8.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/3


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1366

tal-11 ta' Mejju 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-għajnuna lis-settur tal-apikultura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 56(1), 223(2) u 231(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 106(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3) u jistabbilixxi regoli ġodda rigward l-għajnuna fis-settur tal-apikultura. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-iskema ta' għajnuna fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' tali atti. Dawk l-atti għandhom jieħdu post ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004 (4).

(2)

L-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistqarr li l-Istati Membri jistgħu jfasslu programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura li jkopru perjodu ta' tliet snin (“programmi tal-apikultura”). Huwa meħtieġ li tiġi ffissata l-bażi għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri parteċipanti.

(3)

L-għadd ta' doqqajs f'kull Stat Membru parteċipanti huwa indikatur tad-daqs tas-settur tal-apikultura tal-Istati Membri. Is-sehem ta' kull Stat Membru fl-għadd totali ta' doqqajs fl-Unjoni jirrappreżenta bażi sempliċi li fuqha tinħadem il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura.

(4)

Sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni, l-Istati Membri parteċipanti għandu jkollhom metodu affidabbli biex jiġi ddeterminat l-għadd ta' doqqajs fit-territorju tagħhom.

(5)

Peress li l-għadd ta' doqqajs ivarja matul l-istaġuni tas-sena, huwa meħtieġ li jiġi ffissat il-perjodu meta l-għadd ta' doqqajs jiġi determinat.

(6)

Huwa meħtieġ għall-Kummissjoni li tkun taf l-għadd ta' doqqajs fl-Istati Membri mhux biss sabiex talloka l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura iżda wkoll sabiex issegwi x-xejra fl-għadd ta' doqqajs fl-Istati Membri ħalli tevalwa l-impatt tal-miżuri ta' appoġġ għas-settur tal-apikultura u biex tinforma liċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwal l-għadd ta' doqqajs stabbiliti b'konformità ma' dan ir-Regolament.

(7)

Sabiex jippermetti lill-Istati Membri kollha jimplimentaw il-programm tal-apikultura b'mod kosteffikaċi, għandu jiġi stabbilit ammont minimu speċifikat ta' għajnuna tal-Unjoni għal kull programm.

(8)

Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-Unjoni għall-apikultura, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jevitaw finanzjament doppju fir-rigward tal-programmi tal-apikultura tagħhom skont għajnuna fis-settur tal-apikultura b'konformità tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u skont appoġġ għall-iżvilupp rurali b'konformità tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(9)

Għal dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli għall-iffissar tar-rata tal-kambju applikabbli għall-finanzjament tal-programmi tal-apikultura. L-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju li għandha tintuża għandu jkun dak imsemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (6).

(10)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-miżuri tal-apikultura stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jinkludu fil-programmi tal-apikultura tagħhom approvati qabel l-1 ta' Jannar 2014, il-miżuri tal-apikultura l-ġodda elenkati fl-Artikolu 55(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(11)

Huwa meħtieġ li jiġu pprovduti miżuri tranżitorji għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura ta' bejn l-2017–19. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità mal-programmi tal-apikultura tal-2014–16 u biex jitħalla biżżejjed żmien għall-Istati Membri kollha ħalli jistabbilixxu metodu affidabbli biex jiġi ddeterminat l-għadd ta' doqqajs lest għax-xitwa bejn l-1 ta' Settembru u l-31 ta' Diċembru, l-allokazzjoni ta' fondi tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura ta' bejn l-2017–19 għandha ssir fuq il-bażi tal-għadd ta' doqqajs ikkomunikat fl-2013 mill-Istati Membri fil-programmi tal-apikultura rispettivi tagħhom tal-2014–16.

(12)

Għal raġunijiet ta' ċertezza u ċarezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 917/2004 għandu jitħassar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Doqqajs

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “doqqajs” ifisser l-unità li tikkontjeni l-kolonja tan-naħal tal-għasel użata għall-produzzjoni tal-għasel u prodotti oħra tal-apikultura jew materjal għat-trobbija tan-naħal tal-għasel, u l-elementi kollha meħtieġa għas-sopravivenza tagħha.

Artikolu 2

Metodu biex jiġi ddeterminat l-għadd ta' doqqajs

L-Istati Membri li jippreżentaw il-programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura kif imsemmi fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“programmi tal-apikultura”) għandu jkollhom metodu affidabbli sabiex jiddeterminaw, bejn l-1 ta' Settembru u l-31 ta' Diċembru ta' kull sena, l-għadd ta' doqqajs lest għax-xitwa preżenti fit-territorju tagħhom.

Artikolu 3

Notifika tal-għadd ta' doqqajs

Mill-2017, l-Istati Membri li jippreżentaw programmi tal-apikultura għandhom ta' kull sena jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta' doqqajs fit-territorju tagħhom lest għax-xitwa kif determinat skont il-metodu msemmi fl-Artikolu 2.

Artikolu 4

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura għandha tkun allokata lill-Istati Membri li għandhom programmi tal-apikultura fi proporzjon mal-medja tal-għadd ta' doqqajs innotifikata minn dawn l-Istati Membri skont l-Artikolu 3 matul is-sentejn kalendarji li jiġu immedjatament qabel in-notifika lill-Kummissjoni dwar il-programmi tal-apikultura. Il-limitu minimu ta' kontribuzzjoni tal-Unjoni għandu jkun ta' EUR 25 000 għal kull programm tal-apikultura.

Jekk l-ammont ta' finanzjament mill-Unjoni mitlub minn Stat Membru għall-programm tiegħu tal-apikultura huwa aktar baxx mill-allokazzjoni li tirriżulta mill-ewwel paragrafu, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura tal-Istati Membri l-oħra jistgħu jiġu miżjuda bi proporzjon mal-għadd ta' doqqajs li jkunu nnotifikaw rispettivament.

Artikolu 5

L-evitar ta' finanzjament doppju

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm finanzjament doppju tal-programmi tal-apikultura li tingħathalhom għajnuna fis-settur tal-apikultura skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

Artikolu 6

Avveniment operattiv għar-rata tal-kambju

Għall-ammonti mħallsa bħala għajnuna fis-settur tal-apikultura skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun dak imsemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014.

Artikolu 7

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 917/2004 huwa mħassar.

Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 917/2004 għandu jkompli japplika għall-programmi tal-apikultura approvati qabel l-1 ta' Jannar 2014 sakemm dawk il-programmi jintemmu.

Artikolu 8

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-Istati Membri jistgħu jemendaw il-programmi tagħhom tal-apikultura approvati qabel l-1 ta' Jannar 2014 sabiex jiġu inklużi l-miżuri tal-apikultura l-ġodda elenkati fl-Artikolu 55(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

2.   L-allokazzjoni ta' fondi tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura ta' bejn l-2017–19 għandha ssir fuq il-bażi tal-għadd ta' doqqajs ikkomunikat fl-2013 mill-Istati Membri fil-programmi tal-apikultura rispettivi tagħhom tal-2014–16.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004 tad-29 ta' April 2004 Dwar ir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 rigward il-miżuri għat-tittjib tal-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-marketing ta' prodotti tal-apikoltura. (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 83).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(6)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).