16.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1851

tal-15 ta' Ottubru 2015

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 948/2014 li jittratta l-perjodu kuntrattwali ta' ħżin u l-ammont ta' għajnuna li għandha tingħata għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 20(c), (l) u (m) u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 948/2014 (3) fetaħ skema ta' ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat, minħabba s-sitwazzjoni tas-suq partikolarment diffiċli, li b'mod partikolari rriżultat mill-projbizzjoni introdotta mir-Russja fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-ħalib mill-Unjoni lejn ir-Russja.

(2)

Wara li l-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat komplew jiddeterjoraw, l-iskema tal-ħżin privat ġiet estiża sat-28 ta' Frar 2015 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2014 (4), sat-30 ta' Settembru 2015 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/303 (5) u sad-29 ta' Frar 2016 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1548 (6).

(3)

Peress li hemm provvista żejda sostanzjali tal-ħalib fuq is-suq intern u limitazzjonijiet kontinwi fid-domanda globali, it-tendenza hija li l-prezzijiet għat-trab tal-ħalib xkumat qed jonqsu b'mod kontinwu u għalhekk hemm bżonn li jkunu previsti miżuri addizzjonali bil-għan li l-operaturi jitħajru jaħżnu kwantitajiet akbar sabiex tonqos il-pressjoni fis-suq u għalhekk għandhom jingħataw ammonti ogħla ta' għajnuna meta l-prodotti jiġu sottomessi għal perjodu itwal ta' ħżin kuntrattwali.

(4)

Madankollu, biex l-operaturi jkollhom aktar flessibiltà fil-mod kif jirreaġixxu għas-sinjali tas-suq fil-futur, għandu jkun possibbli għalihom li wara perjodu minimu ta' ħżin ta' disa' xhur, jibdew jirrilaxxaw dawn il-prodotti mill-maħżen b'rata ta' għajnuna iktar baxxa.

(5)

Meta jitqies it-tul tal-perjodu ta' ħżin kuntrattwali kif miżjud, il-ħlas bil-quddiem, kif imsemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 (7) għandu jiġi adattat.

(6)

Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 u sabiex ikun jista' jiġi segwit mill-qrib kif qed tintuża l-miżura, huwa xieraq li tiġi speċifikata skadenza għat-tressiq tan-notifiki stipulati fl-Artikolu 35(1)(a) ta' dak ir-Regolament.

(7)

Sabiex ikollha impatt immedjat fis-suq u sabiex tikkontribwixxi biex tistabbilizza l-prezzijiet, il-miżura prevvista f'dan ir-Regolament għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 948/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   L-għajnuna għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi stabbilita kif ġej:

(a)

meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin huwa bejn 90 u 210 ġurnata, l-għajnuna għandha tkun:

(1)

EUR 8,86 kull tunnellata ta' ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin,

(2)

EUR 0,16 kull tunnellata kull jum ta' ħżin kuntrattwali;

(b)

meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin huwa 365 jum, l-għajnuna għandha tkun:

(1)

EUR 8,86 kull tunnellata ta' ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin,

(2)

EUR 0,36 kull tunnellata kull jum ta' ħżin kuntrattwali.

Madankollu, permezz ta' deroga mill-Artikolu 34(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, fejn il-kwantità kuntrattwali tista' titneħħa wara perjodu minimu ta' ħżin ta' 270 jum, l-ammont ta' għajnuna għandu jitnaqqas b'10 %.

2.   L-applikazzjonijiet ikunu validi biss jekk jispeċifikaw ir-rati tal-għajnuna mitluba.

Kuntratti konklużi skont dan ir-Regolament għal perjodu ta' ħżin bejn 90 u 210 jum ma jistgħux jinbidlu f'kuntratti skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

3.   Il-ħażna kuntrattwali għandha tispiċċa fil-jum li jippreċedi t-tneħħija mill-ħżin.”

(2)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

B'deroga mill-Artikolu 31(2) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, il-ħlas bil-quddiem għal kuntratti skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament ma għandux jeċċedi l-ammont tal-għajnuna li jikkorrispondi għal perjodu ta' ħażna ta' 270 jum.”

(3)

L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan li ġej:

(a)

sa kull nhar ta' Tlieta għall-ġimgħa ta' qabel u separatament għall-kwantitajiet imsemmija rispettivament fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), il-kwantitajiet li jkunu ġew konklużi l-kuntratti tagħhom kif ukoll il-kwantitajiet ta' prodotti li jkunu ntbagħtu applikazzjonijiet biex jiġu konklużi l-kuntratti tagħhom, kif meħtieġ skont l-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008;

(b)

mhux aktar tard mill-aħħar tax-xahar għax-xahar preċedenti, l-informazzjoni dwar l-istokkijiet meħtieġa skont l-Artikolu 35(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 948/2014 tal-4 ta' Settembru 2014 li jiftaħ il-ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 18).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2014 tas-16 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 947/2014 u (UE) Nru 948/2014 fir-rigward tal-aħħar jum għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 15).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/303 tal-25 ta' Frar 2015 li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 947/2014 u (UE) Nru 948/2014 fir-rigward tal-aħħar jum għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat (ĠU L 55, 26.2.2015, p. 4).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1548 tas-17 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 947/2014 u (UE) Nru 948/2014 fir-rigward tal-aħħar jum għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat ta' butir u ta' trab tal-ħalib xkumat (ĠU L 242, 18.9.2015, p. 26).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta' Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta' għajnuna għall-ħażna privata ta' ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3).