16.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1850

tat-13 ta' Ottubru 2015

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jippermetti, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti derivati mill-foki kkaċċjati mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra. Jippermetti wkoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti derivati mill-foki meta l-importazzjoni tal-prodotti derivati mill-foki tkun ta' natura okkażjonali u meta l-prodotti importati jikkonsistu esklużivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 (2) jistabbilixxi regoli dettaljati għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti derivati mill-foki skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2015/1775 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, u ħassar ir- Regolament (UE) Nru 737/2010 b'effett mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa meħtieġ, għalhekk, li jiġu stabbiliti miżuri li jimplimentaw l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat.

(4)

Huwa xieraq li jkun previst li dawk l-entitajiet li jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti għandhom ikunu inklużi f'lista ta' korpi rikonoxxuti li joħorġu ċertifikati li jaffermaw il-konformità mal-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti mill-foki.

(5)

Għandhom jiġu stipulati mudelli għaċ-ċertifikati u għall-kopji tagħhom sabiex jiġu ffaċilitati l-ġestjoni u l-verifika taċ-ċertifikati.

(6)

Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għall-kontroll taċ-ċertifikati. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu kemm jista' jkun sempliċi u prattiċi, mingħajr ma jikkompromettu l-kredibbiltà u l-konsistenza tas-sistema ta' kontroll.

(7)

L-użu ta' sistemi elettroniċi għandu jkun permess sabiex ikun faċilitat l-iskambju ta' data bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni u l-korpi rikonoxxuti.

(8)

L-ipproċessar ta' data personali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali li tinsab fiċ-ċertifikati, għandu jikkonforma mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(9)

Billi dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 kif emendat mir-Regolament (UE) 2015/1775, li japplika sa mit-18 ta' Ottubru 2015, għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti derivati mill-foki u l-importazzjoni ta' prodotti derivati mill-foki għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009.

Artikolu 2

Għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom

1.   Prodotti derivati mill-foki intiżi għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom jistgħu jkunu importati biss meta jkun sodisfatt kwalunkwe wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-prodotti derivati mill-foki jkunu ntlibsu mill-vjaġġaturi, jew ikunu qed jinġarru jew jinżammu fil-bagalji personali tagħhom;

(b)

il-prodotti derivati mill-foki jkunu jifformaw parti mill-proprjetà personali ta' persuna naturali li tittrasferixxi l-post normali ta' residenza tagħha minn pajjiż terz għall-Unjoni;

(c)

il-prodotti derivati mill-foki jkunu nkisbu f'pajjiż terz minn vjaġġaturi fuq il-post u jkunu ġew importati minn dawk il-vjaġġaturi f'data aktar tard, imma dan jgħodd jekk mal-wasla tagħhom fit-territorju tal-Unjoni dawk il-vjaġġaturi jippreżentaw lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru kkonċernat id-dokumenti li ġejjin:

(i)

notifika bil-miktub tal-importazzjoni;

(ii)

dokument ta' sostenn li jixhed li l-prodotti jkunu nkisbu fil-pajjiż terz ikkonċernat.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(c), in-notifika bil-miktub u d-dokument ta' sostenn għandhom jiġu approvati mid-dwana u rritornati lill-vjaġġaturi. Mal-importazzjoni, in-notifika u d-dokument ta' sostenn għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali flimkien mad-dikjarazzjoni doganali għall-prodotti kkonċernati.

Artikolu 3

Korpi rikonoxxuti

1.   Entità għandha tiġi inkluża fil-lista ta' korpi rikonoxxuti meta din turi li tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għandha personalità ġuridika;

(b)

għandha l-kapaċità li taċċerta li ġew issodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009;

(c)

għandha l-kapaċità li teżerċita l-funzjonijiet tal-ħruġ u tal-ġestjoni taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 4(1), kif ukoll l-ipproċessar u l-arkivjar tar-rekords;

(d)

għandha l-kapaċità li twettaq il-funzjonijiet tagħha b'mod li tevita l-kunflitt tal-interess;

(e)

għandha l-kapaċità li timmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009;

(f)

għandha l-kapaċità li tirtira ċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 4(1) jew li tissospendi l-validità tagħhom fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u li tieħu miżuri biex tinforma lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tagħhom;

(g)

hija soġġetta għal awditjar minn parti terza indipendenti;

(h)

topera fuq livell nazzjonali jew reġjonali.

2.   Sabiex tkun inkluża fil-lista msemmija fil-paragrafu 1, entità għandha tissottometti lill-Kummissjoni talba akkumpanjata minn dokumenti li juru li hija tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1.

3.   Il-korp rikonoxxut għandu jippreżenta rapporti tal-awditjar prodotti mill-parti terza indipendenti msemmija fil-paragrafu 1(g) lill-Kummissjoni fl-aħħar ta' kull ċiklu ta' rappurtar.

Artikolu 4

Ċertifikati

1.   Ladarba jkunu sodisfatti r-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq stipulati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, jekk jintalab, il-korp rikonoxxut joħroġ ċertifikati li jikkonformaw mal-mudelli stipulati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-korp rikonoxxut għandu jikkonsenja ċ-ċertifikat lill-applikant u għandu jżomm kopja għal tliet snin għall-finijiet taż-żamma tar-rekords.

3.   Suġġett għall-Artikolu 5(2), meta prodott derivat mill-foki jitqiegħed fis-suq, l-oriġinal taċ-ċertifikat għandu jiġi kkonsenjat mal-prodott derivat mill-foki. L-applikant jista' jżomm kopja taċ-ċertifikat.

4.   Għandha tkun inkluża referenza għan-numru taċ-ċertifikat f'kull fattura ulterjuri.

5.   Prodott derivat mill-foki akkumpanjat minn ċertifikat maħruġ skont il-paragrafu 1 għandu jitqies konformi mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009.

6.   L-aċċettazzjoni ta' dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 79 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (7) għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat maħruġ skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 77(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, l-awtoritajiet doganali għandhom iżommu kopja taċ-ċertifikat fir-rekords tagħhom.

7.   Fil-każ ta' dubji dwar l-awtentiċità jew il-korrettezza ta' ċertifikat maħruġ skont il-paragrafu 1 kif ukoll meta jkun meħtieġ parir ulterjuri, l-awtoritajiet doganali u uffiċjali oħra tal-infurzar għandhom jikkuntattjaw awtorità kompetenti maħtura mill-Istati Membri kkonċernati skont l-Artikolu 6. L-awtorità kompetenti kkuntattjata għandha tiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

Artikolu 5

Il-format taċ-ċertifikati

1.   Iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 4(1) għandhom ikunu jew fuq il-karta jew f'forma elettronika.

2.   Fil-każ ta' ċertifikat elettroniku, verżjoni fuq il-karta stampata ta' dak iċ-ċertifikat għandha takkumpanja l-prodott derivat mill-foki fil-mument meta l-prodott jitqiegħed fis-suq.

3.   L-użu taċ-ċertifikat għandu jsir mingħajr ħsara għal kwalunkwe formalità marbuta mat-tqegħid fis-suq.

4.   Awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 6 tista' titlob li ċ-ċertifikat ikun tradott fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-prodott ikun se jitqiegħed fis-suq.

Artikolu 6

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar bir-responsabbiltà għall-ħidmiet li ġejjin:

(a)

il-verifika fuq rikjesta mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 4(7) taċ-ċertifikati għall-prodotti derivati mill-foki importati;

(b)

il-kontroll tal-ħruġ taċ-ċertifikati minn korpi rikonoxxuti stabbiliti u attivi f'dak l-Istat Membru;

(c)

iż-żamma ta' kopja taċ-ċertifikati maħruġa għall-prodotti derivati mill-foki li joriġinaw minn kaċċa għall-foki f'dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli l-lista ta' awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 fuq il-websajt tagħha. Il-lista għandha tiġi aġġornata regolarment.

Artikolu 7

Sistemi elettroniċi għall-iskambju u r-reġistrazzjoni ta' data

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw sistemi elettroniċi għall-iskambju u r-reġistrazzjoni ta' data li tkun fiċ-ċertifikati.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-komplementarità, il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi msemmija fi-paragrafu 1.

Artikolu 8

Il-protezzjoni fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali

Dan ir-Regolament huma mingħajr ħsara għal-livell ta' protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, u b'mod partikolari ma jibdilx l-obbligi u d-drittijiet stipulati fid-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali għandha tiġi żgurata b'mod partikolari fir-rigward ta' kwalunkwe żvelar jew komunikazzjoni ta' data personali f'ċertifikat.

Artikolu 9

Dispożizzjoni tranżizzjonali

Ċertifikati maħruġa minn korp rikonoxxut skont ir- Regolament (UE) Nru 737/2010 qabel it-18 ta' Ottubru 2015 għandhom jibqgħu validi wara dik id-data.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mit-18 ta' Ottubru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 36.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta' Awwissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 216, 17.8.2010, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/1775 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 (ĠU L 262, 7.10.2015, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Noti ta' Gwida

Ġenerali:

Imla b'ittri kbar

Kaxxa 1.

Korp emittenti

Indika l-isem u l-indirizz tal-korp rikonoxxut li joħroġ iċ-ċertifikati.

Kaxxa 2.

Għall-użu tal-pajjiż emittenti

Spazju għall-użu tal-pajjiż emittenti.

Kaxxa 3.

Numru taċ-ċertifikat

Indika n-numru tal-ħruġ taċ-ċertifikat.

Kaxxa 4.

Pajjiż fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq

Indika l-pajjiż fejn il-prodott derivat mill-foki huwa intiż li jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba.

Kaxxa 5.

Il-kodiċi tal-ISO

Indika l-kodiċi b'żewġ ittri għall-pajjiż iddikjarat fil-Kaxxa 4.

Kaxxa 6.

Deskrizzjoni kummerċjali

Indika d-deskrizzjoni kummerċjali tal-prodott(i) derivat(i) mill-foki. Id-deskrizzjoni għandha tkun konsistenti mad-daħla fil-kaxxa 7.

Kaxxa 7.

Isem Xjentifiku

Indika l-isem xjentifiku (l-ismijiet xjentifiċi) tal-ispeċijiet ta' foki użati fil-prodott. Meta fi prodott kompost tkun inkluża aktar minn speċi waħda, indika kull speċi fuq linja separata.

Kaxxa 8.

Intestatura HS

Agħti l-kodiċi tal-merkanzija b'erba' jew b'sitt karattri stabbilit skont is-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija.

Kaxxa 9.

Pajjiż minn fejn ittieħdu l-foki

Indika l-pajjiż minn fejn il-foki użati fil-prodott ittieħdu mill-ambjent naturali tagħhom.

Kaxxa 10.

Il-kodiċi tal-ISO

Indika l-kodiċi b'żewġ ittri għall-pajjiż iddikjarat fil-Kaxxa 9.

Kaxxa 11.

Piż Nett

Agħti l-piż nett f'kg. Dan huwa definit bħala l-massa netta tal-prodotti derivati mill-foki, mingħajr il-kontenituri immedjati u l-ippakkjar, ħlief l-irfid, id-distanzjaturi, it-tikketti, eċċ.

Kaxxa 12.

Għadd ta' unitajiet

Indika l-għadd ta' unitajiet, meta applikabbli.

Kaxxa 13.

Marki distintivi

Meta applikabbli, indika kwalunkwe marka distintiva, bħan-numru tal-lott jew in-numru tal-polza tat-tagħbija.

Kaxxa 14.

Identifikatur Uniku

Indika kwalunkwe identifikatur tat-traċċabbiltà preżenti fuq il-prodott.

Kaxxa 15.

Firma u timbru tal-korp emittenti rikonoxxut

Din il-kaxxa trid tiġi ffirmata mill-uffiċjal awtorizzat, bl-indikazzjoni tal-post u d-data, u ttimbrata bit-timbru uffiċjali tal-korp emittenti rikonoxxut.

Kaxxa 16.

Approvazzjoni mid-dwana

L-awtorità doganali trid tindika n-numru tad-dikjarazzjoni doganali u żżid il-firma u t-timbru tagħha.