18.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/28


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1549

tas-17 ta' Settembru 2015

li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-estensjoni tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015 u l-avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2016

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Awwissu 2014, ir-Russja introduċiet projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi l-ħalib u prodotti tal-ħalib. Din il-projbizzjoni ħolqot disturbi fis-suq bi tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet minħabba l-fatt li suq importanti tal-esportazzjoni f'daqqa waħda ma baqax disponibbli.

(2)

Fil-25 ta' Ġunju 2015, ir-Russja estendiet il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni għal sena oħra, sas-6 ta' Awwissu 2016.

(3)

Barra minn hekk, id-domanda globali għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib iddeterjorat b'mod ġenerali matul l-2014 u fl-ewwel xhur tal-2015.

(4)

B'konsegwenza ta' dan, il-prezzijiet tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni komplew jiddeterjoraw u l-pressjoni 'l isfel x'aktarx li tibqa' għaddejja.

(5)

Għaldaqstant inħolqot sitwazzjoni fejn il-miżuri normali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jidhru li mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw id-disturb fis-suq.

(6)

L-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiprevedi li l-intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun disponibbli mill-1 ta' Marzu sat-30 ta' Settembru. F'konformità mal-miżuri eċċezzjonali temporanji stabbiliti bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2014 (2), fl-2015 l-intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat sar disponibbli mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru.

(7)

Sabiex tiġi prevista l-possibbiltà li l-miżuri kollha tas-suq jintużaw u li tiġi indirizzata sitwazzjoni fejn il-prezzijiet jiddeterjoraw aktar u d-disturbi tas-suq jiżdiedu, huwa essenzjali li l-intervent pubbliku jibqa' disponibbli mingħajr xkiel sal-bidu tal-perjodu ta' intervent li jmiss fl-1 ta' Marzu 2016.

(8)

Għaldaqstant jixraq li jiġi estiż il-perjodu tax-xiri ta' intervent għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2015 sal-31 ta' Diċembru 2015, u biex il-bidu tal-perjodu ta' xiri ta' intervent għall-2016 jiġi ffissat għall-1 ta' Jannar.

(9)

Sabiex ikun żgurat ili l-miżuri temporanji previsti f'dan ir-Regolament ikollhom impatt immedjat fuq is-suq u jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-perjodu li matulu huwa disponibbli l-intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2015 għandu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2015.

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fl-2016 l-intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun disponibbli mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Settembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2014 tas-16 ta' Diċembru 2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma ta' estensjoni tal-perjodu tal-intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2015, (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 13).