjoni jew tal-offerti, l-għoti tal-kuntratt, il-liġi applikabbli għall-kuntratt u l-qorti kompetenti għas-smigħ ta' tilwimiet.

3.   Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar l-akkwist interistituzzjonali.”.

(11)

L-Artikolu 105 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 105

It-tħejjija ta' proċedura ta' akkwist

1.   Qabel it-tnedija ta' proċedura ta' akkwist, l-awtorità kontraenti tista' twettaq konsultazzjoni preliminari tas-suq bil-ħsieb li tħejji l-proċedura.

2.   Fid-dokumenti tal-akkwisti, l-awtorità kontraenti għandha tidentifika s-suġġett tal-akkwist billi tipprovdi deskrizzjoni tal-ħtiġijiet tagħha u l-karatteristiċi meħtieġa mix-xogħlijiet, il-provvisti, jew is-servizzi li għandhom jinxtraw, u għandha tispeċifika l-kriterji applikabbli ta' esklużjoni, għażla u għoti. L-awtorità kontraenti għandha tindika wkoll liema elementi jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi li għandhom jintlaħqu mill-offerti kollha. Ir-rekwiżiti minimi għandhom jinkludu konformità mal-obbligi tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, il-leġislazzjoni nazzjonali, ftehimiet kollettivi jew il-konvenzjonijiet internazzjonali soċjali u ambjentali applikabbli elenkati fl-Anness X għad-Direttiva 2014/24/UE.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-kontenut tad-dokumenti tal-akkwist, b'mod partikolari dwar l-abbozzi ta' kuntratt, dwar il-karatteristiċi ta' tikketti, normi u standards ambjentali, soċjali jew oħrajn, u dwar il-konsultazzjoni preliminari tas-suq.”.

(12)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 105a

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-identifikazzjoni tar-riskji u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi

1.   Sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha toħloq u tħaddem sistema ta' identifikazzjoni bikrija u esklużjoni.

L-għan ta' din is-sistema għandu jkun li jiffaċilita:

(a)

l-identifikazzjoni bikrija ta' riskji li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

l-esklużjoni ta' operatur ekonomiku li jinsab f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni elenkati fl-Artikolu 106(1);

(c)

l-impożizzjoni ta' penali finanzjarja fuq operatur ekonomiku skont l-Artikolu 106(13).

2.   Id-deċiżjoni li teskludi u/jew li timponi penali finanzjarja għandha tittieħed mill-awtorità kontraenti. Deċiżjoni bħal din għandha tiġi bbażata fuq sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali.

Madankollu, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 106(2), l-awtorità kontraenti għandha tressaq il-każ quddiem il-bord imsemmi fl-Artikolu 108 sabiex tiġi żgurata valutazzjoni ċentralizzata ta' dawk is-sitwazzjonijiet. F'każijiet bħal dawn, l-awtorità kontraenti għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha bbażata fuq klassifikazzjoni preliminari fil-liġi, filwaqt li tqis rakkomandazzjoni tal-bord.

Fejn l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tiddevja mir-rakkomandazzjoni tal-bord, għandha tiġġustifika din id-deċiżjoni lill-bord.

3.   Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 107, l-awtorità kontraenti għandha tiċħad operatur ekonomiku minn proċedura partikolari.”.

(13)

L-Artikolu 106 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 106

Kriterji ta' esklużjoni u sanzjonijiet amministrattivi

1.   L-awtorità kontraenti għandha teskludi operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċeduri tal-akkwist irregolati minn dan ir-Regolament fejn:

(a)

l-operatur ekonomiku jkun falla, jew ikun soġġett għal proċeduri ta' insolvenza jew stralċ, fejn l-assi tiegħu ikunu qed jiġu amministrati minn likwidatur jew mill-qorti, fejn ikun jinsab fi ftehim ma' kredituri, fejn l-attivitajiet kummerċjali tiegħu jiġu sospiżi, jew fejn ikun qiegħed fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili prevista fil-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali;

(b)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku jkun qed jikser l-obbligi tiegħu marbuta mal-ħlas ta' taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f'konformità mal-liġi tal-pajjiż fejn huwa stabbilit, ma' dawk tal-pajjiż li fih tkun tinsab l-awtorità kontraenti jew ma' dawk tal-pajjiż tat-twettiq tal-kuntratt;

(c)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta' mġiba professjonali ħażina serja billi jkun kiser il-liġijiet jew ir-regolamenti jew l-istandards etiċi applikabbli tal-professjoni li jappartjeni għaliha l-operatur ekonomiku, jew billi jkun involut fi kwalunkwe aġir illegali li għandu impatt fuq il-kredibbiltà professjonali tiegħu fejn dan it-tip ta' aġir jindika intenzjoni ħażina jew negliġenza serja, fosthom, b'mod partikolari, kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

rappreżentazzjoni ħażina b'mod frodulenti jew b'negliġenza ta' informazzjoni meħtieġa għall-verifika tan-nuqqas ta' raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji tal-għażla jew fit-twettiq ta' kuntratt;

(ii)

id-dħul fi ftehim ma' operaturi ekonomiċi oħrajn bl-għan li tiġi kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(iii)

il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(iv)

it-tentattiv li jiġi influwenzat il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti matul il-proċedura ta' akkwist;

(v)

it-tentattiv li tinkiseb informazzjoni kunfidenzjali li tista' tagħtih vantaġġi mhux xierqa fil-proċedura ta' akkwist;

(d)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali li l-operatur ekonomiku jkun ħati ta' kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

frodi, skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, imfassla mill-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 (**);

(ii)

korruzzjoni, kif definita fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imfassla mill-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 1997 (***), u fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI (****), kif ukoll korruzjoni kif definita fil-liġi tal-pajjiż fejn tkun tinsab l-awtorità kontraenti jew fil-pajjiż fejn l-operatur ekonomiku huwa stabbilit jew il-pajjiż tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

(iii)

parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, kif definita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (*****);

(iv)

ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, kif definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (******);

(v)

reati marbuta mat-terroriżmu jew reati marbuta ma' attivitajiet terroristiċi, kif definiti fl-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (*******) rispettivament, jew inċitament, għajnuna, tixwix jew tentattivi għat-twettiq ta' reat, kif spjegat fl-Artikolu 4 ta' dik id-Deċiżjoni;

(vi)

l-impjieg tat-tfal jew forom oħra ta' traffikar tal-bnedmin kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (********);

(e)

l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti f'li jikkonforma mal-obbligi ewlenin fit-twettiq ta' kuntratt iffinanzjat mill-baġit, li jkun wassal għat-terminazzjoni bikrija tiegħu jew għall-applikazzjoni ta' danni likwidati jew multi kuntrattwali oħrajn jew li jkun ġie skopert wara kontrolli, verifiki jew investigazzjonijiet minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, l-OLAF jew il-Qorti tal-Awdituri;

(f)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku jkun wettaq irregolarità skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (*********)

2.   Fin-nuqqas ta' sentenza finali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali fil-każijiet imsemmija fil-punti (c), (d) u (f) tal-paragrafu 1, jew fil-każ imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, l-awtorità kontraenti għandha teskludi operatur ekonomiku abbażi ta' klassifikazzjoni preliminari fil-liġi ta' aġir imsemmi f'dawk il-punti, b'kont meħud tal-fatti stabbiliti jew sejbiet oħra li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108.

Il-klassifikazzjoni preliminari msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tiġġudikax minn qabel il-valutazzjoni tal-aġir tal-operatur ekonomiku kkonċernat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont il-liġi nazzjonali. L-awtorità kontraenti għandha tirrevedi d-deċiżjoni tagħha li teskludi operatur ekonomiku u/jew timponi multa finanzjarja fuqu mingħajr dewmien wara n-notifika ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali. F'każijiet fejn is-sentenza finali jew id-deċiżjoni amministrattiva finali ma tistabbilixxix it-tul ta' żmien tal-esklużjoni, l-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi dan it-tul ta' żmien fuq il-bażi tal-fatti stabbiliti u s-sejbiet u filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108.

Fejn tali sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali tgħid li l-operatur ekonomiku ma jkunx ħati tal-aġir soġġett għal klassifikazzjoni preliminari fil-liġi, li abbażi tagħha tkun ġiet eskluża, l-awtorità kontraenti, mingħajr dewmien, għandha ttemm din l-esklużjoni u/jew tirrimborża, kif xieraq, kwalunkwe penali finanzjarja imposta.

Il-fatti u s-sejbiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

fatti stabbiliti fil-kuntest ta' verifiki jew investigazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF jew verifika interna, jew kwalunkwe aċċertament, verifka jew kontroll ieħor li jitwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal awtorizzanti;

(b)

deċiżjonijiet amministrattivi mhux finali li jistgħu jinkludu miżuri dixxiplinari meħuda mill-korp ta' sorveljanza kompetenti responsabbli mill-verifika tal-applikazzjoni tal-istandards ta' etika professjonali;

(c)

deċiżjonijiet tal-BĊE, il-BEI, il-Fond Ewropew tal-Investiment jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

deċiżjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-Unjoni jew ta' awtorità kompetenti nazzjonali relatati mal-ksur tal-liġi ta' kompetizzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

3.   Kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità kontraenti meħuda skont l-Artikoli 106 sa 108 jew, fejn applikabbli, kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108, għandha ssir f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u filwaqt li jittieħed kont b'mod partikolari tal-gravità tas-sitwazzjoni, inkluż l-impatt fuq l-interessi finanzjarji u l-immaġini tal-Unjoni, iż-żmien li jkun għadda mill-aġir rilevanti, it-tul u r-rikorrenza tiegħu, l-intenzjoni jew il-grad ta' negliġenza, l-ammont limitat kontestat għall-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew kwalunkwe ċirkostanza attenwanti oħra, bħal kemm l-operatur ekonomiku jkun ikkollabora mal-awtorità rilevanti kompetenti u l-kontribut tiegħu għall-investigazzjoni kif rikonoxxut mill-awtorità kontraenti, jew l-iżvelar tas-sitwazzjoni ta' esklużjoni permezz tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu.

4.   L-awtorità kontraenti għandha teskludi l-operatur ekonomiku fejn persuna li hija membru ta' korp amministrattiv, maniġerjali jew ta' superviżjoni ta' dak l-operatur ekonomiku, jew li għandha setgħat ta' rappreżentazzjoni, deċiżjoni jew kontroll fir-rigward ta' dak l-operatur ekonomiku, tkun f'waħda jew f'aktar mis-sitwazzjonijiet msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-paragrafu 1. L-awtorità kontraenti għandha wkoll teskludi lill-operatur ekonomiku fejn persuna fiżika jew ġuridika li tassumi responsabbiltà mhux limitata għad-djun ta' dak l-operatur ekonomiku tkun f'waħda jew f'aktar mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 1.

5.   Fejn il-baġit ikun implimentat taħt ġestjoni indiretta ma' pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tista', filwaqt li tqis, fejn applikabbli, ir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108, tieħu deċiżjoni ta' esklużjoni u/jew timponi penali finanzjarja skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu, wara n-nuqqas ta' pajjiż terz fdat skont il-punt (c) tal-Artikolu 58(1) li jagħmel dan. Dan m'għandux jaffettwa r-responsabbiltà, skont l-Artikolu 60(3), tal-pajjiż terz li jipprevjeni, jidentifika, jikkoreġi u javża dwar l-irregolaritajiet u l-frodi, jew li jieħu deċiżjoni ta' esklużjoni jew li jimponi penali finanzjarji.

6.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kontraenti tista' teskludi operatur ekonomiku proviżorjament mingħajr ir-rakkomandazzjoni minn qabel tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108, fejn il-parteċipazzjoni ta' dak l-operatur ekonomiku kkonċernat fi proċedura ta' akkwist tikkostitwixxi theddida serja u imminenti għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F'każijiet bħal dawn, l-awtorità kontraenti għandha immedjatament tirreferi l-każ lill-bord u għandha tieħu deċiżjoni finali mhux aktar tard minn 14-il jum wara li tkun irċeviet ir-rakkomandazzjoni tal-bord.

7.   L-awtorità kontraenti, filwaqt li tqis, fejn applikabbli, ir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108, m'għandhiex teskludi operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura ta' akkwist fejn:

(a)

l-operatur ekonomiku jkun ħa miżuri ta' rimedju speċifikati fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, u b'hekk ikun wera li jista' jiġi fdat. Dan il-punt m'għandux japplika fil-każ imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(b)

ikun indispensabbli biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz, għal tul ta' żmien limitat u sakemm jiġu adottati miżuri ta' rimedju speċifikati fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu;

(c)

esklużjoni bħal din tkun sproporzjonata fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Barra minn hekk, punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandux japplika fil-każ ta' xiri ta' provvisti b'termini partikolarment vantaġġjużi jew mingħand fornitur li definittivament ikun ser itemm l-attivitajiet tan-negozju tiegħu jew il-likwidaturi fi proċedura ta' insolvenza, arranġament mal-kredituri, jew permezz ta' proċedura simili skont il-liġi nazzjonali.

Fil-każijiet ta' nonesklużjoni msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu, l-awtorità kontraenti għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom ma teskludix l-operatur ekonomiku u tinforma lill-bord imsemmi fl-Artikolu 108 b'dawk ir-raġunijiet.

8.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 7 li jirranġaw is-sitwazzjoni ta' esklużjoni, jistgħu jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

miżuri sabiex tiġi identifikata l-oriġini tas-sitwazzjonijiet li jwasslu għall-esklużjoni u miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal fi ħdan il-qasam rilevanti tan-negozju tal-operatur ekonomiku, xierqa biex jikkoreġu l-aġir u ma jħallux li jerġa' jiġri darb'oħra;

(b)

prova li l-operatur ekonomiku jkun ħa miżuri ta' kumpens jew rimedju għall-ħsara jew id-dannu kkawżat lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni mill-fatti sottostanti li jwasslu għas-sitwazzjoni ta' esklużjoni;

(c)

prova li l-operatur ekonomiku ħallas jew iggarantixxa l-ħlas ta' kwalunkwe multa imposta mill-awtorità kompetenti jew ta' kwalunkwe taxxa jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1.

9.   L-awtorità kontraenti, filwaqt li tqis, fejn applikabbli, ir-rakkomandazzjoni riveduta tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108, għandha, mingħajr dewmien, tirrevedi d-deċiżjoni tagħha li teskludi operatur ekonomiku ex officio jew fuq talba ta' dak l-operatur ekonomiku, fejn dan tal-aħħar ikun ħa miżuri ta' rimedju suffiċjenti sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu jew ipprovda elementi ġodda li juru li s-sitwazzjoni ta' esklużjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għadhiex teżisti.

10.   Kandidat jew offerent għandu jiddikjara fil-mument li jippreżenta t-talba għall-parteċipazzjoni jew l-offerta, jekk hux f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 107(1), u fejn applikabbli, jekk ħax xi miżuri ta' rimedju msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu. Fejn xieraq, il-kandidat jew l-offerent għandu jipprovdi l-istess dikjarazzjoni ffirmata minn entità li jkun biħsiebu jserraħ fuq il-kapaċità tagħha. Madankollu, l-awtorità kontraenti tista' tirrinunzja dawn ir-rekwiżiti għal kuntratti ta' valur baxx ħafna li għandhom jiġu definiti fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 210.

11.   Kull meta jintalab mill-awtorità kontraenti u fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata t-tmexxija korretta tal-proċedura, il-kandidat jew l-offerent kif ukoll l-entità li l-kandidat jew l-offerent ikun biħsiebu jserraħ fuq il-kapaċità tagħha, għandu jipprovdi:

(a)

evidenza xierqa li l-kandidat, l-offerent jew l-entità mhumiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

informazzjoni dwar persuni li huma membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza tal-kandidat, l-offerent jew l-entità jew li għandhom setgħat ta' rappreżentanza, ta' deċiżjoni jew ta' kontroll fir-rigward ta' dak il-kandidat, offerent jew entità u evidenza xierqa li persuna waħda jew diversi minn dawk il-persuni ma jkunux f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-paragrafu 1;

(c)

evidenza xierqa li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jassumu r-responsabbiltà mhux limitata għad-djun ta' dak il-kandidat, offerent jew entità ma jkunux f'sitwazzjoni ta' esklużjoni msemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 1.

12.   L-awtorità kontraenti tista' wkoll tapplika l-paragrafi 1 sa 11 għal subkuntrattur. F'każ bħal dak, l-awtorità kontraenti għandha tesiġi li kandidat jew offerent jissostitwixxi subkuntrattur jew entità li l-kandidat jew l-offerent ikun biħsiebu jserraħ fuq il-kapaċità tagħhom, li jkunu f'sitwazzjoni ta' esklużjoni.

13.   Sabiex jiġi żgurat effett ta' deterrent, l-awtorità kontraenti, wara li tikkunsidra, fejn applikabbli, ir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108, tista' timponi penali finanzjarja fuq operatur ekonomiku li pprova jikseb aċċess għal fondi tal-Unjoni billi jipparteċipa jew jitlob li jipparteċipa fi proċedura ta' akkwist, filwaqt li jkun, mingħajr ma jkun iddikjaraha f'konformità mal-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu, f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni li ġejjin:

(a)

rigward is-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (c), (d), (e) u (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, bħala alternattiva għal deċiżjoni li teskludi l-operatur ekonomiku, fejn tali esklużjoni tkun sproporzjonata abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu;

(b)

rigward is-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (c), (d) u (e) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, flimkien ma' esklużjoni li hija meħtieġa biex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, meta l-operatur ekonomiku adotta aġir sistemiku u rikorrenti bl-intenzjoni li jikseb indebitament fondi tal-Unjoni.

L-ammont tal-penali finanzjarja għandha tirrappreżenta bejn 2 % u 10 % tal-valur totali tal-kuntratt.

14.   It-tul ta' żmien tal-esklużjoni m'għandux jaqbeż kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

it-tul ta' żmien, jekk jeżisti, stabbilit bis-sentenza finali jew bid-deċiżjoni amministrattiva finali ta' Stat Membru;

(b)

ħames snin għall-każijiet imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1;

(c)

tliet snin għall-każijiet imsemmija fil-punti (c), (e) u (f) tal-paragrafu 1.

Operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż sakemm ikun f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1.

15.   Il-perijodu ta' limitazzjoni għall-esklużjoni ta' operatur ekonomiku u/jew l-impożizzjoni ta' penali finanzjarji fuqu għandu jkun ta' ħames snin li jibdew jiġu kkalkulati minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

id-data li fiha jkun twettaq l-aġir li jwassal għall-esklużjoni jew, fil-każ ta' atti kontinwi jew ripetuti, id-data li fiha l-aġir jintemm, fil-każijiet imsemmija fil-punti (b), (c), (d) u (e) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(b)

id-data tas-sentenza finali ta' ġurisdizzjoni nazzjonali jew ta' deċiżjoni amministrattiva finali fil-każijiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Il-perijodu ta' limitazzjoni għandu jiġi interrott b'att tal-Kummissjoni, l-OLAF, il-bord imsemmi fl-Artikolu 108 jew ta' kwalunkwe entità involuta fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, innotifikat lill-operatur ekonomiku u relatat mal-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti ġudizzjarji. Perijodu ta' limitazzjoni ġdid għandu jibda jiddekorri fil-jum wara l-interruzzjoni.

Għall-fini tal-punt (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandu japplika l-perijodu ta' limitazzjoni għall-esklużjoni u/jew l-impożizzjoni ta' penali finanzjarji fuq operatur ekonomiku previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95.

Fejn l-aġir tal-operatur ekonomiku jikkwalifika taħt bosta mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandu japplika l-perijodu ta' preskrizzjoni tal-aktar raġuni serja minnhom.

16.   Sabiex fejn meħtieġ, jissaħħaħ l-effett ta' deterrent ta' esklużjoni u/jew tiġi rinfurzata penali finanzjarja, il-Kummissjoni għandha, soġġett għal deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha l-informazzjoni li ġejja dwar l-esklużjoni u, fejn applikabbli, il-penali finanzjarja fil-każijiet imsemmija fil-punti (c), (d), (e) u (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

l-isem tal-operatur ekonomiku kkonċernat;

(b)

is-sitwazzjoni ta' esklużjoni b'referenza għall-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(c)

it-tul ta' żmien tal-esklużjoni u/jew l-ammont tal-penali finanzjarja.

Meta d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni u/jew il-penali finanzjarja tkun ittieħdet, abbażi ta' klassifikazzjoni preliminari kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-pubblikazzjoni għandha tindika li ma hemm l-ebda sentenza finali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali. F'dawk il-każijiet, informazzjoni dwar kwalunkwe appell, l-istatus tiegħu u l-eżitu tiegħu, kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni riveduta tal-awtorità kontraenti għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien. Fejn tkun ġiet imposta penali finanzjarja, il-pubblikazzjoni għandha tindika wkoll jekk dik il-penali tħallsitx.

Id-deċiżjoni li tiġi ppubblikata l-informazzjoni tittieħed mill-awtorità kontraenti, jew wara sentenza finali rilevanti jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali, jew wara r-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108, skont il-każ. Dik id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara li tiġi notifikata lill-operatur ekonomiku.

L-informazzjoni ppubblikata għandha titneħħa hekk kif tintemm l-esklużjoni. Fil-każ ta' penali finanzjarja, il-pubblikazzjoni għandha titneħħa sitt xhur wara l-ħlas ta' dik il-penali.

F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001, f'dak li jirrigwarda d-data personali, l-awtorità kontraenti għandha tinforma lill-operatur ekonomiku bid-drittijiet tiegħu skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali u bil-proċeduri disponibbli għall-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet.

17.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 16 ta' dan l-Artikolu m'għandhiex tiġi ppubblikata fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn ikun meħtieġ li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni jew ta' proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali;

(b)

fejn il-pubblikazzjoni tikkawża ħsara sproporzjonata lill-operatur ekonomiku kkonċernat jew inkella tkun sproporzjonata abbażi tal-kriterji tal-proporzjonalità stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-ammont tal-penali finanzjarja;

(c)

fejn tkun ikkonċernata persuna fiżika, sakemmil-pubblikazzjoni tad-data personali tkun ġustifikata b'mod eċċezzjonali fost oħrajn mill-gravità tal-azzjoni jew l-impatt tagħha fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.F'każijiet bħal dawn, id-deċiżjoni li tippubblika l-informazzjoni għandha tqis b'mod dovut id-dritt għall-privatezza u drittijiet oħra previsti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

18.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu, dwar l-evidenza msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 11 ta' dan l-Artikolu, li operatur ekonomiku ma jkunx f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni, inkluż b'referenza għal Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist kif previst fl-Artikolu 59(2) tad-Direttiva 2014/24/UE, u dwar is-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità kontraenti tista' tesiġi jew le l-preżentazzjoni ta' tali dikjarazzjoni jew evidenza.

(**)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48."

(***)  ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1."

(****)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54)."

(*****)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42)."

(******)  Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15)."

(*******)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3)."

(********)  Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1)."

(*********)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).”."

(14)

Artikolu 107 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 107

Rifjut minn proċedura ta' akkwist partikolari

1.   L-awtorità kontraenti m'għandhiex tagħti kuntratt għal proċedura ta' akkwist partikolari lil operatur ekonomiku li:

(a)

ikun f'sitwazzjoni ta' esklużjoni stabbilita f'konformità mal-Artikolu 106;

(b)

ikun irrappreżenta b'mod ħażin l-informazzjoni meħtieġa bħala kondizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura jew naqas milli jipprovdi din l-informazzjoni;

(c)

kien involut qabel fit-tħejjija tad-dokumenti tal-akkwisti fejn tkun involuta distorsjoni tal-kompetizzjoni li ma tistax tiġi rrimedjata mod ieħor.

2.   Qabel ma tieħu deċiżjoni li tirrifjuta operatur ekonomiku minn proċedura ta' akkwist partikolari, l-awtorità kontraenti għandha tagħti lill-operatur ekonomiku l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, dment li r-rifjut ikun iġġustifikat f'konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 1, b'deċiżjoni ta' esklużjoni meħuda fir-rigward tal-operatur ekonomiku, wara eżami tal-osservazzjonijiet tiegħu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar il-miżuri sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni u dwar id-dikjarazzjoni u l-evidenza li operatur ekonomiku mhuwiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”.

(15)

Artikolu 108 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 108

Is-sistema ta' identifikazzjoni bikrija u ta' esklużjoni

1.   L-informazzjoni skambjata fi ħdan is-sistema ta' identifikazzjoni bikrija u ta' esklużjoni msemmija fl-Artikolu 105a ta' dan ir-Regolament għandha tkun iċċentralizzata f'database stabbilita mill-Kummissjoni u għandha tiġi ġestita f'konformità sħiħa mad-dritt għall-privatezza u drittijiet oħrajn previsti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (‘id-database’).

L-informazzjoni għandha tiddaħħal fid-database mill-awtorità kontraenti rilevanti fil-kuntest ta' proċeduri attwali tiegħu ta' akkwist u kuntratti eżistenti wara li jkun innotifika lill-operatur ekonomiku kkonċernat. Tali notifika tista' tiġi differita f'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn ikun hemm raġunijiet leġittimi serji biex tkun ippreservata l-kunfidenzjalità ta' investigazzjoni jew ta' proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali, sakemm it-tali raġunijiet leġittimi serji biex tkun ippreservata l-kunfidenzjalità ma jibqgħux jeżistu.

F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2011, kwalunkwe operatur ekonomiku soġġett għas-sistema ta' identifikazzjoni bikrija u ta' esklużjoni għandu jkollu d-dritt li jiġi infurmat dwar id-data maħżuna fid-database fuq talba tagħha lill-Kummissjoni.

L-informazzjoni li tinsab fid-database għandha tiġi aġġornata, fejn xieraq, wara rettifika jew tħassir jew kwalunkwe modifika oħra fid-data. Din għandha tiġi ppubblikata biss f'konformità mal-Artikolu 106(16) u (17) ta' dan ir-Regolament.

2.   L-identifikazzjoni bikrija tar-riskji li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 105a(1) ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi bbażata fuq it-trażmissjoni ta' informazzjoni lill-Kummissjoni minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-OLAF f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**********) fejn investigazzjoni tal-OLAF li tkun għaddejja turi li jista' jkun xieraq li jittieħdu miżuri ta' prekawzjoni biex ikunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'kunsiderazzjoni dovuta għar-rispett tad-drittijiet proċedurali u fundamentali, u l-ħarsien tal-informaturi (whistle-blowers) tal-informazzjoni;

(b)

uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, ta' uffiċju Ewropew stabbilit mill-Kummissjoni jew ta' aġenzija eżekuttiva f'każ ta' mġiba professjonali ħażina serja, preżunta irregolarità, frodi, korruzzjoni jew ksur serju tal-kuntratt;

(c)

istituzzjoni, uffiċċju Ewropew jew aġenzija minbarra dawk imsemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu jew korp fil-każijiet ta' mġiba professjonali ħażina serja, preżunta irregolarità, frodi, korruzzjoni jew ksur serju tal-kuntratt;

(d)

entitajiet li jimplimentaw il-baġit f'konformità mal-Artikolu 59 ta' dan ir-Regolament, f'każijiet ta' frodi u/jew irregolarità individwati, fejn meħtieġ permezz ta' regoli speċifiċi għas-settur;

(e)

entitajiet li jimplimentaw il-baġit f'konformità mal-Artikolu 60 ta' dan ir-Regolament, f'każijiet ta' frodi u/jew irregolarità individwati.

3.   Ħlief fejn l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata f'konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur, l-informazzjoni li għandha tintbagħat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha tinkludi:

(a)

l-identifikazzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat;

(b)

sommarju tar-riskji identifikati jew il-fatti inkwistjoni;

(c)

informazzjoni li tista' tgħin lill-uffiċjal awtorizzanti fit-twettiq tal-verifika kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jew fit-teħid ta' deċiżjoni dwar l-esklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 106(1) jew (2), jew deċiżjoni li timponi penali finanzjarja kif imsemmi fl-Artikolu 106(13);

(d)

fejn applikabbli, kwalunkwe miżura speċjali meħtieġa biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mibgħuta, inklużi miżuri għas-salvagwardja tal-evidenza għall-protezzjoni tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu mingħajr dewmien lill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni tagħha u dawk tal-aġenziji eżekuttivi tagħha, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji Ewropej l-oħra kollha sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-verifiki meħtieġa fir-rigward tal-proċeduri ta' akkwist fis-seħħ u l-kuntratti attwali.

Fit-twettiq ta' din il-verifika, l-uffiċjal awtorizzanti għandu jeżerċita s-setgħat tiegħu jew tagħha kif previst fl-Artikolu 66 u m'għandux imur lil hinn minn dak li hu previst fit-termini u l-kondizzjonijiet tad-dokumenti tal-akkwist u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

Il-perijodu taż-żamma għall-informazzjoni mibgħuta f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu m'għandux ikun ta' aktar minn sena. Jekk, matul dan il-perijodu, l-awtorità kontraenti titlob lill-bord sabiex tinħareġ rakkomandazzjoni f'każ ta' esklużjoni, il-perijodu taż-żamma jista' jiġi estiż sa tali żmien meta l-awtorità kontraenti tkun ħadet deċiżjoni.

5.   L-awtorità kontraenti tista tieħu deċiżjoni biex teskludi u/jewtimponi penali finanzjarja, u deċiżjoni li tiġi ppubblikata l-informazzjoni relatata, biss wara li tkun kisbet rakkomandazzjoni tal-bord fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq klassifikazzjoni preliminari kif imsemmi fl-Artikolu 106(2).

6.   Il-bord għandu jiltaqa' fuq talba ta' kwalunkwe awtorità kontraenti kif imsemmi fl-Artikolu 117.

7.   Il-bord għandu jkun magħmul minn:

(a)

president indipendenti permanenti ta' livell għoli;

(b)

żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni bħala s-sid tas-sistema, li għandhom jesprimu pożizzjoni komuni konġunta; u

(c)

rappreżentant wieħed tal-awtorità kontraenti li tagħmel it-talba.

Il-kompożizzjoni tal-bord għandha tiżgura l-għarfien espert tekniku u legali xieraq.

Il-bord għandu jkun assistit minn segretarjat permanenti, ipprovdut mill-Kummissjoni, li għandu jiżgura l-amministrazzjoni kontinwa tal-bord.

8.   Il-proċedura li ġejja għandha tapplika quddiem il-bord:

(a)

l-awtorità kontraenti li tagħmel it-talba għandha tirreferi l-każ lill-bord bl-informazzjoni meħtieġa msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-fatti u s-sejbiet imsemmija fl-Artikolu 106(2) u l-allegata sitwazzjoni ta' esklużjoni;

(b)

il-bord għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-operatur ekonomiku bil-fatti inkwistjoni u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-liġi, li jistgħu jikkwalifikaw bħala sitwazzjoni ta' esklużjoni msemmija fil-punti (c), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 106(1) u/jew li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta' penali finanzjarja. Il-bord għandu, fl-istess ħin, jagħmel l-istess notifika lill-awtoritajiet kontraenti l-oħra;

(c)

qabel ma jadotta kwalunkwe rakkomandazzjoni, il-bord għandu jagħti lill-operatur ekonomiku u lill-awtoritajiet kontraenti nnotifikati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet. L-operatur ekonomiku u l-awtoritajiet kontraenti nnotifikati għandu jkollhom tal-inqas 15-il jum biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom;

(d)

fil-każijiet imsemmija fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 106(1), in-notifika msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu u l-opportunità msemmija fil-punt (c) ta' dan il-paragrafu jistgħu jiġu eċċezzjonalment differiti fejn ikun hemm raġunijiet leġittimi serji biex tkun ippreservata l-kunfidenzjalità ta' investigazzjoni jew proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali, sakemm it-tali raġunijiet leġittimi serji biex tkun ippreservata l-kunfidenzjalità ma jibqgħux jeżistu;

(e)

fejn it-talba tal-awtorità kontraenti tkun ibbażata, fost oħrajn, fuq l-informazzjoni mogħtija mill-OLAF, dak l-Uffiċċju għandu jikkoopera mal-bord skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, b'konsiderazzjoni għar-rispett għad-drittijiet proċedurali u fundamentali u l-ħarsien tal-informaturi;

(f)

il-bord għandu jadotta r-rakkomandazzjoni tiegħu fi żmien 45 jum mill-wasla tat-talba tal-awtorità kontraenti. Fejn il-bord jitlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-operatur ekonomiku, dak il-perijodu għandu jiġi estiż sa 15-il jum. F'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, il-bord jista' jestendi aktar il-perijodu biex jadotta r-rakkomandazzjoni tiegħu sa mhux aktar minn xahar. Fejn l-operatur ekonomiku jonqos milli jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu jew jipprovdi l-informazzjoni mitluba fil-limitu taż-żmien speċifikat, il-bord jista' jipproċedi bl-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tiegħu.

9.   Ir-rakkomandazzjoni tal-bord, li teskludi u/jew timponi penali finanzjarja, għandu jkollha fejn applikabbli l-elementi li ġejjin:

(a)

il-fatti jew is-sejbiet imsemmija fl-Artikolu 106(2) u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-liġi;

(b)

valutazzjoni tal-ħtieġa li timponi penali finanzjarja u l-ammont tagħha;

(c)

valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġi eskluż l-operatur ekonomiku kkonċernat u, f'dak il-każ, it-tul ta' żmien suġġerit tal-esklużjoni bħal din;

(d)

valutazzjoni tal-ħtieġa li tiġi ppubblikata l-informazzjoni relatata mal-operatur ekonomiku li huwa eskluż u/jew soġġett għal penali finanzjarja;

(e)

valutazzjoni ta' miżuri ta' rimedju meħuda mill-operatur ekonomiku, jekk ikun hemm.

Meta l-awtorità kontraenti tipprevedi deċiżjoni iktar severa minn dik li ġiet irrakkomandata mill-bord, hija għandha tiżgura li t-tali deċiżjoni tittieħed bir-rispett dovut tad-dritt ta' smigħ u tar-regoli ta' protezzjoni tad-data personali.

10.   Il-bord għandu jirrevedi r-rakkomandazzjoni tiegħu matul il-perijodu ta' esklużjoni fuq talba mill-awtorità kontraenti fil-każijiet msemmija fl-Artikolu 106(9) jew wara n-notifika ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li tistabbilixxi r-raġunijiet għal esklużjoni fejn tali sentenza jew deċiżjoni ma tistabbilixxix it-tul ta' żmien tal-esklużjoni, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 106(2).

Il-bord għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità kontraenti li tagħmel it-talba bir-rakkomandazzjoni riveduta tiegħu, sabiex wara l-awtorità kontraenti tirrevedi d-deċiżjoni tagħha.

11.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu biex tirrieżamina deċiżjoni li biha l-awtorità kontraenti teskludi operatur ekonomiku u/jew timponi fuqu penali finanzjarja, inkluż it-tnaqqis jew iż-żieda fit-tul ta' żmien tal-esklużjoni u/jew tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-penali finanzjarja imposta.

12.   L-entitajiet kollha li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-baġit f'konformità mal-Artikolu 58 għandhom jingħataw aċċess mill-Kummissjoni għall-informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta' esklużjoni skont l-Artikolu 106 sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jekk hemmx esklużjoni fis-sistema bil-ħsieb li jieħdu kont ta' din l-informazzjoni, kif xieraq u fuq responsabbiltà proprja, meta jagħtu kuntratti fl-implimentazzjoni tal-baġit.

13.   Bħala parti mir-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 325(5) TFUE, il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni aggregata dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti skont l-Artikoli 105a sa 108 ta' dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jipprovdi wkoll aktar informazzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet kontraenti skont il-punt (b) tal-Artikolu 106(7) ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 106(17) ta' dan ir-Regolament u dwar kwalunkwe deċiżjoni mill-awtoritajiet kontraenti biex jiddevjaw minn rakkomandazzjoni tal-bord skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 105a(2) ta' dan ir-Regolament.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandha tingħata b'rispett xieraq għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità u, b'mod partikolari, m'għandhiex tippermetti l-identifikar tal-operatur ekonomiku kkonċernat.

14.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar is-sistema tal-Unjoni għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż id-database u l-proċeduri standardizzati tagħha, dwar l-organizzazzjoni u l-kompożizzjoni tal-bord, dwar il-ħatra u l-indipendenza tal-President, u dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess tal-President u tal-membri tal-bord.

(**********)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).”."

(16)

L-Artikolu 109 huwa mħassar.

(17)

L-Artikolu 110 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 110

Għoti ta' kuntratti

1.   Il-kuntratti għandhom jingħataw abbażi ta' kriterji tal-għoti sakemm l-awtorità kontraenti tkun ivverifikat il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-offerta tikkonforma mar-rekwiżiti minimi speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist;

(b)

il-kandidat jew l-offerent ma jkunux f'sitwazzjoni ta' esklużjoni skont l-Artikolu 106 jew ma jkunx miċħud skont l-Artikolu 107, u;

(c)

il-kandidat jew l-offerent jissodisfa l-kriterji tal-għażla speċifikati fid-dokumenti tal-akkwisti u mhuwiex soġġett għal kunflitti ta' interess li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tapplika kriterji tal-għażla biex tevalwa l-kapaċità tal-kandidat jew tal-offerent. Il-kriterji tal-għażla jistgħu jirrelataw biss mal-kapaċità legali u regolatorja għat-twettiq tal-attività professjonali, il-kapaċità ekonomika u finanzjarja u l-kapaċità teknika u professjonali.

3.   L-awtorità kontraenti għandha tapplika l-kriterji tal-għoti biex tevalwa l-offerta.

4.   L-awtorità kontraenti għandha tibbaża l-għoti ta' kuntratti fuq l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li għandha tikkonsisti minn wieħed mit-tliet metodi ta' għoti: l-iktar prezz baxx, l-inqas nefqa jew l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità.

Għall-metodu bl-inqas nefqa, l-awtorità kontraenti għandha tuża approċċ ta' kosteffettività inkluż spejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja.

Għall-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, l-awtorità kontraenti għandha tqis il-prezz jew in-nefqa u kriterji oħra tal-kwalità marbuta mas-suġġett tal-kuntratt.

5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' dettalji dwar il-kriterji tal-għażla, il-kriterji tal-għoti, inklużi l-kriterji tal-kwalità u l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża kif ukoll il-metodi użati biex jiġu valutati l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja tal-akkwist.Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 fir-rigward tad-dokumenti li jagħtu evidenza tal-kapaċità legali, ekonomika u finanzjarja u prova tal-kapaċità teknika u professjonali u regoli dettaljati dwar il-bejgħ bl-irkant elettroniku u l-offerti anormalment baxxi.”.

(18)

L-Artikolu 111 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 111

Preżentazzjoni, komunikazzjoni elettronika u evalwazzjoni

1.   L-arranġamenti sabiex jintefgħu l-offerti għandhom ikunu tali li jiżguraw li jkun hemm kompetizzjoni ġenwina u li l-kontenut tal-offerti jibqa' kunfidenzjali sakemm jinfetħu kollha simultanjament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi b'mezzi xierqa u b'applikazzjoni tal-Artikolu 95 li l-offerenti jkunu jistgħu jdaħħlu l-kontenuti tal-offerti u kull prova dokumentarja f'format elettroniku (‘akkwist elettroniku’), ħlief f'każijiet ġustifikati kif xieraq li huma speċifikati fl-atti delegati adottati f'konformità mal-Artikolu 210. Kwalunkwe sistema ta' komunikazzjoni elettronika użata biex tappoġġa komunikazzjonijiet u skambji ta' informazzjoni għandha tkun mhux diskriminatorja, ġeneralment disponibbli u interoperabbli ma' prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) f'użu ġenerali u m'għandhiex tillimita l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura ta' akkwist.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' dan il-paragrafu.

3.   L-awtorità kontraenti tista', jekk dan jitqies xieraq u proporzjonat, għandha titlob lill-offerenti jippreżentaw garanzija bil-quddiem biex jiżguraw li l-offerti ppreżentati ma jiġux irtirati. Il-garanzija mitluba għandha tkun proporzjonata mal-valur stmat tal-kuntratt u għandha tkun stabbilita għal livell adatt sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni bejn operaturi ekonomiċi differenti.

4.   L-awtorità kontraenti għandha tiftaħ it-talbiet kollha għall-parteċipazzjoni u għall-offerti. Madankollu, hi għandha tiċħad:

(a)

talbiet għal parteċipazzjoni u offerti li ma jikkonformawx mal-iskadenza ta' meta għandhom jaslu, mingħajr ma jinfetħu;

(b)

offerti riċevuti li jkunu diġà miftuħa, mingħajr ma jiġi eżaminat il-kontenut tagħhom.

5.   L-awtorità kontraenti għandha tevalwa t-talbiet għal parteċipazzjoni jew l-offerti kollha li ma kinux irrifjutati fil-fażi tal-bidu stabbilita fil-paragrafu 4 abbażi tal-kriterji speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist bil-għan li jingħata l-kuntratt jew li tipproċedi għal irkant elettroniku.

6.   It-talbiet għall-parteċipazzjoni u l-offerti li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti minimi kollha stabbiliti fid-dokumenti tal-akkwist għandhom jiġu rifjutati.

Għajr f'każijiet ġustifikati kif xieraq, il-kumitat ta' evalwazzjoni jew l-awtorità kontraenti għandha titlob lill-kandidati jew lill-offerenti biex jipprovdu materjal addizzjonali jew dokumenti nieqsa, biex jiċċaraw id-dokumenti li jappoġġaw il-kriterji ta' esklużjoni u tal-għażla, jew li jispjegaw offerti anormalment baxxi, fil-limitu taż-żmien li jispeċifika.

7.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar il-limiti ta' żmien biex jintlaqgħu l-offerti u talbiet għall-parteċipazzjoni, l-aċċess għad-dokumenti tal-akkwist, il-limiti ta' żmien biex tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali, il-limiti ta' żmien f'każi urġenti, kif ukoll dwar mezzi ta' komunikazzjoni għall-preżentazzjoni ta' offerti u katalgi elettroniċi, regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti tekniċi u legali għas-sistemi ta' skambju elettroniku u dwar l-eċċezzjoni mill-użu ta' preżentazzjoni elettronika ta' offerti f'każijiet ġustifikati kif xieraq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar il-possibilità li tintalab garanzija ta' offerta u l-kondizzjonijiet għal talba lura u r-rilaxx tal-garanzija, il-ftuħ u l-evalwazzjoni tal-offerti u talbiet għall-parteċipazzjoni u t-twaqqif u l-kompożizzjoni ta' kumitati ta' ftuħ u ta' evalwazzjoni.”.

(19)

L-Artikolu 112 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 112

Kuntatti matul il-proċedura ta' akkwist

1.   Waqt li l-proċedura ta' akkwist tkun għaddejja, il-kuntatti kollha bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jassiguraw trasparenza, trattament ugwali u amministrazzjoni tajba, kif stabbilit fl-Artikolu 96. Wara l-iskadenza taż-żmien għall-preżentazzjoni tal-offerti, l-awtorità kontraenti għandha tikkuntattja lill-offerent sabiex jikkoreġi żballji klerikali ovvji jew titlob konferma ta' xi element speċifiku jew tekniku, ħlief f'każijiet ġustifikati kif xieraq. Il-kuntatti msemmija hawn fuq kif ukoll kwalunkwe kuntatt ieħor m'għandux iwassal għal bidliet fid-dokumenti tal-akkwist jew għal tibdil sostanzjali fit-termini tal-offerti ppreżentati, ħlief fejn proċedura ta' akkwist stabbilita fl-Artikolu 104(1) tippermetti b'mod speċifiku dawk il-possibbiltajiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar kuntratti li huma permessi u kuntatti li huma meħtieġa bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti waqt il-proċedura ta' akkwist.”.

(20)

L-Artikolu 113 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 113

Deċiżjoni tal-għoti u informazzjoni lill-kandidati jew lill-offerenti

1.   L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jiddeċiedi lil min għandu jingħata l-kuntratt, b'konformità mal-kriterji tas-selezzjoni u tal-għoti speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-offerenti kollha li t-talbiet għall-parteċipazzjoni jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni, kif ukoll it-tul ta' żmien tal-perijodu sospensiv imsemmi fl-Artikolu 118(2).

Għall-għoti ta' kuntratti speċifiċi taħt kuntratt qafas bi ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni, l-awtorità kontraenti għandha tinforma lill-offerenti bir-riżultat tal-evalwazzjoni.

3.   L-awtorità kontraenti għandha tinforma lil kull offerent li ma jkunx f'sitwazzjoni ta' esklużjoni, li l-offerta tiegħu tkun konformi mad-dokumenti tal-akkwisti u li jagħmel talba bil-miktub ta' xi wieħed minn dan li ġej:

(a)

l-isem tal-offerent, jew l-offerenti fil-każ ta' kuntratt qafas, li lilu jingħata l-kuntratt u, ħlief fil-każ ta' kuntratt speċifiku skont kuntratt qafas bil-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, il-prezz imħallas jew il-valur tal-kuntratt, liema minnhom ikun xieraq;

(b)

il-progress tan-negozjati u d-djalogu mal-offerenti.

Madankollu, l-awtorità kontraenti tista' tiddeċiedi li żżomm ċerta informazzjoni fejn ir-rilaxx tagħha jimpedixxi l-infurzar tal-liġi jew tmur kontra l-interess pubbliku, jew tkun ta' preġudizzju għall-interessi kummerċjali leġittimi ta' atturi ekonomiċi, jew tista' xxekkel il-kompetizzjoni ġusta bejniethom.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti għal, u l-kontenut, tar-rapport tal-evalwazzjoni u d-deċiżjoni dwar l-għoti, u dwar l-informazzjoni lill-kandidati u lill-offerenti.”

(21)

L-Artikolu 114 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 114

Tħassir tal-proċedura tal-akkwist

L-awtorità kontraenti tista', qabel mal-kuntratt ikun iffirmat, tikkanċella l-proċedura tal-akkwist mingħajr ma l-kandidati jew l-offerenti jkunu intitolati għal talba għal xi kumpens.

Id-deċiżjoni għandha tkun ġustifikata u l-kandidati jew l-offerenti għandhom jiġu infurmati dwarha malajr kemm jista' jkun.”.

(22)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 114a

L-eżekuzzjoni u l-modifiki tal-kuntratt

1.   Il-kuntratt ma għandux jibda jiġi esegwit qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt.

2.   L-awtorità kontraenti tista' timmodifika kuntratt jew kuntratt qafas mingħajr proċedura ta' akkwisti biss fil-każi stipulati fil-paragrafu 3 u sakemm il-modifika ma tibdilx is-suġġett tal-kuntratt jew il-kuntratt qafas.

3.   Kuntratt jew kuntratt speċifiku taħt kuntratt qafas jista' jiġi modifikat mingħajr proċedura ġdida ta' akkwist fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

għal fejn isiru neċessarji xogħlijiet addizzjonali, provvisti jew servizzi mill-kuntrattur oriġinali u li ma kinux inklużi fl-akkwist inizjali, fejn ikunu ssodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ma jistax jinbidel il-kuntrattur minħabba raġunijiet tekniċi marbuta ma' rekwiżiti ta' interkambjabbiltà jew interoperabbiltà ta' tagħmir, servizzi jew stallazzjonijiet eżistenti;

(ii)

bidla fil-kuntrattur twassal għal duplikazzjoni sostanzjali fl-ispejjeż għall-awtorità kontraenti; u

(iii)

kull żieda fil-prezz, inkluż il-valur kumulattiv nett tal-modifiki suċċessivi ma taqbiżx il-50 % tal-valur tal-kuntratt inizjali;

(b)

fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-ħtieġa ta' modifika nħolqot minħabba ċirkostanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi; u

(ii)

kull żieda fil-prezz ma taqbiżx il-50 % tal-valur tal-kuntratt inizjali;

(c)

fil-każ fejn il-valur tal-modifika huwa inqas minn dawn il-limiti:

(i)

il-limiti msemmija fl-Artikolu 118(1) u l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 190(2) fil-qasam tal-azzjonijiet esterni applikabbli fi żmien il-modifika; u

(ii)

10 % tal-valur tal-kuntratt inizjali għal kuntratti pubbliċi ta' servizzi u ta' provvista u kuntratti ta' konċessjoni ta' xogħlijiet jew ta' servizzi u 15 % tal-valur tal-kuntratt inizjali għal kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet;

(d)

fejn ir-rekwiżiti minimi tal-proċedura inizjali tal-akkwist ma jkunux ġew modifikati. F'dak il-każ kwalunkwe modifika ta' valur li tirriżulta għandha tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-punt (c) ta' dan is-subparagrafu, sakemm tali modifika tal-valur ma tirriżultax mill-applikazzjoni stretta tad-dokumenti tal-akkwist jew id-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

Il-punti (a), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jistgħu japplikaw ukoll għal kuntratti qafas.

Il-valur tal-kuntratt inizjali m'għandux iqis ir-reviżjonijiet tal-prezzijiet.

Il-valur kumulattiv nett ta' bosta modifiki suċċessivi taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu m'għandux jaqbeż il-limiti msemmija hemmhekk.

L-awtorità kontraenti għandha tapplika l-miżuri pubbliċitarji ex-post stipulati fl-Artikolu 103.”.

(23)

L-Artikoli 115 sa 120 jinbidlu b'dan li ġej:

“Artikolu 115

Garanziji

1.   F'każijiet apparti f'kuntratti b'valur baxx, l-awtorità kontraenti tista', jekk tqis xieraq u proporzjonat, fuq bażi ta' każ b'każ u soġġett għal analiżi tar-riskji, titlob lill-kuntratturi jippreżentaw garanzija sabiex jagħmlu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

tillimita r-riskji finanzjarji konnessi mal-ħlas ta' prefinanzjament;

(b)

jiżguraw konformità ma' obbligi kuntrattwali sostanzjali fil-każ ta' xogħlijiet, provvisti jew servizzi kumplessi;

(c)

jiżguraw l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt matul il-perijodu ta' responsabbiltà tal-kuntratt.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati, dwar it-tipi ta' garanziji li jistgħu jkunu meħtieġa minn kuntratturi, inklużi l-kriterji għall-analiżi tar-riskju, u dwar l-ammont massimu ta' kull tip ta' garanzija bħala perċentwali tal-valur totali tal-kuntratt.

Artikolu 116

Żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi

1.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ‘żball sostanzjali’ tfisser kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni ta' kuntratt li jirriżulta minn azzjoni jew ommissjoni, li jikkawżaw jew li jistgħu jikkawżaw telf għall-baġit.

2.   Meta l-proċedura tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-awtorità kontraenti għandha tissospendiha u tista' tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tal-proċedura.

3.   Meta, wara l-firma tal-kuntratt, il-proċedura jew l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tirriżulta li kienet soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-awtorità kontraenti tista' tissospendi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jew, fejn xieraq, titterminaha.

L-eżekuzzjoni tal-kuntratti tista' tiġi sospiża wkoll sabiex jiġi vverifikat jekk żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi preżunti jkunux seħħew.

Meta tali żbalji, irregolaritajiet jew frodi sostanzjali jkunu attribwiti lill-kuntrattur, l-awtorità kontraenti tista' wkoll tirrifjuta li tħallas jew tirkupra ammonti mħallsa b'mod indebitu, b'mod li huwa proporzjonat mas-serjetà tal-iżbalji, l-irregolaritajiet jew frodi sostanzjali.

4.   L-OLAF għandu jeżerċita s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (***********) biex iwettaq spezzjonijiet u verifiki fuq il-post fl-Istati Membri u, skont il-ftehimiet ta' kooperazzjoni u assistenza reċiproka fis-seħħ, f'pajjiżi terzi u fis-sede ta' organizzazzjonijiet internazzjonali.

5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar is-sospensjoni tat-twettiq tal-kuntratt fil-każ ta' żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi.

Artikolu 117

L-awtorità kontraenti

1.   L-istituzzjonijiet fit-tifsira tal-Artikolu 2, l-aġenziji jew il-korpi eżekuttivi fit-tifsira tal-Artikoli 208 u 209 għandhom jitqiesu li huma awtoritajiet kontraenti fil-każ ta' kuntratti mogħtija f'isimhom, minbarra meta jixtru minn korp ċentrali għall-akkwisti. Id-dipartimenti ta' dawk l-istituzzjonijiet m'għandhomx ikunu meqjusa bħala awtoritajiet kontraenti meta jikkonkludu arranġamenti amministrattivi bejniethom.

Dawk l-istituzzjonijiet għandhom jiddelegaw is-setgħat neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta' awtorità kontraenti skont l-Artikolu 65.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar id-delegazzjoni tal-funzjoni tal-awtorità kontraenti u dwar il-korpi ċentrali għall-akkwisti.

Artikolu 118

Limiti applikabbli u perijodu sospensiv

1.   Biex tagħti kuntratti pubbliċi u ta' konċessjoni, l-awtorità kontraenti għandha tirrispetta l-limiti preskritti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE meta tagħżel proċedura stabbilita fl-Artikolu 104(1) ta' dan ir-Regolament. Dawn il-limiti għandhom jiddeterminaw il-miżuri ta' pubbliċità stipulati fl-Artikolu 103(1) u (2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Soġġetta għall-eċċezzjonijiet u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament, l-awtorità kontraenti m'għandhiex, fil-każ ta' kuntratti li l-valur tagħhom jisboq il-limiti msemmija fil-paragrafu 1, tiffirma l-kuntratt jew il-kuntratt qafas mal-offerent li jkun rebħu qabel ma jgħaddi perijodu sospensiv.

3.   Il-perijodu sospensiv għandu jkun twil għaxart ijiem meta jintużaw mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni, u 15-il jum meta jużaw mezzi oħrajn.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar il-kuntratti separati u kuntratti b'lottijiet, l-istima tal-valur ta' kuntratti pubbliċi u ta' konċessjoni, u l-perijodu sospensiv qabel l-iffirmar tal-kuntratt.

Artikolu 119

Regoli dwar l-aċċess għal akkwisti

Parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist għandha tkun miftuħa fuq termini ugwali għall-persuni kollha, fiżiċi u ġuridiċi, li jkunu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattati u għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha stabbiliti f'pajjiż terz li jkollu ftehim speċjali mal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak il-ftehim. Għandha wkoll tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar il-provi li għandhom jiġu pprovduti fir-rigward tal-aċċess għall-akkwisti.

Artikolu 120

Regolamenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-akkwisti

Meta l-Ftehim plurilaterali dwar l-Akkwisti Pubbliċi konkluż fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ikun applikabbli, il-proċedura ta' akkwist għandha tkun miftuħa wkoll għal operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-istati li jkunu rratifikaw dak il-ftehim, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

(***********)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).”."

(24)

L-Artikolu 131 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   L-Artikolu 105a, paragrafi 1 sa 4, 6 u 7 minbarra l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, il-paragrafi 8, 9, 11 u 13 sa 17 tal-Artikolu 106, u l-Artikolu 108 għandhom japplikaw għal applikanti u benefiċjarji ta' għotjiet. L-Artikolu 107 għandu japplika għall-applikanti. L-applikanti għandhom jiddikjaraw jekk humiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 106(1) jew l-Artikolu 107 u, fejn applikabbli, jekk ħadux miżuri ta' rimedju kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 106(7).

Meta jwettaq il-verifika meħtieġa fir-rigward ta' proċeduri ta' għotja tiegħu li għadhom għaddejjin u ftehimiet eżistenti f'konformità mal-Artikolu 108(4), l-uffiċjal awtorizzanti għandu jiżgura li l-applikant jew il-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe miżura li taffettwa ħażin id-drittijiet tiegħu.”;

(b)

il-paragrafu 5 jitħassar;

(c)

il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw l-arranġamenti għall-applikazzjonijiet ta' għotja, prova ta' nuqqas ta' esklużjoni, applikanti mingħajr personalità legali, persuni ġuridiċi li jiffurmaw applikant wieħed, kriterji ta' eliġibbiltà u għotjiet b'valur baxx.”.

(25)

Fl-Artikolu 138(2), it-tielet subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Ir-regoli tal-konkors għandhom tal-inqas jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni inklużi l-kriterji għall-esklużjoni, il-kriterji tal-għoti, l-ammont tal-premju u l-arranġamenti ta' ħlas. L-Artikolu 105a, il-paragrafi 1 sa 4, 6 u 7 minbarra l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, il-paragrafi 8, 9, 11 u 13 sa 17 tal-Artikolu 106 u l-Artikolu 108 għandhom japplikaw għal applikanti u rebbieħa. L-Artikolu 107 għandu japplika għall-parteċipanti.”.

(26)

Fl-Artikolu 139, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   L-Artikolu 105a, paragrafu 1, minbarra l-punti (e) u (f) ta' dak il-paragrafu, il-paragrafi 2 sa 4, 6 sa 9 u 13 sa 17 tal-Artikolu 106, u l-Artikoli 107 u 108 għandhom japplikaw għal strumenti ta' investiment iddedikati jew għal intermedjarji finanzjarji. Benefiċjarji finali għandhom jipprovdi lil intermedjarji finanzjarji b'dikjarazzjoni fuq l-unur iffirmata li tikkonferma li huma mhumiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b), (c) u (d) tal-Artikolu 106(1) jew il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 107(1).”.

(27)

Fl-Artikolu 163, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-Qorti tal-Awdituri għandha tittrażmetti lill-istituzzjoni jew korp ikkonċernat kwalunkwe osservazzjoni tagħha li, fl-opinjoni tagħha, għandha tidher f'rapport speċjali. Dawk l-osservazzjonijiet għandhom jibqgħu kunfidenzjali u soġġetti għal proċedura kontradittorja.

L-istituzzjoni jew korp ikkonċernat għandu jinforma lill-Qorti tal-Awdituri, b'mod ġenerali, fi żmien sitt ġimgħat mit-trażmissjoni ta' dawk l-osservazzjonijiet, bi kwalunkwe tweġiba li huma jkunu jixtiequ jagħtu rigward l-osservazzjonijiet. Dak il-perijodu għandu jiġi sospiż, f'każijiet debitament ġustifikati, b'mod partikolari meta, matul il-proċedura kontradittorja, ikun meħtieġ li l-istituzzjoni jew korp ikkonċernat jiksbu rispons mill-Istati Membri sabiex jiffinalizzaw it-tweġiba tagħhom.

It-tweġibiet tal-istituzzjoni jew korp ikkonċernat għandhom jindirizzaw l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri b'mod dirett u esklużiv.

Il-Qorti tal-Awdituri għandha tiżgura li r-rapporti speċjali jiġu abbozzati u adottati f'perijodu ta' żmien adegwat, li ġeneralment m'għandux ikun aktar minn 13-il xahar.

Ir-rapport speċjali, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet jew korpi kkonċernati, għandhom ikunu trażmessi mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u kull wieħed minnhom għandu jiddeċiedi, meta xieraq flimkien mal-Kummissjoni, liema azzjoni għandha tittieħed bħala reazzjoni għal dan.

Il-Qorti tal-Awdituri għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li t-tweġibiet għall-osservazzjonijiet tagħha minn kull istituzzjoni jew korp ikkonċernat, kif ukoll il-perijodu ta' żmien sabiex jiġi abbozzat ir-rapport speċjali, jiġu ppubblikati immedjatament flimkien mar-rapport speċjali.”.

(28)

L-Artikolu 166 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 166

Miżuri ta' segwitu

1.   F'konformità mal-Artikolu 319 TFUE u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet l-oħrajn, u l-korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209 ta' dan ir-Regolament għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex jaġixxu fuq l-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tal-kwittanza tal-Parlament Ewropew u l-kummenti li jakkumpanjaw ir-rakkomandazzjoni għall-kwittanza kif adottata mill-Kunsill.

2.   Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, l-istituzzjonijiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrapportaw dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet u kummenti, u, partikolarment, fuq l-istruzzjonijiet mogħtija lil kwalunkwe wieħed mid-dipartimenti tagħhom li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni billi jinformawha bil-miżuri li huma jkunu ħadu sabiex jaġixxu fuq dawn l-osservazzjonijiet sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tieħu kont tagħhom meta tħejji r-rapport tagħha. Ir-rapporti mill-istituzzjonijiet għandhom ikunu trażmessi wkoll lill-Qorti tal-Awdituri.”.

(29)

Fl-Artikolu 183(4), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Meta jkun qed jieħu sehem fi proċeduri ta' għotjiet jew ta' akkwist f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-JRC m'għandux ikun soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 105a, 106 il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 107(1), Artikolu 108 u Artikolu 131(4) dwar dispożizzjonijiet li jirrigwardaw esklużjoni u penali fir-rigward tal-akkwist u l-għotjiet.”.

(30)

L-Artikolu 190 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu V tal-Ewwel Parti relatati mad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-akkwist għandhom ikunu applikabbli għal-kuntratti koperti b'dan it-Titolu bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardjaw il-limiti u l-arranġamenti għall-għoti ta' kuntratti esterni li għandhom jiġu stabbiliti fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament. L-Artikoli 117 u 120 m'għandhomx ikunu applikabbli għall-akkwist stabbilit f'dan il-Kapitolu.

Dan il-Kapitolu għandu japplika għal:

(a)

l-akkwist meta l-Kummissjoni ma tagħtix kuntratti f'isimha stess;

(b)

l-akkwist minn entitajiet jew persuni fdati skont il-punt (c) tal-Artikolu 58(1) fejn previst fil-ftehim ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 189.”;

(b)

il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Dan il-Kapitolu m'għandux japplika għall-azzjonijiet taħt l-atti bażiċi speċifiċi għas-setturi li jirrigwardaw l-għajnuna għall-ġestjoni tal-kriżijiet umanitarji, l-operazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili u l-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja.”.

(31)

L-Artikolu 191 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 191

Regoli dwar l-aċċess għal akkwisti

1.   Il-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist għandha tkun miftuħa fuq termini ugwali għall-persuni kollha fi ħdan l-ambitu tat-Trattati u għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra f'konformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi fl-istrumenti bażiċi li jirregolaw is-settur tal-kooperazzjoni kkonċernat. Għandha wkoll tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 54(2), jista' jkun deċiż, f'ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi apparti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jitħallew jagħmlu offerti għall-kuntratti.

3.   Meta jkun japplika ftehim dwar it-twessigħ tas-suq għall-akkwist ta' oġġetti jew servizzi li tiegħu l-Unjoni hija parti, il-proċeduri ta' akkwist għal kuntratti ffinanzjati mill-baġit għandhom ukoll ikunu miftuħa wkoll għal persuni fiżiċi u ġuridiċi stabbiliti f'pajjiż terz għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak il-ftehim.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 210 fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar l-aċċess għall-proċeduri ta' akkwist.”.

(32)

Fl-Artikolu 204 jinżdied il-paragrafu li ġej:

“L-esperti għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 105a, paragrafi 1 sa 3 u 7 minbarra l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, il-paragrafi 8 sa 10, il-punt (a) tal-paragrafu 11 u l-paragrafi 13 sa 17 tal-Artikolu 106, u l-Artikoli 107 u 108.”.

(33)

L-Artikolu 209 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel erba' paragrafi jsiru paragrafu 1;

(b)

jinżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   Għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 208.”.

(34)

Fl-Artikolu 211, it-tieni paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“It-tali rieżami għandu jkopri, fost l-oħrajn, l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet fit-Titolu VIII tal-Ewwel Parti u l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 163(1).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-28 ta' Ottubru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  Opinjoni Nru 1/2015 tad-19 ta' Jannar 2015 (ĠU C 52, 13.2.2015, p. 1).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2015.

(3)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(4)  Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(5)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(6)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).