29.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/22


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1298

tat-28 ta' Lulju 2015

li jemenda l-Annessi II u VI tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur,

Billi:

(1)

Bħalissa t-3 benżilidenganfra huwa awtorizzat għall-użu fi prodotti kożmetiċi bħala filtru tal-UV f'konċentrazzjoni sa massimu ta' 2,0 %. Dan hu mniżżel taħt in-numru ta' referenza 19 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(2)

Fl-opinjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2013, il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) (2) ikkonkluda li, minħabba marġinu ta' sikurezza taħt il-100, l-użu tal-3-benżilidenganfra bħala filtru tal-UV fi prodotti kożmetiċi f'konċentrazzjoni sa 2,0 % huwa meqjus perikoluż.

(3)

Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-prodotti għall-ħarsien mix-xemx għas-saħħa umana huwa neċessarju li jitneħħa it-3-benżilidenganfra mil-lista ta' filtri tal-UV permessi fi prodotti kożmetiċi kif stabbilit fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(4)

Peress li t-3-benżilidenganfra huwa magħruf mhux biss bħala filtru tal-UV imma anke bħala assorbent tal-UV, l-użu tiegħu għandu jiġi pprojbit mill-użu fi prodotti kożmetiċi.

(5)

Għalhekk l-Annessi II u VI għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 għandhom jiġu emendati skont dan.

(6)

L-applikazzjoni ta' dik ir-restrizzjoni għandha tiġi ddifferita biex l-industrija tkun tista' tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fil-formulazzjonijiet tal-prodott. B'mod partikolari, l-impriżi għandhom jingħataw sitt xhur biex iqiegħdu fis-suq prodotti li jkunu konformi, sabiex jirtiraw prodotti mhux konformi mis-suq wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal- Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u VI tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Mit-18 ta' Frar 2016 għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni u jsiru disponibbli fih biss dawk il-prodotti kożmetiċi li jikkonformaw ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE tal-5 ta' Awwissu 2008 li twaqqaf Struttura Konsultattiva ta' Kumitati Xjentifiċi u esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/210/KE (ĠU L 241, 10.9.2008, p. 21).


ANNESS

Ir-Regolament (UE) Nru 1223/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Anness II għandha tiżdied din l-annotazzjoni:

In-numru ta' referenza

Isem kimiku/INN

Numru CAS

Numru KE

“1379

3- benżilidenganfra

15087-24-8

239-139-9”

(2)

Fl-Anness VI, l-annotazzjoni bin-numru ta' referenza 19 hija mħassra.