17.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/923

tal-11 ta' Marzu 2015

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 241/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikulari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 36(2) u t-tielet subparagrafu ta' 73(7) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 84(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju u tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tar-rekwiżiti tal-fondi proprji fl-Unjoni, huwa importanti li jiġi żgurat li jkun hemm approċċ uniformi rigward it-tnaqqis mill-fondi proprji ta' affarijiet ta' parteċipazzjonijiet indiretti u sintetiċi fi strumenti ta' fondi proprji tal-istituzzjonijiet u parteċipazzjonijiet indiretti u sintetiċi f'entitajiet tas-settur finanzjarju.

(2)

Peress li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 diġà jipprovdi regoli għal parteċipazzjonijiet diretti fi strumenti ta' fondi proprji tal-istituzzjoni nnifisha u parteċipazzjonijiet diretti tal-istrumenti ta' fondi proprji ta' entitajiet oħra fis-settur finanzjarju, regoli ġodda għandhom jiġu stabbiliti għat-tnaqqis mill-fondi proprji ta' parteċipazzjonijiet mill-isituzzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' parteċipazzjonijiet sintetiċi u indiretti ta' tali strumenti mill-istituzzjoni nnifisha jew f'tali strumenti ta' entitajiet oħra fis-settur finanzjarju.

(3)

It-trattament ta' parteċipazzjonijiet indiretti li jirriżultaw minn parteċipazzjonijiet ta' indiċi huwa kopert mill-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u mill-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 (2). Madankollu, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 241/2014 ma jkoprix parteċipazzjonijiet indiretti u sintetiċi li jqumu fil-kuntest ta' punti (f), (h) u (i) tal-Artikolu 36(1), punti (a), (c), (d) u (f) tal-Artikolu 56, u l-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġodda dwar it-trattament ta' parteċipazzjonijiet indiretti u sintetiċi msemmija f'dawk il-punti.

(4)

Fejn l-affidabbiltà kreditizja tal-istituzzjoni stess issuq ir-rati stabbiliti bl-indiċi tas-suq li huma wkoll użati bħala referenza għar-remunerazzjoni ta' strumenti tal-Grad 1 u l-Grad 2 Addizzjonali tal-istituzzjoni, jinqala' tħassib prudenzjali marbut mal-korrelazzjoni bejn id-distribuzzjonijiet tal-istrument u l-affidabbiltà kreditizja tal-istituzzjoni. In-numru u d-diversità tal-istituzzjonijiet fil-bord għandu jkun għoli biżżejjed li jirrifletti b'mod xieraq l-attivitajiet fis-suq relatat. Għalhekk, jekk istituzzjoni toħroġ strument tal-Grad 1 u tal-Grad 2 addizzjonali b'rata varjabbli, ir-rata li hi tħallas fuq dak l-istrument m'għandhiex tiżdied meta l-affidabbiltà kreditizja tal-istituzzjoni tonqos. Għalhekk, fejn ir-rata hi marbuta ma' indiċi, l-indiċi għandu jkun “wiesa'” biżżejjed biex jiżgura li l-affidabbiltà kreditizja tal-istituzzjoni ma tkunx fattur ewlieni li jinfluwenza r-rati stabbiliti minn dak l-indiċi. Għandha ssir distinzjoni bejn korrelazzjoni dovuta għas-settur kollu kemm hu li qed iġarrab stress u jaffettwa r-rata normattiva, u l-korrelazzjoni minħabba l-affidabbiltà kreditizja ta' istituzzjoni waħda li taffettwa r-rata normattiva.

(5)

Il-kalkolu ta' interessi minoritarji fil-livell konsolidat u fil-livell subkonsolidat għandu jkun konsistenti. Għalhekk, l-interessi minoritarji eliġibbli ta' sussidjarja li hi nnifisha hija impriża prinċipali ta' entità tas-settur finanzjarju għandu jkun l-ammont li jirriżulta, għall-istituzzjoni prinċipali ta' dik is-sussidjarja, meta l-istituzzjoni prinċipali tapplika l-konsolidazzjoni prudenzjali msemmija fit-Titolu II ta' Parti Wieħed tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(6)

Minħabba n-natura simili tat-tnaqqis kopert mill-Artikoli 84, 85 u 87 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istess dispożizzjonijiet għall-kalkolu ta' interessi minoritarji eliġibbli għandhom japplikaw għal dawn il-każijiet kollha.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(8)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(9)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014 għandu jkun emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1, qed jiżdiedu l-punti (o) u (p) li ġejjin:

“(o)

il-kondizzjonijiet skont liema l-indiċi għandhom jitqiesu bħala li jikkwalifikaw bħala indiċi wiesgħa tas-suq, skont l-Artikolu 73(7) tar- Regolament (UE) Nru 575/2013;

(p)

il-kalkolu tas-subkonsolidat meħtieġ f'konformità mal-Artikolu 84(2) u l-Artikoli 85 u 87 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, skont l- Artikolu 84(4) ta' dak ir-Regolament.”.

2.

Jiddaħħlu l-Artikoli segwenti 15a sa 15j:

“Artikolu 15a

Parteċipazzjonijiet indiretti għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(f), (h) u (i) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 15c, 15d, 15e u 15i ta' dan ir-Regolament, ‘entità intermedja’ kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(114) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tikkonsisti minn waħda minn dawn l-entitajiet li ġejjin li jkollhom strumenti kapitali ta' entitajiet tas-settur finanzjarju:

(a)

impenn għal investiment kollettiv;

(b)

fond tal-pensjoni minbarra fond tal-pensjoni b'benefiċċji definiti;

(c)

fond tal-pensjoni b'benefiċċji definiti, fejn l-istituzzjoni qiegħda tappoġġa r-riskju tal-investiment u fejn il-fond tal-pensjoni b'benefiċċju definit mhuwiex indipendenti mill-istituzzjoni sponsor tiegħu;

(d)

l-entitajiet li huma direttament jew indirettament taħt il-kontroll jew taħt influwenza sinifikanti ta' wieħed minn dawn li ġejjin:

(1)

l-istituzzjoni jew is-sussidjarji tagħha;

(2)

l-impriża prinċipali tal-istituzzjoni jew is-sussidjarji ta' dik l-impriża prinċipali;

(3)

il-kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-istituzzjoni jew is-sussidjarji ta' dik il-kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali;

(4)

il-kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali ta' attività mħallta tal-istituzzjoni jew is-sussidjarji ta' dik il-kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali ta' attività mħallta;

(5)

il-kumpanija prinċipali azzjonarja finanzjarja mħallta jew is-sussidjarji ta' dik il-kumpanija prinċipali azzjonarja finanzjarja mħallta;

(e)

l-entitajiet li huma flimkien, direttament jew indirettament, taħt il-kontroll jew taħt influwenza sinifikanti ta' istituzzjoni waħda, diversi istituzzjonijiet, jew netwerk tal-istituzzjonijiet, li jkunu membri tal-istess skema ta' protezzjoni istituzzjonali, jew fl-iskema ta' protezzjoni istituzzjonali jew in-netwerk tal-istituzzjonijiet affiljati ma' korp ċentrali li mhumiex organizzati bħala grupp li għalih tappartjeni l-istituzzjoni;

(f)

l-entitajiet bi skop speċjali;

(g)

l-entitajiet li l-attività tagħhom hija li jżommu strumenti finanzjarji ta' entitajiet tas-settur finanzjarju;

(h)

kwalunkwe entità li l-awtorità kompetenti tikkunsidra li tintuża bl-intenzjoni li jiġu evitati r-regoli li jirrigwardaw it-tnaqqis ta' parteċipazzjonijiet indiretti u sintetiċi.

2.   Mingħajr ħsara għall-punt (h) tal-paragrafu 1, ‘entità intermedjarja’ kif imsemmi fl- Artikolu 4(1)(114) tar- Regolament (UE) Nru 575/2013 ma tinkludix:

(a)

kumpanija azzjonarja ta' attività mħallta, istituzzjonijiet, impriżi tal-assigurazzjoni, impriżi tar-riassigurazzjoni;

(b)

l-entitajiet li huma, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, suġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

l-entitajiet tas-settur finanzjarju għajr dawk imsemmija fil-punt (a), li huma sorveljati u meħtieġa li jnaqqsu parteċipazzjonijiet diretti u indiretti ta' strumenti kapitali proprja tagħhom u parteċipazzjonijiet fi strumenti kapitali ta' entitajiet tas-settur finanzjarju mill-kapital regolatorju tagħhom.

3.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, fond tal-pensjoni b'benefiċċji definiti jitqies li jkun indipendenti mill-istituzzjoni sponsor tiegħu fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-fond tal-pensjoni b'benefiċċji definiti huwa legalment separat mill-istituzzjoni sponsor u l-governanza tiegħu hija indipendenti;

(b)

l-istatuti, l-istrumenti ta' inkorporazzjoni u r-regoli interni speċifiċi tal-fond tal-pensjoni, kif applikabbli, ikunu ġew approvati minn regolatur indipendenti; jew ir-regoli li jirregolaw l-inkorporazzjoni u l-funzjonament tal-fond tal-pensjoni b'benefiċċji definiti, kif applikabbli, huma stabbiliti fid-dritt nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru rilevanti;

(c)

il-fiduċjarji jew l-amministraturi tal-fond tal-pensjoni definit għandhom l-obbligu skont id-dritt nazzjonali applikabbli li jaġixxu b'mod imparzjali fl-aħjar interessi tal-benefiċjarji tal-iskema minflok dawk tal-isponsor, biex jimmaniġġjaw b'mod prudenti l-assi tal-fond tal-pensjoni definit u li jikkonformaw mar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-istatuti, l-istrumenti ta' inkorporazzjoni u r-regoli interni tal-fond speċifiku tal-pensjoni kif applikabbli, jew il-qafas statutorju jew regolatorju deskritt fil-punt (b);

(d)

l-istatuti jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni jew ir-regoli li jirregolaw l-inkorporazzjoni u l-funzjonament tal-fond tal-pensjoni b'benefiċċji definiti msemmijin fil-punt (b) jinkludu restrizzjonijiet fuq l-investimenti li l-iskema tal-pensjoni definita tista' tagħmel fi strumenti ta' fondi proprji maħruġa mill-istituzzjoni sponsor.

4.   Meta l-fond tal-pensjoni b'benefiċċji definiti msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 jkollu strumenti ta' fondi proprji tal-istituzzjoni sponsor, l-istituzzjoni sponsor tittratta dik l-azjenda bħala parteċipazzjoni indiretta ta' strumenti ta' Grad 1 tal-Ekwità Komuni, strumenti proprji Addizzjonali tal-Grad 1 jew strumenti proprji ta' Grad 2, kif applikabbli. L-ammont li jrid jitnaqqas mill-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, tal-Grad 1 Addizzjonali jew tal-Grad 2, kif applikabbli, tal-istituzzjoni sponsor, jiġu kkalkulati skont l-Artikolu 15c.

Artikolu 15b

Parteċipazzjonijiet sintetiċi għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(f), (h) u (i) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Il-prodotti finanzjarju li ġejjin għadhom jitqiesu bħal parteċipazzjonijiet sintetiċi ta' strumenti kapitali skont il-punti (f), (h) u (i) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013:

(a)

strumenti derivattivi li jkollhom strumenti kapitali ta' entità tas-settur finanzjarju bħala bażi tagħhom jew li l-entità tas-settur finanzjarju tkun l-entità ta' referenza tagħhom;

(b)

garanziji jew protezzjoni tal-kreditu pprovduta lil parti terza fir-rigward tal-investimenti tal-parti terza bi strument kapitali ta' entità fis-settur finanzjarju.

2.   Il-prodotti finanzjarji previsti fil-paragrafu 1 jinkludu dan li ġej:

(a)

investimenti fi swaps tar-redditu totali fuq strument kapitali ta' entità fis-settur finanzjarju;

(b)

opzjonijiet eżerċitabbli mixtrija minn istituzzjoni jew strument kapitali ta' entità fis-settur finanzjarju;

(c)

opzjonijiet put mibjugħa mill-istituzzjoni fuq strument kapitali ta' entità fis-settur finanzjarju jew kwalunkwe obbligu kuntrattwali attwali jew kontinġenti tal-istituzzjoni li tixtri l-istrumenti ta' fondi propjri;

(d)

investimenti fi ftehimiet ta' xiri ta' forwards fuq strument kapitali ta' entità fis-settur finanzjarju.

Artikolu 15c

Kalkolu ta' parteċipazzjonijiet indiretti għall-finijiet tal-punti (f), (h) u (i) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

L-ammont ta' parteċipazzjonijiet indiretti li għandu jitnaqqas minn Grad 1 ta' Ekwità Komuni kif rikjest f'punti (f), (h) u (i) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi kkalkulat b'wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

skont l-approċċ standard stabbilit fl-Artikolu 15d;

(b)

fejn l-istituzzjoni turi għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti li l-approċċ deskritt fl-Artikolu 15d huwa ta' piż eċċessiv, skont l-approċċ deskritt ibbażat fuq struttura fl-Artikolu 15e. L-approċċ deskritt ibbażat fuq struttura fl-Artikolu 15e ma jintużax minn istituzzjonijiet biex jiġi kkalkulat l-ammont ta' dan it-tnaqqis f'dak li għandu x'jaqsam ma' investimenti f'entitajiet intermedji msemmija fl-Artikolu 15a(1)(d) u (e).

Artikolu 15d

Approċċ standard għall-kalkolu ta' parteċipazzjonijiet indiretti għall-finijiet tal-punti (f), (h) u (i) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   L-ammont ta' parteċipazzjonijiet indiretti tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni li għandu jitnaqqas kif rikjest minn punti (f), (h) u (i) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi kkalkulat b'wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

fejn l-iskoperturi tal-investituri kollha lill-entità intermedja jitqiesu pari passu, l-ammont ikun ugwali għall-perċentwal ta' finanzjament immultiplikat bl-ammont tal-istrumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-entità tas-settur finanzjarju miżmuma mill-entità intermedja;

(b)

fejn l-iskoperturi tal-investituri kollha lill-entità intermedja ma jitqisux pari passu, l-ammont ikun ugwali għall-perċentwal ta' finanzjament immultiplikat b'dak li jiġi l-inqas bejn l-ammonti li ġejjin

(i)

l-ammont tal-istrumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-entità tas-settur finazjarju miżmum minn entità intermedja;

(ii)

l-iskopertura tal-istituzzjoni għall-entità intermedja, flimkien mal-finanzjament l-ieħor kollu pprovdut għal din l-entità intermedja li jitqiesu pari passu mal-iskopertura tal-istituzzjoni.

2.   Il-metodu tal-kalkolu stipulat fil-punt (b) tal-paragrafu 1 isir għal kull porzjon ta' finanzjament li jitqies pari passu mal-fondi mogħtija mill-istituzzjoni.

3.   Il-perċentwal ta' finanzjament għall-finijiet tal-paragrafu 1 ikun l-iskopertura tal-istituzzjoni lill-entità intermedja diviż bis-somma tal-iskopertura tal-istituzzjoni għall-entità intermedja u tal-iskoperturi l-oħra kollha għal din l-entità intermedja li jitqiesu pari passu mal-iskopertura tal-istituzzjoni.

4.   Il-kalkolu stabbilit fil-paragrafu 1 isir b'mod separat għal kull parteċipazzjoni fl-entità tas-settur finanzjarju miżmuma minn kull entità intermedja.

5.   Fejn investimenti fi strumenti tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta' entità fis-settur finanzjarju jkunu miżmuma indirettament permezz ta' entitajiet intermedji sussegwenti jew diversi, il-perċenwal tal-finanzjament stipulat fil-paragrafu 1 ikun determinat billi jiġi diviż l-ammont imsemmi fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu bl-ammont imsemmi fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu:

(a)

ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-ammonti ta' finanzjament ipprovduti mill-istituzzjoni għall-entitajiet intermedji, bl-ammonti ta' finanzjament ipprovduti minn dawn l-entitajiet intermedji għal entitajiet intermedji sussegwenti, u bl-ammonti ta' finanzjament ipprovdut minn dawn l-entitajiet intermedji sussegwenti lill-entità tas-settur finanzjarju.

(b)

ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-ammonti ta' strumenti kapitali jew strumenti oħra kif rilevanti, maħruġa minn kull entità intermedja

6.   Il-persentaġġ tal-finanzjament imsemmi fil-paragrafu 5 jkun ikkalkulat separatament għal kull parteċipazzjoni f'entità tas-settur finanzjarju u miżmuma minn entitajiet intermedji għal kull porzjon ta' finanzjament li jitqies pari passu ma' fondi pprovduti mill-istituzzjoni u l-entitajiet intermedjarji sussegwenti.

Artikolu 15e

Approċċ standard għall-kalkolu ta' parteċipazzjonijiet indiretti għall-finijiet tal-punti (f), (h) u (i) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   L-ammont li għandu jitnaqqas mill-elementi tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikun ugwali għall-perċentwal ta' finanzjament, kif definit fl-Artikolu 15d(3) ta' dan ir-Regolament immultiplikat bl-ammont ta' strumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni miżmuma mill-entità intermedja.

2.   L-ammont li għandu jitnaqqas mill-elementi tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni msemmija fil-punti (h) u (i) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikun ugwali għall-perċentwal ta' finanzjament, kif definit fl-Artikolu 15d(3) immultiplikat bl-ammont aggregat ta' strumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-entitajiet tas-settur finanzjarju miżmuma mill-entità intermedja.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-istituzzjoni tikkalkula separatament l-ammont aggregat għal kull entità intermedja tal-istrumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-istituzzjoni li l-entità intermedja għandha u l-ammont aggregat tal-istrumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta' entitajiet oħra tas-settur finazjarju miżmuma mill-entità intermedja.

4.   L-istituzzjoni tikkunsidra l-ammont tal-parteċipazzjonijiet fi strumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-entitajiet tas-settur finanzjarju kkalkulat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu bħala investiment sinifikanti msemmi fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tnaqqas l-ammont skont il-punt (i) tal-Artikolu 36(1) ta' dak ir-Regolament.

5.   Fejn investimenti fi strumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni jkunu miżmuma indirettament permezz ta' entitajiet intermedji sussegwenti jew diversi, il-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 15d japplikaw.

6.   Fejn istituzzjoni ma tkunx kapaċi tidentifika l-ammonti aggregati li l-entità intermedja iżżomm fi strumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-istituzzjoni jew fi strumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta' entitajiet oħra fis-settur finanzjarju, l-istituzzjoni tistma l-ammonti li ma tkunx tista' tidentifika billi tuża l-ammonti massimi li l-entità intermedja hi kapaċi żomm fuq il-bażi tal-mandati tal-investiment tagħha.

7.   Fejn l-istituzzjoni ma tkunx kapaċi tiddetermina, abbażi tal-mandat tal-investiment, l-ammont massimu li l-entità intermedja għandha fl-istrumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-istituzzjoni jew fi strumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta' entitajiet fis-settur finanzjarju, l-istituzzjoni tittratta l-ammont ta' finanzjament li għandha fl-entità intermedja bħala investiment fl-istrumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni tagħha stess u tnaqqashom skont il-punt (f) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

8.   B'deroga mill-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, l-istituzzjoni tittratta l-ammont ta' finanzjament li żżomm fl-entità intermedja bħala investiment mhux sinifikanti u tnaqqashom skont il-punt (h) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-ammonti ta' finanzjament huma inqas minn 0,25 % tal-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-istituzzjoni;

(b)

l-ammonti ta' finanzjament huma inqas minn EUR 10 miljuni.

(c)

l-istituzzjoni ma tistax raġonevolment tiddetermina l-ammonti tal-istrumenti tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tagħha li żżomm l-entità intermedja.

9.   Fejn il-finanzjament tal-entità intermedja jkun fil-forma ta' unitajiet jew ishma ta' CIU, l-istituzzjoni tista' tistrieħ fuq partijiet terzi identifikati fl-Artikolu 132(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Artikolu, li tikkalkula u tirrapporta l-ammonti aggregati msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 15f

Il-kalkolu ta' parteċipazzjonijiet sintetiċi għall-finijiet tal-punti (f), (h) u (i) tal-Artikolu 36 (1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   L-ammont ta' parteċipazzjonijiet sintetiċi li għandu jitnaqqas minn Grad 1 ta' Ekwità Komuni kif rikjest minn punti (f), (h) u (i) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikun kif ġej:

(a)

għal parteċipazzjonijiet fil-portafoll tan-negozjar:

(i)

għal opzjonijiet, l-ammont ekwivalenti delta tal-istrumenti rilevanti kkalkulati skont it-Titolu IV tal-Parti III tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(ii)

għal xi parteċipazzjonijiet sintetiċi oħrajn, l-ammont nominali jew l-ammont nozzjonali, kif applikabbli.

(b)

għal parteċipazzjonijiet fil-portafoll mhux tan-negozjar:

(i)

għal opzjonijiet ta' eżerċizzju, il-valur tas-suq kurrenti;

(ii)

għal xi parteċipazzjonijiet sintetiċi oħrajn, l-ammont nominali jew l-ammont nozzjonali, kif applikabbli.

2.   Istituzzjoni għandha tnaqqas il-parteċipazzjonijiet sintetiċi msemmija fil-paragrafu 1 mid-data tal-firma tal-kuntratt bejn l-istituzzjoni u l-kontroparti.

Artikolu 15g

Kalkolu ta' investimenti sinifikanti għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(i) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(i) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, sabiex jiġi vvalutat jekk l-istituzzjoni jkollhiex sjieda ta' aktar minn 10 % tal-istrumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni maħruġa minn entità fis-settur finanzjarju, skont il-punt (a) tal-Artikolu 43 ta' dak ir-Regolament, l-istituzzjonijiet jgħoddu l-ammonti ta' pożizzjonijiet twal grossi tagħhom f'parteċipazzjonijiet diretti, kif ukoll parteċipazzjonijiet indiretti ta' strumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta' din l-entità tas-settur finanzjarju msemmija fil-punti (d) u (h) tal-Artikolu 15a(1) ta' dan ir-Regolament.

2.   Parteċipazzjonijiet indiretti u sintetiċi jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti sabiex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 huma ssodisfati.

Artikolu 15h

Parteċipazzjonijiet ta' Grad 1 u ta' Grad 2 Addizzjonali

Il-metodoloġija msemmija fl-Artikoli 15a sa 15f ta' dan ir-Regolament tapplika mutatis mutandis għal parteċipazzjonijiet ta' Grad 1 Addizzjonali għall-finijiet tal-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u għal parteċipazzjonijiet ta' Grad 2 għall-finijiet tal-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 66 ta' dak ir-Regolament, fejn referenzi għal Grad 1 ta' Ekwità Komuni jinqraw bħala referenzi għal Grad 1 jew Grad 2 Addizzjonali kif applikabbli.

Artikolu 15i

L-ordni u l-ammont massimu ta' tnaqqis ta' parteċipazzjonijiet indiretti ta' strumenti ta' fondi proprji ta' entitajiet tas-settur finanzjarju

1.   Suġġett għal-limiti stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, kif applikabbli, fejn l-entità intermedja jkollha strumenti tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, strumenti tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali ta' entitajiet tas-settur finanzjarju, l-istrumenti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni jitnaqqsu l-ewwel, strumenti ta' Grad 1 Addizzjonali jiġu mnaqqsa t-tieni, u l-aħħar jitnaqqsu l-istrumenti ta' Grad 2.

2.   Fejn l-entità intermedja jkollha strumenti ta' fondi proprji ta' istituzzjonijiet, fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu għal kull tip ta' parteċipazzjoni l-istituzzjonijiet għandhom inaqqsu l-parteċipazzjonijiet ta' strumenti ta' fondi proprji tagħhom stess l-ewwel.

3.   Meta istituzzjoni jkollha strumenti kapitali ta' entitajiet tas-settur finanzjarju indirettament, l-ammont li għandu jitnaqqas mill-fondi proprji tal-istituzzjoni m'għandux ikun ogħla mill-ammont l-aktar baxx tal-ammonti li ġejjin:

(a)

il-finanzjament totali pprovdut mill-istituzzjoni lill-entità intermedja;

(b)

l-ammont tal-istrumenti tal-fondi proprji miżmuma mill-entità intermedja fl-entità tas-settur finanzjarju.

Artikolu 15j

Avvjament

Għall-applikazzjoni tat-tnaqqis imsemmi fil-punt (h) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu li ma jidentifikawx avvjament separatament meta jiġi ddeterminat l-ammont applikabbli li jrid jitnaqqas skont l-Artikolu 46 ta' dak ir-Regolament.”

3.

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 24a li ġej:

“Artikolu 24a

Distribuzzjoni fuq strument ta' fondi proprji — indiċijiet ta' suq wiesa'

1.   Indiċi ta' rata ta' mgħax jitqies li jkun indiċi ta' suq wiesa' jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

huwa użat biex jiġu ffissati rati ta' self interbankarju f'munita waħda jew aktar;

(b)

jintuża bħala rata ta' referenza għal dejn b'rata varjabbli maħruġ mill-istituzzjoni fl-istess munita, fejn applikabbli;

(c)

huwa kkalkulat bħala rata medja minn korp indipendenti tal-istituzzjonijiet li qed jikkontribwixxu għall-indiċi (‘il-bord’);

(d)

kull waħda mir-rati stabbiliti taħt l-indiċi hija bbażata fuq kwotazzjonijiet sottomessi minn bord ta' istituzzjonijiet attiv f'dak is-suq interbankarju;

(e)

Il-kompożizzjoni tal-bord imsemmi fil-punt (c) tiżgura livell suffiċjenti ta' rappreżentanza tal-istituzzjonijiet preżenti fl-Istat Membru.

2.   Għall-finijiet tal-punt (e) tal-paragrafu 1, livell suffiċjenti ta' rappreżentanza jitqies bħala miksub f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-bord imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 jinkludi mill-inqas 6 kontributuri differenti qabel kwalunkwe skontar ta' kwotazzjoni jiġi applikat għall-għanijiet tal-iffissar tar-rata;

(b)

fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

il-bord imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 jinkludi mill-inqas 4 kontributuri differenti qabel kwalunkwe skontar ta' kwotazzjoni jiġi applikat għall-għanijiet tal-iffissar tar-rata;

(ii)

il-kontributuri għall-bord imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 jirrappreżentaw mill-inqas 60 % tas-suq relatat.

3.   Is-suq relatat imsemmi fil-punt (b)(ii) tal-paragrafu 2 ikun is-somma tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-kontributuri effettivi għall-bord fil-munita domestika diviża bl-għadd tal-assi u l-obbligazzjonijiet fil-munita domestika ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fl-Istat Membru rilevanti, inkluż friegħi stabbiliti fl-Istat Membru, u l-fondi tas-swieq tal-flus fl-Istat Membru rilevanti.

4.   Indiċi tal-ishma jitqies bħala indiċi ta' suq wiesa' fejn ikun iddiversifikat b'mod xieraq skont l-Artikolu 344 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.”.

4.

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 34a li ġej:

“Artikolu 34a

Interessi minoritarji inklużi fil-kapital konsolidat ta' Ekwità Komuni ta' Grad 1

1.   Għall-finijiet tal-ispeċifikar tal-kalkolu tas-subkonsolidament meħtieġ skont l-Artikolu 84(2) u l-Artikoli 85(2) u 87(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-interessi minoritarji li jikkwalifikaw ta' sussidjarja msemmija fl-Artikolu 81 ta' dak ir-Regolament li hija stess tkun impriża prinċipali ta' entità msemmija fl-Artikolu 81(1) ta' dak ir-Regolament jiġu kkalkolati kif deskritt fil-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu.

2.   Fejn awtorità kompetenti tkun eżerċitat id-diskrezzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-kalkolu li għandu jsir skont il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu jsir fuq il-bażi tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni daqs li kieku ma ġietx eżerċitata d-diskrezzjoni.

3.   Fejn is-sussidjarja tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 abbażi tas-sitwazzjoni kkonsolidata tagħha japplika t-trattament li ġej:

(a)

il-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta' dik is-sussidjarja fuq il-bażi konsolidata tagħha msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jinkludi interessi minoritarji eliġibbli li jistgħu jirriżultaw mis-sussidjarji tagħha stess ikkalkulati skont l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament;

(b)

għall-iskop tal-kalkolu tas-subkonsolidazzjoni l-ammont tal-kapital ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni meħtieġ skont il-punt (i) tal-Artikolu 84(1)(a) tar-tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikun l-ammont meħtieġ biex jissodisfa r-rekwiżiti ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta' dik is-sussidjarja fil-livell tas-sitwazzjoni kkonsolidata tagħha kkalkolata skont il-punt (a) tal-Artikolu 84(1) ta' dak ir-Regolament. Rekwiżiti ta' fondi proprji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE huma dawk iffissati mill-awtorità kompetenti tas-sussidjarja;

(c)

l-ammont tal-kapital konsolidat tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni rikjest, skont il-punt (ii) tal-Artikolu 84(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikun il-kontribuzzjoni tas-sussidjarja fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tar-rekwiżiti tal-fondi proprji tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni stess tal-istituzzjoni li għaliha l-interessi minoritarji eliġibbli huma kkalkulati fuq bażi konsolidata. Għall-finijiet tal-ikkalkular tal-kontribuzzjoni, it-tranżazzjonijiet kollha fost l-impriżi ta' grupp inklużi f'ambitu ta' konsolidazzjoni prudenzjali tal-istituzzjoni jkunu eliminati.

4.   Meta s-sussidjarja tkun qed twettaq il-konsolidazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 3, ma tinkludix rekwiżiti kapitali li joħorġu minn sussidjarji li mhumiex inklużi fl-ambitu prudenzjali tal-konsolidament tal-istituzzjoni li għaliha l-interessi minoritarji eliġibbli huma kkalkulati.

5.   Fejn l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 84(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tapplika għal sussidjarja, kwalunkwe impriża prinċipali tas-sussidjarja li tibbenefika mill-eżenzjoni tista' tinkludi fil-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tagħha l-interessi minoritarji li jirriżultaw mis-sussidjarji tas-sussidjarja nnifisha li tibbenefika mill-eżenzjoni, sakemm il-kalkoli msemmija l-Artikolu 84(1) ta' dak ir-Regolament u f'dan ir-Regolament ikunu saru għal kull wieħed minn dawk is-sussidjarji. L-ammont ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni inkluż fil-Fondi Proprji fil-livell tal-impriża prinċipali ma jaqbiżx l-ammont li jista' jiġi inkluż jekk l-ebda rinunzja ma kienet ingħatat lis-sussidjarja.

6.   Fejn istituzzjoni prinċipali jkollha sussidjarju intermedja li mhijiex imsemmija fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fejn din is-sussidjarja intermedja nnifisha għandha sussidjarji li huma msemmija fl-Artikolu 81(1) ta' dak ir-Regolament, l-istituzzjoni prinċipali tista' tinkludi fil-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tagħha l-ammont ta' interess minoritarju li jirriżulta minn dawk is-sussidjarji kkalkulat skont l-Artikolu 84(1) ta' dak ir-Regolament. Madankollu, l-istituzzjoni prinċipali ma tistax tinkludi fil-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tagħha kwalunkwe interess minoritarju li jirriżulta minn sussidjarja intermedjarja li mhijiex imsemmija fl- Artikolu 81(1) tar- Regolament (UE) Nru 575/2013.

7.   Il-metodoloġija stabbilita fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandha tapplika wkoll mutatis mutandis għall-kalkolu tal-ammont ta' strumenti ta' Grad 1 skont l-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-ammont ta' fondi proprji kwalifikattivi skont l-Artikolu 87 ta' dak ir-Regolament, fejn ir-referenzi għall-Grad 1 ta' Ekwità Komuni jinqraw bħala referenzi għall-Grad 1 jew fondi proprji.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 8).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).