21.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/100


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1189

tat-28 ta' April 2015

li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-bojlers tal-fjuwil solidu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum ta' Konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/125/KE tesiġi li l-Kummissjoni tistipula r-rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta' bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li joffru potenzjal sinifikanti għal titjib mil-lat tal-impatt ambjentali tagħhom, mingħajr ma jinvolvu spejjeż eċċessivi.

(2)

L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2009/125/KE jipprevedi li, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2), u wara li tkun ikkonsultat il-Forum ta' Konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tintroduċi, kif xieraq, miżuri ta' implimentazzjoni għall-prodotti li joffru potenzjal għoli għal tnaqqis effettiv meta mqabbel man-nefqa fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra, bħal tagħmir tat-tisħin li jinkludi l-bojlers tal-fjuwil solidu u pakketti ta' bojler tal-fjuwil solidu, ħiters supplimentari, kontrolli tat-temperatura u apparat solari.

(3)

Il-Kummissjoni wettqet studju ta' tħejjija biex tanalizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi ta' bojlers tal-fjuwil solidu li tipikament jintużaw fid-djar u għal għanijiet kummerċjali. L-istudju twettaq flimkien mal-partijiet interessati tal-Unjoni u l-pajjiżi terzi, u r-riżultati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(4)

L-aspetti ambjentali tal-bojlers tal-fjuwil solidu li ġew identifikati bħala sinifikanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament huma l-konsum tal-enerġija fil-fażi tal-użu u l-emissjonijiet ta' materja partikulata (trab), aġenti organiċi komposti gassużi u l-ossidi tan-nitroġenu, u l-monossidu tal-karbonju fil-fażi tal-użu. Il-konsum annwali tal-enerġija marbut ma' bojlers tal-fjuwil solidu huwa mistenni li jkun 530 petajoules (“PJ”) (madwar 12,7 miljun tunnellata ta' ekwivalenti f'dak li hu żejt “Mtoe”) fl-2030 u l-emissjonijiet annwali mistennija jilħqu ammont li jkun 25 kilotunnellata (“KT”) ta' materja f'sura ta' partiċelli, 25 KT ta' organiċi komposti gassużi u 292 KT ta' monossidu tal-karbonju fl-2030. L-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu huma mistennija jiżdiedu minħabba d-disinji potenzjalment ġodda tal-bojlers tal-fjuwil solidu li jimmiraw għal effiċjenza enerġetika akbar u b'inqas emissjonijiet organiċi. L-istudju ta' tħejjija juri li l-konsum tal-enerġija fil-fażi tal-użu u l-emissjonijiet mill-bojlers tal-fjuwil jistgħu jitnaqqsu b'mod sinifikanti.

(5)

L-istudju ta' tħejjija juri li r-rekwiżiti ulterjuri dwar parametri oħra tal-ekodisinn għall-prodotti li jissemmew fil-Parti 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/125/KE mhumiex neċessarji fil-każ tal-bojlers tal-fjuwil solidu. B'mod partikolari, l-emissjonijiet tad-diossini u furani mhumiex identifikati bħala sinifikanti.

(6)

Bojlers li jipproduċu s-sħana esklussivament biex jipprovdu ilma għax-xorb jew ilma sanitarju sħun, bojlers għat-tisħin u d-distribuzzjoni ta' mezzi gassużi għat-trasferiment tas-sħana u bojlers ta' koġenerazzjoni b'kapaċità elettrika ta' 50 kW jew iżjed li jkollhom karatteristiċi tekniċi speċifiċi għandhom għalhekk jiġu eżentati minn dan ir-Regolament. Bojlers tal-bijomassa mhux tal-injam huma eżentati, għaliex fil-preżent ma hemmx biżżejjed informazzjoni madwar l-Ewropa sabiex jiġu determinati l-livelli xierqa għar-rekwiżiti tal-ekodisinn għalihom u jaf ikollhom impatti sinifikanti ulterjuri fuq l-ambjent, bħal emissjonijiet tal-furani u d-diossini. Meta jkun qed jiġi rrivedut dan ir-Regolament se jiġi vvalutat mill-ġdid kemm hu adegwat li wieħed jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal bojlers mhux tal-injam.

(7)

Il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-bojlers tal-fjuwil solidu jistgħu jitnaqqsu billi jiġu applikati teknoloġiji mhux proprjetarji eżistenti fil-kostijiet ikkombinati tax-xiri u t-tħaddim ta' dawn il-prodotti.

(8)

L-effett ikkombinat tar-rekwiżiti tal-ekodisinn stipulati f'dan ir-Regolament u fir-Regolament Delagat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1187 (2) sal-2030, huwa stmat li jirriżulta fi frankar tal-enerġija ta' madwar 18 PJ (madwar 0,4 Mtoe), flimkien ma' tnaqqis relatat ta' diossidu tal-karbonju (“CO2”), tnaqqis fl-emissjonijiet ta' madwar 0,2 Mt, u tnaqqis ta' 10 kt fil-partikuli, 14 kt fil-komposti organiċi gassużi, u 130 kt fil-monossidu karboniku.

(9)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet għal bojlers tal-fjuwil solidu madwar l-Unjoni, sabiex is-suq intern jaħdem aħjar u biex titjieb il-prestazzjoni ambjentali ta' dawn il-prodotti.

(10)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn m'għandhomx jaffettwaw il-funzjonalità jew l-affordibbiltà tal-bojlers tal-fljuwil solidu mill-perspettiva tal-utent aħħari u m'għandhomx jaffettwaw ħażin is-saħħa, is-sikurezza jew l-ambjent.

(11)

L-introduzzjoni ta' rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jagħtu lill-manifatturi biżżejjed żmien biex jiddisinjaw mill-ġdid il-prodotti tagħhom li huma suġġetti għal dan ir-Regolament. L-iskeda taż-żmien għandha tqis l-impatt fuq il-kostijiet għall-manifatturi, b'mod partikulari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, filwaqt li tiġi żgurata l-kisba f'waqtha tal-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

(12)

Il-parametri tal-prodott għandhom jitkejlu u jiġu kkalkulati permezz ta' metodi li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, u li jqisu l-metodi tal-kejl u tal-kalkolu l-aktar avvanzati rrikonoxxuti, inklużi, fejn ikunu disponibbli, standards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni wara talba mill-Kummissjoni, skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(13)

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, dan ir-Regolament jispeċifika liema proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità japplikaw. Filwaqt li jixraq li tiġi reveduta l-addattezza taċ-ċertifikazzjoni tal-parti terza fl-istess waqt kif rekwiżit mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 813/2013 (4) la huwa mixtieq u lanqas ma jidher li hu fattibbli li jiġu affettwati bidliet tal-valutazzjoni tal-konformità tal-bojlers tal-fjuwil solidu qabel id-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti dwar l-ekodisinn.

(14)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-konformità, il-manifatturi għandhom jipprovdu informazzjoni li tkun fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2009/125/KE safejn dik l-informazzjoni tkun relatata mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.

(15)

Sabiex ikomplu jillimitaw l-impatt ambjentali tal-bojlers tal-fjuwil solidu, il-manifatturi għandhom jipprovdu wkoll tagħrif dwar iż-żarmar, ir-riċiklaġġ u r-rimi tagħhom.

(16)

Minbarra r-rekwiżiti li jorbtu legalment li huma stabbiliti f'dan ir-Regolament, għandhom jiġu ddeterminati valuri indikattivi ta' referenza għall-aqwa teknoloġiji disponibbli sabiex ikun żgurat li t-tagħrif dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-bojlers tal-fjuwil solidu tul iċ-ċiklu ta' ħajjithom ikun disponibbli b'mod wiesa' u jkun aċċessibbli faċilment.

(17)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-servizz ta' bojlers tal-fjuwil solidu li jkollhom potenza termika nominali ta' 500 kilowatt (“kW”) jew inqas, inkluż dawk li huma integrati f'pakketti ta' bojler tal-fjuwil solidu, ħiters supplimentari, tagħmir għall-kontroll tat-temperatura u apparat solari kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/XXX.

2.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika:

(a)

għall-bojlers li jipproduċu s-sħana esklussivament biex jipprovdu ilma għax-xorb jew ilma sanitarju sħun;

(b)

għall-bojlers użati għat-tisħin u d-distribuzzjoni ta' mezzi gassużi għat-trasferiment tas-sħana bħal pereżempju l-fwar jew l-arja;

(c)

għall-bojlers ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu tal-post li jkollhom kapaċità elettrika massima ta' 50 kW jew iktar;

(d)

bojlers tal-bijomassa mhux tal-injam.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Minbarra d-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/125/KE, għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bojler tal-fjuwil solidu” tfisser apparat mgħammar b'ġeneratur tas-sħana minn fjuwil solidu wieħed jew aktar li jipprovdi s-sħana lil sistema ta' tisħin ċentrali bl-ilma sabiex tintlaħaq u tinżamm temperatura ta' ġewwa fil-livell mixtieq fi spazju jew spazji magħluqa, b'telf ta' sħana fl-ambjent tal-madwar ta' mhux aktar minn 6 % tal-potenza termika nominali;

(2)

“sistema ta' tisħin ċentrali bl-ilma” tfisser sistema li tuża l-ilma bħala mezz għat-trasferiment tas-sħana sabiex jiddistribwixxi s-sħana prodotta ċentralment għal bċejjeċ ta' apparat li jarmu s-sħana għat-tisħin ta' spazji magħluqa fi ħdan bini jew partijiet minnu, inkluż tisħin ta' blokok jew netwerks ta' tisħin distrettwali;

(3)

“ġeneratur tas-sħana minn fjuwil solidu” tfisser il-parti ta' bojler tal-fjuwil solidu li tipproduċi s-sħana mill-kombustjoni ta' karburanti solidi;

(4)

“Potenza termika nominali” jew “PR” tfisser il-potenza termika ddikjarata ta' bojler tal-fjuwil solidu meta jkun qed jipprovdi t-tisħin ta' spazji magħluqa bil-fjuwili preferut, mogħti f'kW;

(5)

“fjuwil solidu” tfisser fjuwil li huwa solidu f'temperaturi ambjentali normali ta' ġewwa, inklużi l-bijomassa solida u l-fjuwils fossili solidi;

(6)

“bijomassa” tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi ta' oriġini bijoloġika mill-agrikultura (inklużi s-sustanzi veġetali u tal-annimali), mill-forestrija u minn industriji oħrajn relatati, inkluż mis-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli tal-iskart industrijali u dak muniċipali;

(7)

“bijomassa tal-injam” tfisser bijomassa tal-injam li joriġina minn siġar, arbuxxelli, inkluż injam mill-għesieleġ, injam imlaqqax, injam ikkumpressata fl-għamla ta' gerbub, injam ikkumpressata fil-forma ta' trab ippressat fi briks, u serratura;

(8)

“bijomassa mhux tal-injam” tfisser bijomassa għajr bijomassa tal-injam, inklużi tiben, miskantu, qasab, ġlub, qmuħ, żrieragħ, għadam taż-żebbuġ, pasta taż-żebbuġ u qxur tal-ġwież;

(9)

“fjuwil fossili” tfisser fjuwil għajr bijomassa, inkluż antraċite, faħam kannella, kokk, faħam bituminuż; għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament tinkludi wkoll il-pit;

(10)

“bojler tal-bijomassa” tfisser bojler tal-fjuwiil solidu li juża l-fjuwil tal-bijomassa bħala l-fjuwil preferut;

(11)

“bojler tal-bijomassa mhux tal-injam” tfisser bojler tal-bijomassa li juża bijomassa mhux tal-injam bħala l-fjuwil preferut u li għalih il-bijomassa tal-injam, il-fjuwil fossili jew it-taħlita ta' bijomassa u l-fjuwils fossili li mhumiex elenkati fost il-fjuwils l-oħra adatti għalih;

(12)

“fjuwil preferut” tfisser il-fjuwil solidu uniku li għandu jiġi preferut għall-użu għall-bojler skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;

(13)

“fjuwil ieħor adattat” tfisser fjuwili solidu, għajr il-fjuwil preferut, li jista' jintuża f'bojler li jaħdem bil-fjuwil solidu skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur u li tinkludi kwalunkwe fjuwil li jissemma fil-manwal tal-istruzzjonijiet għall-installaturi u għall-utenti aħħarin, fuq siti elettroniċi b'aċċess ħieles tal-manifatturi, fil-materjal promozzjonali tekniku u fir-riklami;

(14)

“bojler ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu” tfisser bojler tal-fjuwil solidu li kapaċi li jipproduċi s-sħana u l-elettriku fl-istess ħin;

(15)

“effiċjenza enerġetika staġjonali tat-tisħin tal-ispazju” jew “ηs” tfisser il-proporzjon bejn id-domanda għat-tisħin tal-ispazju għal staġun tat-tisħin speċifikat imwassla minn bojler tal-fjuwil solidu, imqabbla mal-konsum annwali tal-enerġija meħtieġ sabiex tiġi ssodisfata din id-domanda, mogħti bħala %;

(16)

“materja partikolata” tfisser partiċelli ta' għamla, struttura u densità varji mifruxa fil-fażi gassuża tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija.

Fl-Anness I qed jingħataw iktar definizzjonijiet għall-għanijiet tal-Annessi II sa V.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn u skeda taż-żmien

1.   L-Anness II jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-bojlers tal-fjuwil solidu.

2.   Il-bojlers tal-fjuwil solidu għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II mill-1 ta' Jannar 2020.

3.   Il-konformità mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandha titkejjel u tiġi kkalkulata skont il-metodi stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema ta' kontroll intern tad-disinn stabbilita fl-Anness IV ta' dik id-Direttiva jew is-sistema ta' ġestjoni stabbilita fl-Anness V ta' dik id-Direttiva.

2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, il-fajl tad-dokumentazzjoni teknika għandu jinkludi l-informazzjoni stipulata fil-punt 2(c) tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Proċedura ta' verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

Meta jwettqu l-kontrolli ta' sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti stipulata fl-Anness II ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura tal-verifika deskritta fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Parametri ta' referenza indikattivi

L-Anness V jistabbilixxi l-valuri indikattivi ta' referenza għall-bojlers tal-fjuwil solidu bl-aqwa prestazzjoni li jkunu disponibbli fis-suq jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u għandha tippreżenta r-riżultati ta' din ir-reviżjoni lill-Forum ta' Konsultazzjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2022. B'mod partikolari, ir-reviżjoni għandha tivvaluta jekk huwiex xieraq:

(a)

li jiġu inklużi l-bojlers tal-fjuwil solidu b'potenza termika nominali sa 1 000 kilowatt;

(b)

li jiġu inklużi l-bojlers tal-bijomassa mhux tal-injam, bir-rekwiżiti tal-ekodisinn għal tipi speċifiċi tagħhom ta' emissjonijiet li jniġġsu;

(c)

li jiġu stabbiliti rekwiżiti iktar stretti 'l hinn mill-2020 tal-ekodisinn għall-effiċjenza tal-enerġija u għal emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli, organiċi komposti gassużi u l-monossidu tal-karbonju; u

(d)

li jiġu varjati t-tolleranzi tal-verifika.

2.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk jixraqx li tiġi introdotta ċertifikazzjoni ta' parti terza għal bojlers tal-fjuwil solidu u tippreżenta r-riżultati ta' dik il-valutazzjoni lill-Forum Konsultattiv sa mhux aktar tard mit-22 ta' Awwissu 2018.

Artikolu 8

Dispożizzjoni tranżitorja

Sal-1 ta' Jannar 2020 l-Istati Membri jistgħu jippermettu t-tqegħid fis-suq u t-tqegħid fis-servizz ta' bojlers tal-fjuwil solidu li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ dwar l-effiċjenza enerġetika staġjonali tat-tisħin tal-ispazji, u l-emissjonijiet ta' materja f'sura ta' partiċelli, organiċi komposti gassużi, monossidu tal-karbonju u ossidi tan-nitroġenu.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  Ir-Regolament Delagat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1187 tas-27 ta' April 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku ta' bojlers tal-fjuwil solidu u pakketti ta' bojler tal-fjuwil solidu, ħiters supplimentari, tagħmir għall-kontroll tat-temperatura u apparat solari (ara l-paġna 43 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 813/2013 tat-2 ta' Awwissu 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ħiters tal-post u għall-ħiters ikkombinati (ĠU L 239, 6.9.2013, p. 136).

(5)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).


ANNESS I

Definizzjonijiet applikabbli għall-Annessi II sa V

Għall-għanijiet tal-Annessi II sa V japplikaw id-defenizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali” tfisser:

(a)

fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu li jitqabbdu b'mod awtomatiku, medja differenzjata tal-emissjonijiet fir-rata tal-potenza termika u l-emissjonijiet fi 30 % tar-rata tal-potenza termika, espressi f'mg/m3;

(b)

fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu li jitqabbdu b'mod manwali li jistgħu jitħaddmu f'50 % tar-rata tal-potenza termika f'modalità kontinwa, medja differenzjata tal-emissjonijiet fir-rata tal-potenza termika u l-emissjonijiet f'50 % tar-rata tal-potenza termika, espressi f'mg/m3;

(c)

fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu li jitqabbdu b'mod manwali li ma jistgħux jitħaddmu f'50 % jew anqas tar-rata tal-potenza termika f'modalità kontinwa, l-emissjonijiet fir-rata tal-potenza termika, espressi f'mg/m3;

(d)

fil-każ ta' bojlers ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu, l-emissjonijiet fir-rata tal-potenza termika, espressi f'mg/m3.

(2)

“bojler tal-fjuwil fossili” tfisser bojler tal-fjuwil solidu li għalih il-fjuwil fossili jew taħlita ta' bijomassa u fuwil fossili huwa l-fjuwil preferut;

(3)

“qafas ta' bojler tal-fjuwil solidu” tfisser il-parti ta' bojler li jaħdem bil-fjuwil solidu maħsuba għall-armar ta' ġeneratur tas-sħana tal-fjuwil solidu;

(4)

“identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku tal-bojler tal-fjuwil solidu minn mudelli oħrajn bl-istess marka kummerċjali jew isem tal-manifattur;

(5)

“bojler li juża l-kondensazzjoni” tfisser bojler tal-fjuwil solidu li fih, fil-kundizzjonijiet operattivi normali u f'temperaturi tal-ilma partikulari tal-operat, parti mill-fwar tal-ilma fil-prodotti tal-kombustjoni jispiċċa kkondensat, sabiex is-sħana latenti ta' dan il-fwar tal-ilma tintuża għall-għanijiet tat-tisħin;

(6)

“bojler ikkombinat” tfisser bojler tal-fjuwil solidu li jkun iddisinjat b'mod li jipprovdi wkoll is-sħana sabiex iwassal ilma għax-xorb jew sanitarju sħun b'temperaturi, kwantitajiet u rati tal-fluss speċifiċi waqt intervalli speċifiċi u li jkun imqabbad ma' provvista esterna ta' ilma sanitarju jew għax-xorb;

(7)

“bijomassa tal-injam oħra” tfisser injam tal-għesieleġ b'kontenut ta' ndewwa ta' 25 % jew anqas, injam imqatta' b'kontenut ta' ndewwa ta' 15 % jew aktar, injam ikkumpressat fil-forma ta' pellets jew briquettes, jew ċana b'kontenut ta' ndewwa ta' 50 % jew anqas;

(8)

“kontenut ta' ndewwa” tfisser il-massa tal-ilma fil-fjuwil mqabbla mal-massa totali kif użata fil-bojlers tal-fjuwil solidu;

(9)

“fjuwil fossili ieħor” tfisser fjuwil fossili għajr faħam bituminuż, faħam kannella (inklużi briquettes), kokk, antraċite jew briquettes tal-fjuwil fossili mħallat;

(10)

“effiċjenza elettrika” jew “ηel ” tfisser il-proporzjon tal-elettriku li jkun qed jiġi prodott meta mqabbel mal-kontribut totali tal-enerġija ta' bojler ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu, espress bħala perċentwali, fejn il-kontribut totali tal-enerġija jingħata f'termini tal-ηel jew f'termini tal-enerġija finali mmultiplikata bil-valur ta' CC;

(11)

“valur kalorifiku gross” jew “GCV” tfisser l-ammont totali ta' sħana rrilaxxata minn unità ta' kwantità ta' fjuwil li jkun fiha l-kontenut xieraq ta' ndewwa, meta din tinħaraq kompletament bl-ossiġnu u meta l-prodotti tal-kombustjoni jerġgħu jinġiebu fit-temperatura ambjentali; din il-kwantità tinkludi s-sħana tal-kondensazzjoni tal-fwar tal-ilma ffurmat mill-kombustjoni ta' kwalunkwe idroġenu li jkun hemm fil-fjuwil;

(12)

“koeffiċjent ta' konverżjoni” jew “CC” tfisser koeffiċjent li jirrifletti l-medja tal-effiċjenza tal-ġenerazzjoni tal-UE, stmata bħala 40 %, imsemmija fid-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1); il-valur tal-koeffiċjent ta' konverżjoni huwa ta' CC = 2,5;

(13)

“rekwiżit tal-enerġija elettrika bil-potenza termika massima” jew “elmax ” tfisser il-konsum tal-enerġija elettrika tal-bojler tal-fjuwil solidu bir-rata tal-potenza termika espressa f'kW, għajr il-konsum tal-elettriku minn ħiter ta' riżerva, u minn tagħmir integrat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sekondarji

(14)

“rekwiżit tal-enerġija elettrika bil-potenza termika minima” jew “elmin ” tfisser il-konsum tal-elettriku tal-bojler tal-fjuwil solidu bit-tagħbija parzjali applikabbli, u mogħti f'kWh minbarra l-konsum tal-elettriku minn ħiter ta' riżerva u minn tagħmir integrat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sekondarji;

(15)

“ħiter ta' riżerva” tfisser element ta' reżistenza elettrika bl-effett-Joule li jipproduċi s-sħana biss biex jiskansa li jiffriżaw il-bojler li jaħdem bil-fjuwil solidu jew is-sistema ta' tisħin ċentrali bl-ilma jew meta l-provvista esterna tas-sors tas-sħana tiġi interrotta (inkluż matul il-perjodi ta' manutenzjoni) jew meta tinqalagħlu xi ħsara;

(16)

“tagħbija parzjali applikabbli” tfisser, fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mqabbda awtomatikament, operazzjoni fi 30 % tar-rata tal-potenza termika, u, fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mqabbda manwalment f'50 % tar-rata tal-potenza termika, operazzjoni f'50 % tar-rata tal-potenza termika;

(17)

“konsum tal-enerġija fil-modalità ta' stennija” jew “PSB ” tfisser il-konsum tal-enerġija ta' bojler tal-fjuwil solidu li jkun fil-modalità ta' stennija, minbarra minn tagħmir integrat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sekondarji espress f'kW;

(18)

“modalità ta' stennija” tfisser kundizzjoni li fiha l-bojler tal-fjuwil solidu jkun imqabbad mal-mejn, ikun jiddependi fuq l-enerġija introdotta mill-mejn biex jaħdem kif suppost u jkun jipprovdi biss il-funzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jippersistu għal żmien indefinit: funzjoni ta' riattivazzjoni, jew funzjoni ta' riattivazzjoni u sempliċement indikazzjoni li din il-funzjoni reġgħet ġiet attivata, jew turija ta' informazzjoni jew status;

(19)

“effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali fil-modalità attiva” jew “ηson ” tfisser:

(a)

fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu li jitqabbdu b'mod awtomatiku, medja differenzjata tal-effiċjenza siewja fir-rata tal-potenza termika u l-effiċjenza siewja fi 30 % tar-rata tal-potenza termika, espressa f' %;

(b)

fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu li jitqabbdu b'mod manwali li jistgħu jitħaddmu f'50 % tar-rata tal-potenza termika f'modalità kontinwa, medja differenzjata tal-effiċjenza siewja fir-rata tal-potenza termika u l-effiċjenza siewja f'50 % tar-rata tal-potenza termika, espressa f' %;

(c)

fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu li jitqabbdu b'mod manwali li ma jistgħux jitħaddmu f'50 % jew anqas tar-rata tal-potenza termika f'modalità kontinwa, l-effiċjenza siewja fir-rata tal-potenza termika, espressa f' %;

(d)

fil-każ ta' bojlers ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu, l-effiċjenza siewja fir-rata tal-potenza termika, espressa f' %;

(20)

“effiċjenza siewja” jew “η” tfisser il-proporzjon tal-potenza tas-sħana siewja u l-kontribut tal-enerġija totali ta' bojler tal-fjuwil solidu, espressi f' %, fejn il-kontribut totali tal-enerġija jiġi espress f'termini tal-GCV jew f'termini tal-enerġija finali mmultiplikata bil-valur ta' CC;

(21)

“potenza termika siewja” jew “P” tfisser il-potenza termika ta' bojler tal-fjuwil solidu trażmessa lill-fluwidu trasportatur tas-sħana, espressa f'kW;

(22)

“apparat għall-kontroll tat-temperatura” tfisser l-apparat li jservi ta' interfaċċa mal-utent aħħari b'rabta mal-valuri u l-iskeda taż-żmien tat-temperatura mixtieqa ta' ġewwa u li jikkomunika d-dejta rilevanti lil interfaċċa tal-bojler tal-fjuwil solidu bħall-proċessur ċentrali, biex b'hekk tkun tista' tiġi rregolata t-temperatura ta' ġewwa;

(23)

“valur kalorifiku gross bla ndewwa” jew “GCVmf” tfisser l-ammont totali ta' sħana rrilaxxata minn unità ta' kwantità ta' fjuwil imnixxef mill-indewwa inerenti, meta din tinħaraq kompletament bl-ossiġnu, u meta l-prodotti tal-kombustjoni jerġgħu jinġiebu fit-temperatura ambjentali; din il-kwantità tinkludi s-sħana tal-kondensazzjoni tal-fwar tal-ilma ffurmat mill-kombustjoni ta' kwalunkwe idroġenu li jkun hemm fil-fjuwil;

(24)

“mudell ekwivalenti” tfisser mudell imqiegħed fis-suq bl-istess parametri tekniċi stabbiliti fit-Tabella 1 tal-punt 2 tal-Anness II, bħal dawk ta' mudell ieħor imqiegħed fis-suq mill-istess manifattur.


(1)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).


ANNESS II

Rekwiżiti tal-ekodisinn

1.   Rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn

Mill-1 ta' Jannar 2020 il-bojlers tal-fjuwil solidu għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali għall-bojlers b'rata ta' potenza termika ta' 20 kW jew anqas ma għandhiex tkun inqas minn 75 %;

(b)

l-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali għall-bojlers b'rata ta' potenza termika ta' aktar minn 20 kW jew anqas ma għandhiex tkun inqas minn 77 %;

(c)

l-emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali ta' emissjonijiet ta' materja partikulata ma għandhomx ikunu ta' aktar minn 40 mg/m3 għal bojlers li jitqabbdu b'mod awtomatiku u ma għandhomx ikunu ta' aktar minn 60 mg/m3 għal bojlers li jitqabbdu b'mod manwali;

(d)

l-emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali ta' komposti gassużi organiċi ma għandhomx ikunu ta' aktar minn 20 mg/m3 għal bojlers li jitqabbdu b'mod awtomatiku u ma għandhomx ikunu ta' aktar minn 30 mg/m3 għal bojlers li jitqabbdu b'mod manwali;

(e)

l-emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali ta' monossidu tal-karbonju ma għandhomx ikunu ta' aktar minn 500 mg/m3 għal bojlers li jitqabbdu b'mod awtomatiku u ma għandhomx ikunu ta' aktar minn 700 mg/m3 għal bojlers li jitqabbdu b'mod manwali;

(f)

l-emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali ta' ossidi tan-nitroġenu, espressi f'diossidu tan-nitroġenu ma għandhomx ikunu ta' aktar minn 200 mg/m3 għal bojlers tal-bijomassa u ma għandhomx ikunu ta' aktar minn 350 mg/m3 għal bojlers tal-fjuwil fossili;

Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfati għall-fjuwil preferut u għal kull fjuwil ieħor addattat għall-bojler tal-fjuwil solidu.

2.   Ir-rekwiżiti għall-informazzjoni dwar il-prodotti

Mill-1 ta' Jannar 2020, l-informazzjoni li ġejja dwar il-bojlers tal-fjuwil solidu għandha tiġi pprovduta:

(a)

fil-manwali tal-istruzzjonijiet għall-installaturi u l-utenti aħħarin, u fuq websajts b'aċċess ħieles tal-manifatturi, ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom u l-importaturi:

(1)

it-tagħrif mogħti fit-Tabella 1, bil-parametri tekniċi, imkejjel u kkalkulat skont l-Anness III u li juri n-numru ta' ċifri sinifikanti indikati fit-tabella;

(2)

kull prekawzjoni speċifika li għandha tittieħed meta jiġi mmuntat jew jiġi installat il-bojler tal-fjuwil solidu jew meta ssirlu xi manutenzjoni;

(3)

struzzjoni dwar il-mod xieraq kif jopera bojler tal-fjuwil solidu u dwar ir-rekwiżiti ta' kwalità fir-rigward tal-fjuwil preferut u fjuwils xierqa oħra;

(4)

għall-ġeneraturi tas-sħana ddisinjati għall-bojlers tal-fjuwil solidu u l-oqfsa għall-bojlers tal-fjuwil solidu maħsubin biex ikunu mgħammra bit-tali ġeneraturi tas-sħana, il-karatteristiċi tagħhom, ir-rekwiżiti għall-immuntar tagħhom (sabiex tkun żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-bojlers tal-fjuwil solidu) u, fejn ikun xieraq, il-lista ta' kombinazzjonijiet rakkomandati mill-manifattur.

(b)

fuq il-parti għall-professjonisti tas-siti elettroniċi tal-aċċess b'xejn tal-manifatturi, tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom u tal-importaturi: tagħrif li huwa rilevanti għaż-żarmar, ir-riċiklaġġ u r-rimi tal-prodotti fi tmiem iċ-ċiklu ta' ħajja tagħhom.

(c)

fid-dokumentazzjoni teknika għall-għanijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 4:

(1)

l-informazzjoni elenkata fil-punti (a) u (b);

(2)

lista tal-mudelli ekwivalenti kollha, fejn applikabbli;

(3)

fejn il-fjuwil preferut jew kwalunkwe fjuwil ieħor adatt huwa differenti bijomassa tal-injam oħra, minn bijomassa mhux tal-injam, minn fjuwil fossili ieħor jew minn taħlita ta' bijomassa u fjuwil fossili kif imsemmija fit-Tabella 1, deskrizzjoni tal-fjuwil li tkun biżżejjed għall-identifikazzjoni mhux ambigwa tiegħu u l-istandard tekniku jew speċifikazzjoni tal-fjuwil, inklużi l-kontenut imkejjel ta' ndewwa, u l-kontenut imkejjel tal-irmied, u wkoll għal fjuwils fossili oħra l-kontenut volatili mkejjel tal-fjuwil.

(d)

il-kapaċità elettrika, immarkata b'mod permanenti fuq il-bojler ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tista' tingħaqad mad-dokumentazzjoni teknika pprovduta skont il-miżuri fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/30/UE.

Tabella 1

Rekwiżiti ta' informazzjoni għal bojlers tal-fjuwil solidu

Identifikatur(i) tal-mudell

Modalità tan-najjar: [Manwal: il-bojler għandu jitħaddem b'tank tal-ħażna tal-ilma jaħraq ta' volum tal-anqas x (*) litri/Awtomatiku: huwa rrakkomandat li l-bojler jitħaddem b'tank tal-ħażna tal-ilma jaħraq ta' volum tal-anqas x (**) litri]

Bojler li juża l-kondensazzjoni: [iva/le]

 

Bojler ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu: [iva/le]

Bojler ikkombinat: [iva/le]

Fjuwil

Fjuwil preferut (wieħed biss):

Fjuwil(s) ieħor/oħrajn addattat(i):

ηs [x%]:

Emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali (****)

PM

OGC

CO

NOx

[x] mg/m3

Injam tal-għesieleġ, kontenut ta' ndewwa ≤ 25 %

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Injam imqatta', kontenut ta' ndewwa ≤ 15-35 %

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Injam imqatta', kontenut ta' ndewwa > 35 %

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Injam ikkumpressat fil-forma ta' pellets jew briquettes

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Ċana, kontenut ta' ndewwa ≤ 50 %

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Bijomassa tal-injam oħra

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Bijomassa mhux tal-injam

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Faħam bituminuż

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Faħam kannella (inklużi briquettes)

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Kokk

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Antraċit

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Briquettes tal-fjuwil fossili imħallat

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Fjuwils fossili oħra

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Bijomassa mħallta (30-70 %)/briquettes ta' fjuwil fossili

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Taħlita oħra ta' bijomassa u fjuwil fossili

[iva/le]

[iva/le]

 

 

 

 

 

Karatteristiċi meta jopera bil-fjuwil preferut biss:

Fattur

Simbolu

Valur

Unità

 

Fattur

Simbolu

Valur

Unità

Produzzjoni tas-sħana utli

 

Effiċjenza utli

Fir-rata tal-potenza termika

Pn  (***)

x,x

kW

 

Fir-rata tal-potenza termika

ηn

x,x

%

Fi [30 %/50 %] tar-rata tal-potenza termika, meta applikabbli

Pp

[x,x/N.A.]

kW

 

Fi [30 %/50 %] tar-rata tal-potenza termika, meta applikabbli

ηp

[x,x/N.A.]

%

Għall-bojlers ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu: Effiċjenza elettrika

 

Il-konsum tal-elettriku awżiljarju

 

Bir-rata tal-potenza termika

elmax

x,xxx

kW

Fir-rata tal-potenza termika

ηel,n

x,x

%

 

Bi [30 %/50 %] tar-rata tal-potenza termika, meta applikabbli

elmin

[x,xxx/N.A.]

kW

 

Tat-tagħmir integrat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sekondarji, jekk applikabbli

[x,xxx/N.A.]

kW

 

Fil-modalità ta' stennija

PSB

x,xxx

kW

 

Dettalji ta' kuntatt

L-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

 


(*)  Volum tat-tank = 45 × Pr × (1 – 2,7/Pr) jew 300 litru, skont liema l-ogħla, b' Pr indikat f'kW

(**)  Volum tat-tank = 20 × Pr bi Pr indikat f'kW

(***)  Għall-fjuwil preferut Pn ifisser Pr

(****)  PM = materja partikulata, OGC = komposti gassużi organiċi, CO = monossidu tal-karbonju, NOx = ossidi tan-nitroġenu


ANNESS III

Kejl u kalkoli

1.   Għall-għanijiet tal-konformità u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru billi jintużaw standards armonizzati li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan il-għan f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew billi jintużaw metodi oħrajn li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi l-aktar avvanzati ġeneralment irrikonoxxuti. Dawn għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet u l-parametri tekniċi stipulati fil-punti 2 sa 6.

2.   Kundizzjonijiet ġenerali għall-kejl u l-kalkoli

(a)

Il-bojlers tal-fjuwil solidu għandhom jiġu ttestjati għall-fjuwil preferut u kwalunke fjuwil xieraq kif indikat fit-tabella 1 tal-Anness II, għajr il-bojlers ittestjati għal injam imqatta' b'kontenut ta' ndewwa ta' aktar minn 35 % li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli u li jitqiesu li jissodisfaw ukoll it-tali rekwiżiti għal injam imqatta' b'kontenut ta' ndewwa ta' 15-35 % u li mhumiex rekwiżiti li jiġu ttestjati għal injam imqatta' b'kontenut ta' ndewwa ta' 15-35 %.

(b)

Il-valuri ddikjarati għall- effiċjenza tal-enerġija tat-tisħin tal-ispazju staġjonali u l-emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali għandhom jiġu ssimplifikati sal-eqreb numru sħiħ.

(c)

Kwalunkwe ġeneratur tas-sħana mill-fjuwil solidu li jkun iddisinjat għal bojler tal-fjuwil solidu u kwalunkwe qafas għall-bojler tal-fjuwil solidu maħsub biex ikun mgħammar bit-tali bojler tal-fjuwil solidu għandu jiġi ttestjat b'qafas xieraq għall-ħiter tal-ilma u b'ġeneratur xieraq tas-sħana.

3.   Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali.

(a)

Il-valuri tal-effiċjenza utli ηn , ηp u l-valuri tal-potenza tas-sħana utli Pn , Pp għandhom jitkejlu, fejn jixraq. Fil-każ ta' bojlers koġeneraturi tal-fjuwil solidu ηel,n jitkejjel ukoll.

(b)

L-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali, ηs , għandha tiġi kkalkulata bħala l-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-post fil-modalità attiva, ηson , ikkoreġuta b'fatturi li jqisu l-apparat għall-kontroll tat-temperatura, il-konsum tal-elettriku awżiljarju u, għall-bojlers koġeneraturi tal-fjuwil solidu, billi tiżdied l-effiċjenza elettrika mmultiplikata b'koeffiċjent ta' konverżjoni, CC ta' 2,5.

(c)

Il-konsum tal-elettriku għandu jiġi mmultiplikat b'koeffiċjent ta' konverżjoni, CC, ta' 2,5.

4.   Il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali.

(a)

L-effiċjenza tal-enerġija tat-tistħin tal-ispazju staġjonali ηs hija definita bħala:

ηs = ηson F(1)F(2) + F(3)

fejn:

(1)

ηson hija l-effiċjenza tal-enerġija tat-tisħin tal-ispazju staġjonali b'modalità attiva espressa f'perċentwal, ikkalkulat kif inhu msemmi fil-punt 4(b);

(2)

F(1) jammonta għal telf mal-effiċjenza enerġetika staġonali tat-tisħin tal-ispazju minħabba l-kontribuzzjonijiet aġġustati għall-kontroll tat-temperatura; F(1) = 3 %;

(3)

F(2) jammonta għal kontribuzzjoni negattiva lill-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali mill-konsum tal-elettriku awżiljarju, espressa bħala perċentwal, u li tkun kkalkolata kif stabbilit fil-punt 4(c);

(4)

F(3) jirrappreżenta kontribuzzjoni pożittiva lill-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali mill-effiċjenza elettrika tal-bojlers ta' koġenerazzjoni tal-fjuwili solidu, espressa bħala perċentwal, u li tiġi kkalkulata kif ġej:

F(3) = 2,5 × ηel,n

(b)

l-effiċjenza tal-enerġija tat-tisħin tal-ispazju staġjonali f'modalità attiva, ηson , tiġi kkalkulata kif ġej:

(1)

Fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mħaddma manwalment li jkunu jistgħu jiġu operati b'50 % tal-potenza termika nominali b'modalità kontinwa, u fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mħaddma awtomatikament:

ηson  = 0,85 × ηp  + 0,15 × ηn

(2)

Fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mħaddma manwalment li ma jkunux jistgħu jiġu operati b'50 % tal-potenza termika nominali b'modalità kontinwa, u fil-każ ta' bojlers ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu:

ηson = ηn

(c)

F(2) jiġi kkalkulat kif ġej:

(1)

Fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mħaddma manwalment li jkunu jistgħu jiġu operati b'50 % tal-potenza termika nominali b'modalità kontinwa, u fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mħaddma awtomatikament:

F(2) = 2,5 × (0,15 × elmax + 0,85 × elmin + 1,3 × PSB )/(0,15 × Pn  + 0,85 × Pp )

(2)

Fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mħaddma manwalment li ma jkunux jistgħu jiġu operati b'50 % tal-potenza termika nominali b'modalità kontinwa, u fil-każ ta' bojlers ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu:

F(2) = 2,5 × (elmax + 1,3 × PSB)/Pn

5.   Kalkolu tal-valur kalorifiku gross

Il-valur kalorifiku gross (GCV) għandu jinkiseb mill-valur kalorifiku gross bla ndewwa (GCVmf ) billi tiġi applikata l-konverżjoni li ġejja:

GCV = GCVmf × (1 – M)

fejn:

(a)

GCV u GCVmf huma espressi f'megajoules għal kull kilogramm;

(b)

M hija l-kontenut ta' ndewwa tal-fjuwil, espressa bħala proporzjon.

6.   L-emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali

(a)

L-emissjonijiet ta' materja partikulata, organiċi komposti gassużi, monossidu tal-karbonju u ossidi tan-nitroġenu għandu jkun espress b'mod standardizzat fuq bażi ta' gass niexef li joħroġ mit-trombi taċ-ċmieni b'10 % ossiġnu u kundizzjonijiet standard ta' 0 °C u 1 013 millibar.

(b)

L-emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali Es , tal-materja partikulata, organiċi komposti gassużi, monossidu tal-karbonju u ossidi tan-nitroġenu rispettivi jiġu kkalkulati kif ġej:

(1)

Fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mħaddma manwalment li jkunu jistgħu jiġu operati b'50 % tal-potenza termika nominali b'modalità kontinwa, u fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mħaddma awtomatikament:

Es  = 0,85 × Es,p  + 0,15 × Es,n

(2)

Fil-każ ta' bojlers tal-fjuwil solidu mħaddma manwalment li ma jkunux jistgħu jiġu operati b'50 % tal-potenza termika nominali b'modalità kontinwa, u fil-każ ta' bojlers ta' koġenerazzjoni tal-fjuwil solidu:

Es = Es,n

fejn:

(a)

Es,p huma l-emissjonijiet tal-materja partikulata, organiċi komposti gassużi, monossidu tal-karbonju u ossidi tan-nitroġenu rispettivi bi 30 % jew 50 % tal-potenza termika nominali, kif applikabbli;

(b)

Es,n huma l-emissjonijiet tal-materja partikulata, organiċi komposti gassużi, monossidu tal-karbonju u ossidi tan-nitroġenu rispettivi mkejla bil-potenza termika nominali.

(c)

L-emissjonijiet ta' materja partikulata għandhom jitkejlu b'metodu gravimetriku mingħajr kull materja partikulata iffurmata minn komposti gassużi organiċi meta gass fiċ-ċumnija jitħallat mal-arja tal-ambjent.

(d)

L-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu għandhom jiġu kkalkolati bħala s-somma tal-monossidu tan-nitroġenu u tad-diossidu tan-nitroġenu, u għandhom jingħataw bħala ammont ta' dijossidu tan-nitroġenu.


ANNESS IV

Proċedura ta' verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta' verifika li ġejja għar-rekwiżiti mogħtija fl-Anness II meta jkunu qed iwettqu l-verifiki tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE:

(1)

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw apparat wieħed għal kull mudell. L-unità għandha tiġi ttestjata b'wieħed jew aktar mill-fjuwils bil-karatteristiċi fl-istess medda bħal tal-fjuwil(s) li ntużaw mill-manifattur biex iwettaq il-kejl skont l-Anness III.

(2)

Il-mudell għandu jitqies li jkun konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament jekk:

(a)

il-valuri fid-dokumentazzjoni teknika jikkonformaw mar-rekwiżiti mogħtija fl-Anness II; u wkoll

(b)

l-ittestjar tal-parametri tal-mudell li huma elenkati fit-Tabella 2 juri l-konformità ta' dawk il-parametri kollha;

(3)

Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 2(a), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti l-oħra kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma' dan ir-Regolament. F'każ li ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 2(b), l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jagħżlu b'mod każwali għall-ittestjar tliet unitajiet addizzjonali tal-istess mudell. Bħala alternattiva, it-tliet unitajiet addizzjonali magħżula jistgħu jkunu ta' mudell ekwivalenti wieħed jew aktar li ġew elenkati bħala prodotti ekwivalenti fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur.

(4)

Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament jekk l-ittestjar tal-parametri tal-mudell relevanti elenkat fit-Tabella 2 għat-tliet unitajiet addizzjonali juri konformità ma' dawk il-parametri kollha.

(5)

Jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punt 4, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti l-oħra kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma' dan ir-Regolament. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħtu r-riżultati tat-testijiet u l-informazzjoni l-oħra rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien xahar minn meta tittieħed id-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta' konformità tal-mudell.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu mogħtija fl-Anness III.

It-tolleranzi tal-verifika stipulati f'dan l-Anness jirreferu biss għall-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istat Membru u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur jew l-importatur bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri fid-dokumentazzjoni teknika.

Tabella 2

Parametru

Tolleranzi tal-verifika

L-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali ηs

Il-valur determinat (1) mhux aktar minn 4 % anqas mill-valur iddikjarat tal-unità.

L-emissjonijiet ta' materja partikulata

Il-valur determinat (1) mhux aktar minn 9 mg/m3 ogħla mill-valur iddikjarat tal-unità.

L-emissjonijiet ta' komposti organiċi gassużi

Il-valur determinat (1) mhux aktar minn 7 mg/m3 ogħla mill-valur iddikjarat tal-unità.

L-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju

Il-valur determinat (1) mhux aktar minn 30 mg/m3 ogħla mill-valur iddikjarat tal-unità.

L-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu

Il-valur determinat (1) mhux aktar minn 30 mg/m3 ogħla mill-valur iddikjarat tal-unità.


(1)  Il-medja aritmetika tal-valuri stabbiliti fil-każ ta' tliet unitajiet addizzjonali ttestjati kif preskritt fil-punt 3.


ANNESS V

Punti ta' riferiment indikattivi msemmija fl-Artikolu 6

Il-punti ta' riferiment indikattivi għall-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq għal bojlers tal-fjuwil solidu fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament huma dawn li ġejjin. Fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ma ġie identifikat l-ebda bojler ta' fjuwil solidu partikolari li jissodisfa l-valuri kollha speċifikati fil-punti 1 u 2. Diversi bojlers ta' fjuwil solidu ssodisfaw wieħed jew aktar minn dawn il-valuri:

(1)

Għall-effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali: 96 % għall-bojlers koġeneraturi tal-fjuwil solidu, 90 % għall-bojlers tal-kondensjoni u 84 % għall-bojlers ta' fjuwil solidu ieħor.

(2)

Għall-emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali:

(a)

2 mg/m3 għall-materja partikulata għall-bojlers tal-bijomassa; 10 mg/m3 għall-bojlers tal-fjuwil fossili;

(b)

1 mg/m3 għall-komposti gassużi organiċi;

(c)

6 mg/m3 għall-monossidu tal-karbonju;

(d)

97 mg/m3 għall-ossidi tan-nitroġenu għall-bojlers tal-bijomassa; 170 mg/m3 għall-bojlers tal-fjuwil fossili.

Il-valuri ta' riferiment speċifikati fil-punti 1 u 2(a) sa (d) mhux bilfors ifissru li bojler tal-fjuwil solidu partikulari kapaċi jilħaq kombinazzjoni ta' dawn il-valuri. Eżempju ta' kombinazzjoni tajba huwa mudell eżistenti b'effiċjenza enerġetika tat-tisħin tal-ispazju staġjonali ta' 81 % u b'emissjonijiet tat-tisħin tal-ispazju staġjonali ta' materja partikulata ta' 7 mg/m3, ta' komposti organiċi gassużi ta' 2 mg/m3, ta' monossidu tal-karbonju ta' 6 mg/m3 u ta' ossidi tan-nitroġenu ta' 120 mg/m3.