9.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1501

tat-8 ta' Settembru 2015

dwar il-qafas tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(8) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jistipula li għandu jiġi stabbilit qafas tal-interoperabbiltà għall-finijiet tal-interoperabbiltà tal-iskemi nazzjonali ta' identifikazzjoni elettronika nnotifikati skont l-Artikolu 9(1) ta' dak ir-Regolament.

(2)

In-nodi jaqdu rwol ewlieni fl-interkonnessjoni tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika tal-Istati Membri. Il-kontribut tagħhom huwa spjegat fid-dokumentazzjoni marbuta mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), inklużi l-funzjonijiet u l-komponenti tan-“nodu eIDAS”.

(3)

Fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni jipprovdu softwer biex jippermetti l-awtentikazzjoni lil nodu operat fi Stat Membru ieħor, il-parti li tforni s-softwer użat għall-mekkaniżmu tal-awtentikazzjoni u li taġġornah tista' tiftiehem mal-parti li tospita s-softwer dwar kif għandu jiġi ġestit l-operat għall-mekkaniżmu ta' awtentikazzjoni. It-tali ftehim ma għandux jimponi rekwiżiti tekniċi jew spejjeż sproporzonjati fuq il-parti ospitanti (inklużi l-appoġġ, ir-responsabbiltajiet, l-ospitar jew spejjeż oħra).

(4)

Sal-punt li l-implimentazzjoni tal-qafas tal-interoperabbiltà jiġġustifika dan, il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, tista' tiżviluppa iktar speċifikazzjonijiet tekniċi li jipprovdu dettalji dwar ir-rekwiżiti tekniċi kif stipulati f'dan ir-Regolament, filwaqt li tqis b'mod partikulari l-fehmiet tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 14(d) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 (3). It-tali speċifikazzjonijiet għandhom jiġu żviluppati bħala parti mill-infrastrutturi tas-servizzi diġitali tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013, li jipprovdi l-mezzi għall-implimentazzjoni prattika ta' modulu tal-identifikazzjoni elettronika.

(5)

Ir-rekwiżiti tekniċi stipulati f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw minkejja kull bidla li tista' ssir fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi skont l-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament.

(6)

Meta ġew stabbiliti l-arranġamenti tal-qafas tal-interoperabbiltà stipulat f'dan ir-Regolament, tqiesu kemm jista' jkun fil-fond il-Proġett Pilota fuq Skala Kbira STORK, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet żviluppati permezz tiegħu, u l-prinċipji u l-kunċetti tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà għas-Servizzi Pubbliċi Ewropej.

(7)

Ir-riżultati tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tqiesu fil-fond kemm jista' jkun.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula r-rekwiżiti tekniċi u operattivi tal-qafas tal-interoperabbiltà sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika li l-Istati Membri javżaw lill-Kummissjoni bihom.

Dawk ir-rekwiżiti jinkludu partikularment:

(a)

rekwiżiti tekniċi minimi marbutin mal-livelli ta' assigurazzjoni u l-immappjar tal-livelli ta' assigurazzjoni nazzjonali tal-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika nnotifikati maħruġa skont skemi ta' identifikazzjoni elettronika nnotifikati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, kif stipulat fl-Artikoli 3 u 4;

(b)

rekwiżiti tekniċi minimi għall-interoperabbiltà, kif stipulat fl-Artikoli 5 u 8;

(c)

is-sett minimu tad-dejta tal-identifikazzjoni personali li jirrappreżenta, b'mod uniku, lil persuna fiżika jew ġuridika, kif stipulat fl-Artikolu 11 u fl-Anness;

(d)

standards komuni tas-sigurtà operattiva kif stipulat fl-Artikoli 6, 7, 9 u 10;

(e)

arranġamenti għas-soluzzjoni tat-tilwim kif stipulat fl-Artikolu 13.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“nodu” tfisser punt ta' konnessjoni li huwa parti mill-arkitettura tal-interoperabbiltà tal-identifikazzjoni elettronika, u li huwa involut fl-awtentikazzjoni transfruntiera tal-persuni, u li għandu l-kapaċità jirrikonoxxi u jipproċessa t-trażmissjonijiet jew jibgħathom lil nodi oħra billi jippermetti lill-infrastruttura nazzjonali ta' identifikazzjoni elettronika ta' Stat Membru tinteraġixxi mal-infrastrutturi nazzjonali ta' identifikazzjoni elettronika ta' Stati Membri oħra;

(2)

“operatur tan-nodu” tfisser l-entità responsabbli biex tiżgura li n-nodu jaqdi l-funzjonijiet tiegħu ta' punt ta' konnessjoni tajjeb u b'mod affidabbli.

Artikolu 3

Rekwiżiti tekniċi minimi marbutin mal-livelli ta' assigurazzjoni

Ir-rekwiżiti tekniċi minimi marbutin mal-livelli ta' assigurazzjoni għandhom ikunu kif stipulat fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1502 (4).

Artikolu 4

L-immappjar tal-livelli ta' assigurazzjoni nazzjonali

L-immappjar tal-livelli ta' assigurazzjoni nazzjonali tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika nnotifikati għandu jsegwi r-rekwiżiti stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1502. Ir-riżultati tal-immappjar għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni bl-użu tal-mudell ta' notifika stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1505 (5).

Artikolu 5

Nodi

1.   Nodu fi Stat Membru għandu jkun kapaċi jaqbad ma' nodi fi Stati Membri oħra.

2.   In-nodi jridu jkunu kapaċi jiddistingwu lill-entitajiet tas-settur pubbliku minn mal-partijiet dipendenti l-oħra permezz ta' mezzi tekniċi.

3.   L-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi stipulati f'dan ir-Regolament min-naħa ta' Stat Membru partikulari ma għandhiex timponi rekwiżiti tekniċi u spejjeż sproporzjonati fuq Stati Membri oħra sabiex dawn ikunu jistgħu jinteraġixxu mal-implimentazzjoni adottata mill-ewwel Stat Membru.

Artikolu 6

Il-privatezza u l-kunfidenzjalità tad-dejta

1.   Il-protezzjoni tal-privatezza u tal-kunfidenzjalità tad-dejta skambjata u ż-żamma tal-integrità tad-dejta bejn in-nodi għandhom ikun żgurati billi jintużaw l-aqwa soluzzjonijiet tekniċi u prattiki tal-protezzjoni disponibbli.

2.   In-nodi ma għandhomx jerfgħu d-dejta personali, għajr għall-għan stipulat fl-Artikolu 9(3).

Artikolu 7

L-integrità tad-dejta u l-awtentiċità tagħha għall-komunikazzjoni

Il-komunikazzjoni fost in-nodi għandha tiżgura l-integrità u l-awtentiċità tad-dejta, sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti u r-risposti kollha jkunu awtentiċi u li dawn ma jkunux ġew imbagħbsa. Għal dan il-għan, in-nodi għandhom jużaw soluzzjonijiet li ġew implimentati b'suċċess fl-użu operattiv transfruntier.

Artikolu 8

Il-format tal-messaġġi għall-komunikazzjoni

Bħala sintassi, in-nodi għandhom jużaw il-formati komuni tal-messaġġi msejsa fuq standards li diġà ġew implimentati iktar minn darba mill-Istati Membri, u li wrew li jaħdmu f'ambjent operattiv. Is-sintassi għandha tippermetti:

(a)

l-ipproċessar kif suppost tas-sett minimu tad-dejta tal-identifikazzjoni personali li jirrappreżenta, b'mod uniku, lil persuna fiżika jew ġuridika;

(b)

l-ipproċessar kif suppost tal-livell ta' asssigurazzjoni tal-mezz ta' identifikazzjoni elettronika;

(c)

id-distinzjoni bejn l-entitajiet tas-settur pubbliku u partijiet oħra li jiddependu fuqhom;

(d)

il-flessibbiltà biex jintlaħqu l-bżonnijiet ta' attributi addizzjonali marbutin mal-identifikazzjoni.

Artikolu 9

Il-ġestjoni tal-informazzjoni tas-sigurtà u l-metadejta

1.   L-operatur tan-nodu għandu jikkomunika l-metadejta tal-ġestjoni tan-nodu b'mod standardizzat li jista' jinqara minn magna, kif ukoll b'mod sikur u affidabbli.

2.   Għandhom jinstabu awtomatikament tal-inqas il-parametri rilevanti għas-sigurtà.

3.   L-operatur tan-nodu għandu jaħżen dejta li, fil-każ ta' inċident, tippermetti li tinbena mill-ġdid is-sekwenza tal-iskambju tal-messaġġi biex jiġu stabbiliti l-post fejn seħħ l-inċident u n-natura tiegħu. Id-dejta għandha tinħażen għal ċertu perjodu ta' żmien skont ir-rekwiżiti nazzjonali u għandha tikkonsisti tal-inqas mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni tan-nodu;

(b)

l-identifikazzjoni tal-messaġġ;

(c)

id-data u l-ħin tal-messaġġ.

Artikolu 10

L-assigurazzjoni tal-informazzjoni u l-istandards tas-sigurtà

1.   L-operaturi tan-nodi li jipprovdu l-awtentikazzjoni għandhom juru li, għan-nodi li jkunu qed jieħdu sehem fil-qafas tal-interoperabbiltà, dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard ISO/IEC 27001 permezz ta' ċertifikazzjoni, jew ta' metodi ekwivalenti ta' valutazzjoni, jew billi jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.   L-operaturi tan-nodi għandhom jimplimentaw l-aġġornamenti kritiċi tas-sigurtà mingħajr dewmien.

Artikolu 11

Id-dejta ta' identifikazzjoni personali

1.   Is-sett minimu tad-dejta tal-identifikazzjoni personali li jirrappreżenta, b'mod uniku, lil persuna fiżika jew ġuridika għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness meta jintuża f'kuntest transfruntier.

2.   Is-sett minimu tad-dejta għal persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna ġuridika għandu jkun fih il-kombinament tal-attributi elenkati fl-Anness għall-persuni fiżiċi u għall-persuni ġuridiċi meta jintuża f'kuntest transfruntier.

3.   Id-dejta għandha tiġi trażmessa abbażi tal-karattri oriġinali, u fejn ikun xieraq, għandha tkun traskritta wkoll f'karattri Latini.

Artikolu 12

Speċifikazzjonijiet tekniċi

1.   Fejn il-proċess ta' implimentazzjoni tal-qafas tal-interoperabbiltà jkun jiġġustifika dan, in-Netwerk ta' Kooperazzjoni stabbilit bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/296 jista' jadotta opinjonijiet skont l-Artikolu 14(d) tagħha dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi. It-tali speċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jipprovdu aktar dettalji dwar ir-rekwiżiti tekniċi kif stipulat f'dan ir-Regolament.

2.   Skont l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, se tiżviluppa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi bħala parti mill-infrastrutturi tas-servizzi diġitali tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013.

3.   In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jadotta opinjoni skont l-Artikolu 14(d) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/296, li fiha jevalwa jekk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati skont il-paragrafu 2 jikkorrispondux mal-ħtieġa identifikata fl-opinjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament jew le, u safejn jagħmlu dan. Dan in-Netwerk lill-Istati Membri jista' jirrakkomandalhom iqisu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meta jimplimentaw il-qafas tal-interoperabbiltà.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi implimentazzjoni ta' referenza bħala eżempju tal-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. L-Istati Membri jistgħu japplikaw din l-implimentazzjoni ta' referenza, jew jużawha bħala kampjun meta jkunu qed jittestjaw implimentazzjonijiet oħra tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

Artikolu 13

Is-soluzzjoni tat-tilwim

1.   Fejn ikun possibbli, kull tilwim dwar il-qafas tal-interoperabbiltà għandu jissolva mill-Istati Membri kkonċernati permezz tan-negozjar.

2.   Jekk ma tintlaħaq l-ebda soluzzjoni skont il-paragrafu 1, in-Netwerk ta' Kooperazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 għandu jkollu l-kompetenza fit-tilwim skont ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 tal-24 ta' Frar 2015 li tistabbilixxi arranġamenti proċedurali għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 14).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1502 tat-8 ta' Settembru 2015 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u proċeduri minimi għal-livelli ta' assigurazzjoni għall-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ara l-paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1505 tat-8 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet u l-formati tekniċi marbutin mal-listi ta' fiduċja skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ara l-paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

Rekwiżiti għas-sett minimu ta' dejta tal-identifikazzjoni personali li tirrappreżenta b'mod uniku lil persuna fiżika jew ġuridika, kif imsemmi fl-artikolu 11

1.   Is-sett minimu ta' dejta għal persuna fiżika

Is-sett minimu ta' dejta għal persuna fiżika għandu jkun fih l-attributi obbligatorji kollha li ġejjin:

(a)

il-kunjom(ijiet) kurrenti;

(b)

l-isem/l-ismijiet kurrenti;

(c)

id-data tat-twelid;

(d)

identifikatur uniku mibni mill-Istat Membru mittenti skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-finijiet tal-identifikazzjoni transfruntiera, u li jkun kemm jista' jkun persistenti tul iż-żmien.

Is-sett minimu ta' dejta għal persuna fiżika jista' jkun fih attribut addizzjonali wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

l-isem/l-ismijiet u l-kunjom(ijiet) mat-twelid;

(b)

il-post tat-twelid;

(c)

l-indirizz kurrenti;

(d)

is-sess tal-persuna.

2.   Is-sett minimu ta' dejta għal persuna ġuridika

Is-sett minimu ta' dejta għal persuna ġuridika għandu jkun fih l-attributi obbligatorji kollha li ġejjin:

(a)

l-isem/l-ismijiet legali kurrenti;

(b)

identifikatur uniku mibni mill-Istat Membru mittenti skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-finijiet tal-identifikazzjoni transfruntiera, u li jkun kemm jista' jkun persistenti tul iż-żmien.

Is-sett minimu ta' dejta għal persuna ġuridika jista' jkun fih attribut addizzjonali wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

l-indirizz kurrenti;

(b)

in-numru ta' reġistrazzjoni tal-VAT;

(c)

in-numru ta' referenza tat-taxxa;

(d)

l-identifikatur marbut mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(e)

l-identifikatur ta' entità ġuridika (LEI) imsemmi fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1247/2012 (2);

(f)

in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) imsemmi fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 (3);

(g)

in-numru tas-sisa stipulat fl-Artikolu 2(12) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 (4).


(1)  Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1247/2012 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-format u l-frekwenza tar-rapporti tan-negozju lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 352, 21.12.2012, p. 20).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 tal-4 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 10).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta' Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1).