14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/42


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1394

tat-13 ta' Awwissu 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/588 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara investigazzjoni mill-ġdid ta' assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri oriġinali

(1)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ (“il-miżuri oriġinali”) huma rati ta' dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 (2) li jvarjaw minn 0,4 % sa 36,1 %. L-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament kien emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/588 (3). Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 (4), il-Kummissjoni imponiet ukoll rati ta' dazju kompensatorju rati li jvarjaw minn 3,2 % sa 17,1 %.

2.   Talba għal investigazzjoni mill-ġdid ta' assorbiment

(2)

Fit-12 ta' Novembru 2014, talba għal investigazzjoni mill-ġdid ta' assorbiment tal-miżuri antidumping oriġinali ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku. It-talba saret mill-assoċjazzjoni EU ProSun Glass (“l-applikant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali ta' ħġieġ solari fl-Unjoni.

(3)

L-applikant ippreżenta biżżejjed informazzjoni li turi li, wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u qabel u wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali, il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsu. Dan wassal għal żieda fil-marġni tad-dumping li dgħajfet l-effetti ta' rimedju intenzjonati tal-miżuri oriġinali. L-applikant ipprovda wkoll evidenza li turi li l-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari komplew jidħlu fl-Unjoni f'volumi sinifikanti.

(4)

Fid-19 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni ħabbret b'avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-bidu ta' investigazzjoni mill-ġdid ta' assorbiment, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ) (5).

3.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni mill-ġdid

(5)

Fin-Notifika ta' ftuħ mill-ġdid, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-applikant, lil produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ, lil importaturi, negozjanti, utenti, fornituri u l-awtoritajiet tar-RPĊ dwar il-bidu ta' investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(6)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. Wara l-iżvelar parti waħda talbet seduta bħal din mal-Kummissjoni u kienet f'pożizzjoni li tippreżenta l-opinjoni tagħha fit-23 ta' Ġunju 2015.

4.   Il-kampjunar ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ

(7)

Fin-Notifika ta' ftuħ mill-ġdid tagħha, il-Kummissjoni qalet li tista' tieħu kampjun tal-partijiet interessati f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(8)

Sabiex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifiki ta' ftuħ mill-ġdid. Barra minn hekk, il-Kummissjoni staqsiet lill-Missjoni tar-Repubblika taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm minnhom, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(9)

Ħames produtturi esportaturi Ċiniż jew gruppi ta' produtturi esportaturi, li jirrappreżentaw madwar 70 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi totali lejn l-Unjoni matul l-investigazzjoni attwali pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' żewġ gruppi ta' kumpaniji abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fil-ħin disponibbli. Iż-żewġ gruppi magħżula ta' kumpaniji jirrappreżentaw aktar minn 60 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi totali lejn l-Unjoni u 94 % tal-esportazzjonijiet mill-kumpaniji li kkooperaw f'din l-investigazzjoni.

(10)

Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa u kkonċernati kollha, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernati, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma sar l-ebda kumment. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-kampjun taż-żewġ gruppi ta' kumpaniji propost u l-partijiet interessati kollha ġew informati kif xieraq dwar il-kampjun finali magħżul.

(11)

Il-kampjun tal-produtturi esportaturi ta' ħġieġ solari kien dan li ġej:

Flat Solar Glass Group Co., Ltd (“Flat Glass Group”)

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (“Xinyi Group”)

5.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(12)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji liż-żewġ gruppi ta' produtturi esportaturi Ċiniżi magħżula u importaturi mhux relatati, kif ukoll lill-utenti li għamlu lilhom infushom magħrufin fil-limiti taż-żmien stabbiliti fin-notifika ta' ftuħ mill-ġdid.

(13)

Tweġibiet għall-kwestjonarju waslu mingħand żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u tliet importaturi/utenti tal-Unjoni mhux relatati.

6.   Żjarat ta' verifika

(14)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għall-għan ta' din l-investigazzjoni mill-ġdid. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Flat Glass Group, Jiaxing, Zhejiang, PRC

Xinyi Group, Wuhu, Anhui, PRC

7.   Divulgazzjoni

(15)

Il-partijiet interessati rċevew dokument ta' divulgazzjoni li kien fih il-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni pproponiet li temenda d-dazji antidumping definittiv fuq ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar l-iskadenza li qabilha setgħu jikkummentaw dwar dan l-iżvelar.

(16)

Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu, fejn kien xierqa.

8.   Il-perjodu tal-investigazzjoni

(17)

Il-perjodu ta' investigazzjoni ta' assorbiment għal din l-investigazzjoni mill-ġdid (“AIP”) kien mill-1 ta' Diċembru 2013 sat-30 ta' Novembru 2014. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni matul l-AIP ġew imqabbla ma' dawk matul il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali tal-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali, li kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sal-31 ta' Diċembru 2012 (“OIP”).

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(18)

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali u huwa definit bħala ħġieġ solari li jikkonsisti fi ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b'kontenut tal-ħadid ta' anqas minn 300 ppm, bi trażmittenza solari ta' aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1.5 300-2 500 nm), b'reżistenza għas-sħana li titla' sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), b'reżistenza għal xokkijiet termali ta' Δ 150K (imkejla skont l-EN 12150) u ta' saħħa mekkanika ta' 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott investigat”), li bħalissa huwa kopert mill-kodiċi NM ex 7007 19 80.

(19)

L-investigazzjoni wriet li l-prodott ikkonċernat, il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ, il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tat-Turkija, li serva bħala pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali u l-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi. Għalhekk huma meqjusa bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IS-SEJBIET

(20)

Investigazzjoni mill-ġdid ta' assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-prezzijiet ta' esportazzjoni naqsux u jekk kienx hemm biżżejjed moviment fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni ta' ħġieġ solari li joriġina fir-RPĊ mindu saret l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. Fejn ġie konkluż li l-assorbiment seħħ, limitu ġdid tal-marġini tad-dumping għandu jiġi kkalkulat.

1.   Tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni

(21)

L-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu, skont l-AIP, magħmula direttament lil klijenti mhux relatati fl-UE.

(22)

Il-Kummissjoni qabblet għaż-żewġ gruppi fil-kampjun il-prezzijiet tat-tipi ta' prodotti mibjugħa fl-AIP għall-istess tipi ta' prodott mibjugħ fl-OIP u kkalkulat livell medju peżat ta' assorbiment għaż-żewġ gruppi.

(23)

Matul l-investigazzjoni oriġinali l-kumpaniji fil-kampjun l-aktar esportaw ħġieġ solari mhux miksi flimkien ma' xi kwantitajiet żgħar ta' ħġieġ miksi. Il-primjum medju fil-prezzijiet tal-bejgħ bejn il-ħġieġ solari mhux miksi u miksi nstab li kien madwar 20 % matul l-investigazzjoni oriġinali. Madankollu, minn dak iż-żmien l-industrija tal-pannelli solari madwar id-dinja miexja minn użu ta' ħġieġ mhux miksi għall-ħġieġ miksi billi dan tal-aħħar huwa prodott aktar effiċjenti. Illum il-ġurnata, il-ħġieġ miksi sar il-kejl standard u l-ħġieġ solari mhux miksi jintuża prinċipalment għal installazzjonijiet f'ambjent b'kundizzjonijiet tat-temp ħżiena u ħorox. Din l-evoluzzjoni hija riflessa wkoll fl-imġiba tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-kampjun, li l-esportazzjonijiet tagħhom inbidlet kompletament minn ħġieġ solari mhux miksi għal ħġieġ solari miksi.

(24)

Il-paragun tal-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-IP fl-AIP juri li għal Flat Group, il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsu b'medja ta' 17,6 % u għal Xinyi Group b'30,4 % għall-prodott ikkonċernat esportat fl-AIP. Għalhekk assorbiment jista' jiġi stabbilit għaż-żewġ gruppi ta' kumpaniji.

(25)

Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament bażiku, importaturi, utenti u esportaturi kienu mogħtija l-opportunità li jipprovaw prova li tista' tiġġustifika tnaqqis fil-prezzijiet ta' esportazzjoni u nuqqas ta' moviment fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni li jsegwu l-impożizzjoni ta' miżuri għal raġunijiet oħra barra l-assorbiment tad-dazju antidumping.

(26)

Produttur esportatur wieħed sostna — u tenna l-istess pretensjoni wara żvelar — li t-tnaqqis tal-prezzijiet ta' esportazzjoni ma kienx minħabba assorbiment iżda minħabba metodi ta' produzzjoni effiċjenti, ekonomija ta' skala u ambjent aktar kompetittiv għall-prodott ikkonċernat. Bħala riżultat l-ispiża tal-produzzjoni kif ukoll il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu naqsu.

(27)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni. Din it-tip ta' pretensjoni tirreferi għall-prezzijiet tal-produzzjoni, u tista' biss tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta' eżami mill-ġdid tal-valur normali. Madankollu, skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku, bidliet allegati fil-valur normali għandhom jiġu kkunsidrati biss meta informazzjoni kompleta ta' valuri normali reveduti jkunu disponibbli lill-Kummissjoni. Dan ma kienx il-każ peress li l-ebda gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun ma talbu eżami mill-ġdid tal-valuri normali, kif previst fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku u kif imsemmi fil-punt 5.1.1.(a) tan-Notifika ta' ftuħ mill-ġdid. Għalhekk, l-ispiża tal-produzzjoni matul l-AIP ma kinitx ġiet ivverifikata u l-ambitu tal-investigazzjoni jibqa' limitat għall-eżami tal-prezzijiet tal-esportazzjoni. Kull pretensjoni rigward l-allegati bidliet fl-ispejjeż tal-produzzjoni u/jew il-valur normali jistgħu jiġu indirizzati biss fil-kuntest ta' reviżjoni interim, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(28)

Wara l-iżvelar produttur esportatur wieħed stqarr li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tiegħu ma naqsux jew għall-inqas mhux sal-istess punt daqs il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-kumpaniji fil-kampjun. Huwa argumenta wkoll li t-tnaqqis apparenti fil-prezzijiet tal-esportazzjoni taż-żewġ esportaturi Ċiniżi fil-kampjun u l-kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dumping u tal-ħsara tagħhom ma tistax tkun bażi għal rivalutazzjoni tad-dazju antidumping individwali ġdida tiegħu. Għalhekk, huwa talab eżami individwali skont l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

(29)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni. Dan il-produttur esportatur ma kkooperax f'din l-investigazzjoni u ma pprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta' żmien stipulati fl-avviż ta' bidu. Skont l- Artikolu 12(4) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni mill-ġdid titwettaq malajr u normalment tintemm fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni mill-ġdid. F'kull każ, dawn l-investigazzjonijiet mill-ġdid għandhom fil-każijiet kollha jintemmu fi żmien disa' xhur mill-bidu tal-investigazzjoni mill-ġdid. Eżami individwali, li kien mitlub biss fi stadju tard tal-proċediment wara l-iżvelar, għalhekk jipprevjeni t-tlestija tal-investigazzjoni fiż-żmien dovut.

(30)

Importatur/utent wieħed allega li l-industrija tal-ħġieġ solari fl-UE kellha provvista insuffiċjenti ta' ħġieġ solari ta' kwalità għolja b'mod speċjali biex tissodisfa t-talbiet tal-UE tal-industrija tal-moduli solari u għalhekk oppona l-impożizzjoni ta' miżuri addizzjonali. Huwa sostna wkoll li aktar miżuri antidumping iwasslu għal ċaqliq ta' produzzjoni ta' moduli solari barra l-UE.

(31)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn iż-żewġ pretensjonijiet. L-ewwel nett, dawn il-pretensjonijiet jaqgħu taħt it-test tal-interess tal-Unjoni li mhuwiex analizzat f'investigazzjoni mill-ġdid ta' assorbiment. It-tieni nett, skont it-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju l-utent irnexxielu jikseb 100 % tal-provvisti tiegħu ta' ħġieġ solari fl-AIP mill-UE u produtturi tal-ħġieġ solari f'pajjiżi terzi. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ġietx issostanzjata biżżejjed. L-istess huwa minnu dwar l-argument li l-impożizzjoni ta' miżuri addizzjonali jisfurzaw lill-produtturi ta' moduli solari tal-UE jesternalizzaw il-produzzjoni tagħhom barra mill-UE. Dan ix-xenarju jidher improbabbli. Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, il-parti ta' ħġieġ solari fl-ispiża tal-produzzjoni ta' modulu solari hija limitata, jiġifieri 6-8 %. Iż-żieda tal-miżuri għalhekk se jkollha biss impatt limitat fuq il-kostijiet totali tal-moduli solari, jiġifieri madwar 2-3 %.

2.   Id-dumping

(32)

Wara li assorbiment ġie stabbilit għaż-żewġ gruppi ta' kumpaniji, marġni ta' dumping ġew ikkalkulati mill-ġdid.

2.1.   Prezzijiet tal-esportazzjoni

(33)

Il-bejgħ kollu mill-produtturi esportaturi fil-kampjun sar direttament lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni għalhekk kienu bbażati fuq il-prezzijiet effettivament imħallsa jew li jistgħu jitħallsu għall-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

2.2.   Tqabbil

(34)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi investigati fuq bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika. Il-marġini tad-dumping ġew stabbiliti permezz ta' tqabbil tal-prezzijiet individwali mill-fabbrika tal-esportaturi inklużi fil-kampjun mal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-produttur tal-pajjiż analogu jew mal-valur normali maħdum kif xieraq.

(35)

Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(36)

Fuq din il-bażi, fil-każijiet kollha fejn intwera li tiġi affettwata l-paragunabbiltà tal-prezzijiet, saru aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasport, tat-trasport bil-baħar u tal-assigurazzjoni, għall-kosti tal-immaniġġar, tat-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, għad-dazji fuq l-esportazzjonijiet u għall-kummissjonijiet.

2.3.   Marġini tad-dumping

(37)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, il-marġnijiet tad-dumping għall-produtturi esportaturi fil-kampjun ġew stabbiliti fuq il-bażi ta' tqabbil tal-valur normali maħdum medju ponderat għal kull tip ta' prodott tal-prodott simili stabbilit fit-Turkija matul l-OPI, mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat ta' kull kumpanija matul l-AIP, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas.

(38)

B'riżultat ta' dan, il-marġni tad-dumping għal Xinyi Group żdied minn 83,1 % matul l-OIP għal 122,2 % fl-AIP u għall-Flat Group minn 90,1 % għal 122,4 %.

3.   Il-livell ta' eliminazzjoni ta' ħsara

(39)

Skont ir-regola tal-inqas dazju inferjuri fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku u minħabba li l-miżuri oriġinali kienu bbażati fuq il-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara, il-marġnijiet tal-ħsara ġew ikkalkulati mill-ġdid.

(40)

Il-livell ta' eliminazzjoni ta' ħsara ġie determinat abbażi ta' paragun tal-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi fil-kampjun matul l-AIP, bil-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul l-OIP. Kull differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil imbagħad ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni.

(41)

Wara l-iżvelar produttur esportatur wieħed ġab fid-dubju l-preċiżjoni tal-metodu użat mill-Kummissjoni. Biex jintwera dan, huwa sostna li anki jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu baqgħu l-istess fl-AIP meta mqabbla mal-prezzijiet matul mal-OIP, il-livell ta' eliminazzjoni ta' dannu kien jiżdied.

(42)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni. Il-produttur esportatur ikkonferma li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tiegħu kienu niżlu matul l-AIP. Għaldaqstant, l-assorbiment jista' jkun stabbilit bil-konsegwenza li marġni ta' dumping u ta' ħsara meħtieġa jiġu kkalkulati mill-ġdid.

(43)

Fuq din il-bażi, il-marġni ta' ħsara għal Xinyi Group żdied minn 39,3 % għal 107,00 % u għall-Flat Group minn 42,1 % għal 112,5 %.

D.   KONKLUŻJONI

(44)

Abbażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun assorbew id-dazju antidumping fis-seħħ. Għaldaqstant, il-miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina fir-RPĊ għandhom jiġu emendati f'konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku.

Livell ġdid tal-miżura

(45)

Skont ir-regola tal-inqas dazju fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, l-ewwel nett, il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont tad-dazji għandu jkun stabbilit fil-livell tal-marġini tad-dannu. Madankollu, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta' dazju antidumping ġdid li għandu jiġi impost ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont tad-dazju impost inizjalment.

(46)

Peress li l-investigazzjoni kontra s-sussidji tibqa' mhux affettwata minn din l-investigazzjoni, id-dazju kompensatorju għandu jitnaqqas sabiex jiġi determinat id-dazju antidumping il-ġdid.

(47)

Konsegwentement, għall-Flat Group id-dazju antidumping il-ġdid huwa ta' 71,4 % (jiġifieri d-doppju tal-marġni ta' ħsara attwalment applikabbli ta' 42,1 % mingħajr dazju kumpensatorju ta' 12,8 %) u għal Xinyi Group 75,4 % (jiġifieri d-doppju tal-marġni ta' ħsara ta' 39,3 % mingħajr dazju kumpensatorju ta' 3,2 %).

(48)

Minħabba r-rata għolja ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, id-dazju għall-“kumpaniji l-oħra kollha” ġie stabbilit fil-livell tal-ogħla dazju li għandu jiġi impost fuq il-kumpaniji fil-kampjun jew fuq dawk li kkooperaw fl-investigazzjoni. Id-dazju għall-“kumpaniji l-oħra kollha” se jiġi applikat għal dawk il-kumpaniji li ma kinux ikkooperaw fl-investigazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali u huma suġġetti għal dazju individwali tagħhom. Id-dazju antidumping ġdid tagħhom huwa stabbilit bħala d-doppju tal-marġni tal-ħsara attwali tagħhom li minnu d-dazju kompensatorju applikabbli ġie mnaqqas.

(49)

Għal dawk il-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u elenkati fit-tabella hawn taħt, il-marġni tad-dumping u tad-dannu ġew ikkalkulati bħala medja peżata tal-kumpaniji fil-kampjun. Sabiex jiġi stabbilit id-dazju antidumping ġdid, id-doppju tal-marġni ta' ħsara attwalment applikabbli ġie stabbilit bħala limitu li minnu d-dazju kumpensatorju applikabbli ġie mnaqqas.

(50)

Produttur esportatur li ma kkooperax, li kkooperat fl-investigazzjoni oriġinali, sostna li kien hemm nuqqas ta' bażi legali għaż-żieda tad-dazju antidumping eżistenti tiegħu jew inkella nuqqas ta' bażi legali għall-impożizzjoni ta' żieda tad-dazji antidumping daqstant għoli kif propost mill-Kummissjoni.

(51)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni. Il-bażi legali biex jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ huwa l-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku, liema Artikolu jispeċifika li l-ammont ta' dazju antidumping impost ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont tad-dazju impost inizjalment. Dan il-produttur ma kkooperax f'din l-investigazzjoni u għalhekk normalment għandu jkunu soġġett għad-dazju residwu. Madankollu, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku, kif stabbilit fil-premessa (48) ta' hawn fuq, id-dazju antidumping il-ġdid tiegħu huwa stabbilit bħala d-doppju tal-marġni ta' ħsara applikabbli attwali tiegħu, li minnu d-dazju kumpensatorju applikabbli ġie mnaqqas.

(52)

Ir-rata riveduta ta' dazju antidumping applikabbli, qabel id-dazju, għall-prezz nett ħieles minn kull piż fil-fruntiera tal-Unjoni tkun kif ġej:

Il-kumpanija

Marġni ġdida tad-dumping

Marġni ġdida tal-ħsara

Limitu skont l-Artikolu 12(3) BR (ara l-premessa (45))

Id-dazju kompensatorju

(mhux mibdula)

Dazju antidumping definittiv rivedut

Zhejiang Jiafu Glass Co., Ltd; Flat Solar Glass Group Co., Ltd; Shanghai Flat Glass Co., Ltd

122,4 %

112,5 %

84,2 %

12,8 %

71,4 %

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd

122,2 %

107,0 %

78,6 %

3,2 %

75,4 %

Zhejiang Hehe Photovoltaic Glass Technology Co., Ltd

122.4 %

112,5 %

52,4 %

17,1 %

35,3 %

Henan Yuhua New Material Co., Ltd

122,4 %

112,5 %

34,2 %

16,7 %

17,5 %

Avic Sanxin Sol-Glass Co. Ltd;

122,4 %

112,0 %

73 %

12,4 %

60,6 %

Avic Sanxin Sol-Glass Co. Ltd u Avic (Hainan) Special Glass Material Co., Ltd

122,4 %

112,5 %

73 %

12,4 %

60,6 %

Dongguan CSG Solar Glass Co., Ltd

122,4 %

112,0 %

73 %

12,4 %

60,6 %

Novatech Glass Co., Ltd

122,4 %

112,5 %

73 %

12,4 %

60,6 %

Pilkington Solar Taicang, Limited

122,4 %

112,0 %

73 %

12,4 %

60,6 %

Henan Ancai Hi-Tech Co., Ltd

122,4 %

112,5 %

73 %

17,1 %

55,9 %

Henan Succeed Photovoltaic Materials Corporation

122,4 %

112,5 %

73 %

17,1 %

55,9 %

Zibo Jinxing Glass Co., Ltd

122,4 %

112,5 %

73 %

17,1 %

55,9 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

122,4 %

112,5 %

84,2 %

17,1 %

67,1 %

(53)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 470/2014, kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/588, jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiva applikabbli għall-prezz nett u ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Il-kumpanija

Dazju antidumping definittiv

Il-Kodiċi Supplementari TARIC

Zhejiang Jiafu Glass Co., Ltd; Flat Solar Glass Group Co., Ltd; Shanghai Flat Glass Co., Ltd

71,4 %

B945

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd

75,4 %

B943

Zhejiang Hehe Photovoltaic Glass Technology Co., Ltd

35,3 %

B944

Henan Yuhua New Material Co., Ltd

17,5 %

B946

Henan Ancai Hi-Tech Co., Ltd

55,9 %

B947

Henan Succeed Photovoltaic Materials Corporation

55,9 %

B948

 

 

 

Avic Sanxin Sol-Glass Co. Ltd u Avic (Hainan) Special Glass Material Co., Ltd

60,6 %

B949

Wuxi Haida Safety Glass Co., Ltd

60,6 %

B950

Dongguan CSG Solar Glass Co., Ltd

60,6 %

B951

Pilkington Solar Taicang, Limited

60,6 %

B952

Zibo Jinxing Glass Co., Ltd

55,9 %

B953

Novatech Glass Co., Ltd

60,6 %

B954

Il-kumpaniji l-oħra kollha

67,1 %

B999 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta' Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/588 tal-14 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 470/2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 98, 15.4.2015, p. 6).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 tat-13 ta' Mejju 2014 li jimponi dazji definittivi kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet ta' ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 23).

(5)  ĠU C 457, 19.12.2014, p. 9.