5.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/1


REGOLAMENT (UE) 2015/847 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Mejju 2015

dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-flussi ta' flus illeċiti permezz ta' trasferimenti ta' fondi jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju, u jheddu s-suq intern tal-Unjoni, kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali. Il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jibqgħu problemi sinifikanti li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Is-saħħa, l-integrità u l-istabbiltà tas-sistema ta' trasferimenti ta' fondi u l-fiduċja fis-sistema finanzjarja, mill-aspett globali tagħha, jistgħu jiġu pperikolati serjament bl-isforzi tal-kriminali u s-soċji tagħhom li jgħattu l-oriġini ta' rikavat kriminali jew li jittrasferixxu fondi għal attivitajiet kriminali jew għal skopijiet terroristiċi.

(2)

Sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet kriminali tagħhom, dawk li jwettqu l-ħasil tal-flus u li jiffinanzjaw it-terroriżmu x'aktarx jieħdu vantaġġ mil-libertà tal-movimenti tal-kapital fiż-żona finanzjarja integrata tal-Unjoni, sakemm ma jiġux adottati ċerti miżuri ta' koordinament fil-livell tal-Unjoni. Il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qafas tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) u l-implimentazzjoni globali tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu għandhom l-għan li jevitaw il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu meta jsiru t-trasferimenti ta' fondi.

(3)

Minħabba d-daqs tal-azzjoni li trid tittieħed, l-Unjoni għandha tiżgura li l-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni adottati mill-FATF fis-16 ta' Frar 2012 (ir-“Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF”), u, b'mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni 16 dwar it-trasferimenti elettroniċi (ir-“Rakkomandazzjoni 16 tal-FATF”) u n-nota interpretattiva riveduta għall-implimentazzjoni tagħha, ikunu implimentati b'mod uniformi fl-Unjoni kollha u li, b'mod partikolari, ma jkunx hemm diskriminazzjoni jew diskrepanza bejn, minn naħa waħda, il-pagamenti nazzjonali fi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, il-pagamenti transkonfinali bejn l-Istati Membri. Azzjoni mhux koordinata mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom fil-qasam tat-trasferimenti transkonfinali tal-fondi jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' pagament fil-livell tal-Unjoni u b'hekk tista' tagħmel ħsara lis-suq intern fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

(4)

Sabiex jitrawwem approċċ koerenti fil-kuntest internazzjonali u sabiex tiżdied l-effettività tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, azzjoni ulterjuri mill-Unjoni għandha tqis l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, jiġifieri r-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF.

(5)

L-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament, inkluż ir-Rakkomandazzjoni 16 tal-FATF, jirrappreżentaw mezzi rilevanti u effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(6)

Dan ir-Regolament mhuwiex maħsub biex jimponi piżijiet jew spejjeż mhux neċessarji fuq il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jew fuq persuni li jużaw is-servizzi tagħhom. F'dan ir-rigward, l-approċċ preventiv għandu jkun immirat u proporzjonat u għandu jikkonforma bis-sħiħ mal-moviment liberu tal-kapital, li huwa ggarantit fl-Unjoni kollha.

(7)

Fl-Istrateġija Riveduta tal-Unjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu tas-17 ta' Lulju 2008 (l-“Istrateġija Riveduta”), ġie rrimarkat li jridu jinżammu l-isforzi għall-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u għall-kontroll tal-użu minn persuni suspettati b'terroriżmu tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess. Wieħed jirrikonoxxi li l-FATF qed tfittex kontinwament li ttejjeb ir-Rakkomandazzjonijiet tagħha u qed taħdem lejn fehim komuni ta' kif dawk għandhom jiġu implimentati. Fl-Istrateġija Riveduta huwa nnotat li l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF mill-membri kollha tal-FATF u mill-membri tal-korpi reġjonali mmudellati fuq l-FATF hija evalwata fuq bażi regolari u li approċċ komuni għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri huwa għalhekk importanti.

(8)

Sabiex jiġi prevenut il-finanzjament tat-terroriżmu, ttieħdu miżuri bl-għan li jkunu ffriżati fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni, gruppi u entitajiet, inkluż ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 (4), (KE) Nru 881/2002 (5) u (UE) Nru 356/2010 (6). Għal dak l-istess għan, ittieħdu wkoll miżuri bl-għan li tiġi protetta s-sistema finanzjarja kontra l-inkanalar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi għall-finijiet tat-terroriżmu. Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) fiha għadd ta' miżuri bħal dawn. Madankollu dawk il-miżuri ma jimpedixxux kompletament lit-terroristi jew kriminali oħra milli jkollhom aċċess għal sistemi ta' pagament għat-trasferiment tal-fondi tagħhom.

(9)

It-traċċabbiltà sħiħa tat-trasferimenti ta' fondi tista' tkun għodda partikolarment importanti u valida fil-prevenzjoni, fl-individwazzjoni u fl-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' miżuri restrittivi, b'mod partikolari dawk imposti bir-Regolamenti (KE) Nru 2580/2001, (KE) Nru 881/2002 u (UE) Nru 356/2010, u f'konformità sħiħa ma' regolamenti tal-Unjoni li jimplimentaw tali miżuri. Għalhekk huwa xieraq, sabiex tkun żgurata t-trażmissjoni tal-informazzjoni tul il-katina kollha ta' pagament, li tiġi prevista sistema li timponi l-obbligu fuq il-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jakkumpanjaw trasferimenti ta' fondi b'informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju.

(10)

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-miżuri restrittivi imposti minn regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bħar-Regolamenti (KE) Nru 2580/2001, (KE) Nru 881/2002 u (UE) Nru 356/2010, li jistgħu jirrikjedu li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-pagaturi u tal-benefiċjarji, kif ukoll il-fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament, jieħdu azzjoni adatta biex jiffriżaw ċerti fondi jew li josservaw restrizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw ċerti trasferimenti ta' fondi.

(11)

Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Pereżempju, data personali miġbura għall-fini ta' konformità ma' dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi pproċessata aktar b'mod li hu inkompatibbli mad-Direttiva 95/46/KE. B'mod partikolari, ipproċessar ulterjuri ta' data personali għal skopijiet kummerċjali għandu jkun strettament ipprojbit. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija rikonoxxuta bħala raġuni importanti ta' interess pubbliku mill-Istati Membri kollha. Għalhekk, fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, it-trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz li ma jiżgurax livell adegwat ta' protezzjoni skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE għandu jkun permess f'konformità mal-Artikolu 26 tagħha. Huwa importanti li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament li joperaw f'ġurisdizzjonijiet multipli b'fergħat jew sussidjarji li jinsabu barra l-Unjoni m'għandhomx jitwaqqfu milli jittrasferixxu data dwar transazzjonijiet suspettużi fi ħdan l-istess organizzazzjoni, bil-kondizzjoni li huma japplikaw salvagwardji adegwati. Barra minn hekk, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur u tal-benefiċjarju u l-fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament għandu jkollhom fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jipproteġu d-data personali kontra telf aċċidentali, tibdil, jew divulgazzjoni jew aċċess mhux awtorizzati.

(12)

Persuni li sempliċiment jaqilbu dokumenti stampati f'data elettronika u li jaġixxu taħt kuntratt ma' fornitur tas-servizzi ta' pagament u persuni li jipprovdu lil fornituri tas-servizzi ta' pagament biss b'sistemi ta' messaġġi jew sistemi oħra ta' appoġġ għat-trażmissjoni ta' fondi jew b'sistemi ta' kklerjar u ta' saldu ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(13)

It-trasferimenti ta' fondi li jikkorrispondu għal servizzi msemmija fil-punti (a) sa (m) u (o) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa xieraq li jiġu esklużi wkoll mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament dawk it-trasferimenti ta' fondi li jirrappreżentaw riskju żgħir ta' ħasil ta' flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu. Jinħtieġ li tali esklużjonijiet jkopru kards tal-ħlas, strumenti ta' flus elettroniċi, telefons ċellulari jew apparat diġitali jew ta' teknoloġija tal-informatika (IT) ieħor imħallas minn qabel jew li jitħallas wara b'karatteristiċi simili, fejn ikunu użati esklużivament għax-xiri ta' prodotti jew servizzi u n-numru tal-kard, strument jew apparat jakkumpanja t-trasferimenti kollha. Madankollu, l-użu ta' kard tal-ħlas, strument ta' flus elettroniċi, telefon ċellulari jew kwalunkwe apparat diġitali jew apparat tal-IT ieħor b'karatteristiċi simili li jkun imħallas minn qabel jew li jitħallas wara sabiex isir trasferiment ta' flus minn persuna għal oħra jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Addizzjonalment, l-irtirar ta' flus minn kaxxiera awtomatiċi, pagamenti ta' taxxi, multi jew imposti oħra, trasferimenti ta' fondi li jsiru permezz ta' skambji elettroniċi ta' immaġni diġitali ta' ċekkijiet, inklużi truncated cheques, jew kambjali, u trasferimenti ta' fondi fejn kemm il-pagaturi kif ukoll il-benefiċjarju jkunu l-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jaġixxu f'isimhom stess għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(14)

Sabiex ikunu riflessi l-karatteristiċi speċjali tas-sistemi nazzjonali ta' pagament, u bil-kondizzjoni li dejjem ikun possibbli li jiġi ttraċċat it-trasferiment ta' fondi lura sal-pagatur, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ċerti trasferimenti ta' fondi domestiċi ta' valur baxx inklużi pagamenti GIRO, użati għax-xiri ta' prodotti jew servizzi.

(15)

Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju ma tkunx nieqsa jew mhux kompleta.

(16)

Sabiex ma jkunx hemm xkiel għall-effiċjenza tas-sistemi ta' pagament, u sabiex ikunu bbilanċjati r-riskji li t-transazzjonijiet jibdew isiru bil-moħbi b'riżultat ta' rekwiżiti eċċessivament stretti ta' identifikazzjoni kontra t-theddida terroristika potenzjali ppreżentata minn trasferimenti żgħar ta' fondi, l-obbligu ta' kontroll jekk l-informazzjoni dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju hijiex eżatta, fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi fejn il-verifika tkun għadha ma saritx, għandu jiġi applikat biss fuq trasferimenti ta' fondi individwali ta' aktar minn EUR 1 000, sakemm it-trasferiment jidher li huwa marbut ma' trasferimenti oħra ta' fondi li flimkien ikunu jaqbżu l-EUR 1 000, fejn il-fondi jkunu riċevuti jew imħallsa fi flus kontanti jew fi flus elettroniċi anonimi, jew fejn ikun hemm bażi raġonevoli għal suspett ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.

(17)

Għal trasferimenti ta' fondi fejn il-verifika titqies li tkun saret, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament ma għandhomx ikunu obbligati li jivverifikaw l-informazzjoni dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju li jakkumpanja kull trasferiment ta' fondi, sakemm l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 ikunu sodisfatti.

(18)

Fid-dawl tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni dwar is-servizzi ta' pagament, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u d-Direttiva 2007/64/KE,għandu jkun biżżejjed li jiġi previst li informazzjoni ssimplifikata biss takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi fl-Unjoni, bħan-numru/i tal-kont(ijiet) tal-pagamenti jew identifikatur uniku tat-transazzjoni.

(19)

Sabiex l-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu f'pajjiżi terzi jkunu jistgħu jittraċċaw is-sors ta' fondi użati għal dawk l-għanijiet, it-trasferimenti ta' fondi mill-Unjoni 'l barra mill-Unjoni għandu jkollhom informazzjoni kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju. Dawk l-awtoritajiet għandhom jingħataw aċċess għal informazzjoni kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta' ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(20)

L-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u l-aġenziji ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi rilevanti fl-Istati Membri, għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni bejniethom u mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi, inklużi dawk fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jissaħħu aktar it-trasparenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki.

(21)

Fir-rigward ta' trasferimenti ta' fondi minn pagatur uniku lil diversi benefiċjarji li għandhom jintbagħtu f'lottijiet skedati li jinkludu trasferimenti individwali mill-Unjoni 'l barra mill-Unjoni, għandu jkun previst li tali trasferimenti individwali jkollhom biss in-numru tal-kont tal-pagamenti tal-pagatur jew l-identifikatur uniku tat-transazzjoni, kif ukoll l-informazzjoni kompleta dwar il-benefiċjarju, sakemm il-lott skedat ikun jinkludi informazzjoni kompleta dwar il-pagatur li tiġi vverifikata għall-eżattezza u informazzjoni kompleta dwar il-benefiċjarju li tkun tista' tiġi kompletament ittraċċata.

(22)

Sabiex jiġi kkontrollat jekk l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju takkumpanjax it-trasferimenti tal-fondi, u sabiex tingħata għajnuna fl-identifikazzjoni ta' transazzjonijiet suspettużi, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju u l-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu jkollhom proċeduri effettivi stabbiliti sabiex jindividwaw jekk l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju hijiex nieqsa jew mhux kompleta. Dawk il-proċeduri għandhom jinkludu monitoraġġ ex post jew monitoraġġ f'ħin reali fejn ikun fattibbli. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament jinkludu l-informazzjoni meħtieġa dwar it-transazzjoni mat-trasferiment elettroniku jew il-messaġġ relatat tul il-katina kollha ta' pagament.

(23)

Fid-dawl tat-theddida potenzjali tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu ppreżentata mit-trasferimenti anonimi, huwa xieraq li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament ikunu meħtieġa jitolbu informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju. Konformement mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju żviluppat mill-FATF, huwa xieraq li jiġu identifikati oqsma ta' riskju ogħla u aktar baxx, bil-ħsieb li jiġu immirati aħjar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għaldaqstant, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju u l-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu jkollhom proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju li japplikaw fejn trasferiment ta' fondi ma jkollux l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju, li tippermettilhom li jiddeċiedu jekk iwettqux, jirrifjutawx jew jissospendux dak it-trasferiment u jiddeterminaw li azzjoni adatta ta' segwitu li għandhom jieħdu.

(24)

Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju u l-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandhom jeżerċitaw viġilanza speċjali, jivvalutaw ir-riskji, meta xi wieħed minnhom isir konxju li l-informazzjoni dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju tkun nieqsa jew mhux kompleta u għandhom jirrapportaw transazzjonijiet suspettużi lill-awtoritajiet kompetenti, f'konformità mal-obbligi ta' rappurtar stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 u ma' miżuri nazzjonali li jittrasponu dik id-Direttiva.

(25)

Id-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti ta' fondi li fir-rigward tagħhom informazzjoni dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju tkun nieqsa jew ma tkunx kompleta japplikaw mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu tal-fornituri tas-servizzi ta' pagament u l-fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament li jissospendu u/jew jirrifjutaw trasferimenti ta' fondi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili, amministrattiv jew kriminali.

(26)

Bil-għan li jassistu lill-fornituri tas-servizzi ta' pagament biex idaħħlu fis-seħħ proċeduri effettivi għall-individwazzjoni ta' każijiet fejn jirċievu trasferimenti ta' fondi b'informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju u biex jieħdu azzjonijiet ta' segwitu, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (“EBA”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (“EIOPA”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“ESMA”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), għandhom joħorġu linji gwida.

(27)

Sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni immedjata fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jirrispondu immedjatament għal talbiet għal informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju mill-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu fl-Istat Membru fejn dawk il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jinsabu.

(28)

L-għadd ta' ġranet ta' xogħol fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jiddetermina l-għadd ta' ġranet li fihom għandha tingħata tweġiba għal talba għal informazzjoni dwar il-pagatur.

(29)

Ladarba jista' jagħti l-każ li f'investigazzjonijiet kriminali jista' ma jkunx possibbli li tiġi identifikata d-data meħtieġa jew l-individwi involuti fi transazzjoni għal ħafna xhur, jew anke snin, wara t-trasferiment oriġinali tal-fondi, u sabiex ikun hemm aċċess għal provi essenzjali fil-kuntest tal-investigazzjonijiet, huwa xieraq li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament ikunu meħtieġa jżommu rekords ta' informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju għal perijodu ta' żmien għall-finijiet ta' prevenzjoni, individwazzjoni u investigazzjonital-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Dak il-perijodu ma għandux jaqbeż il-ħames snin, li warajhom id-data personali kollha għandha titħassar, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali. Jekk ikun meħtieġ għall-finijiet ta' prevenzjoni, individwazzjoni jew investigazzjoni ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, u wara li ssir valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu jew jeħtieġu żamma ta' rekords għal perijodu ulterjuri għal mhux aktar minn ħames snin, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-evidenza applikabbli għal investigazzjonijiet kriminali u proċedimenti legali kurrenti.

(30)

Sabiex titjieb il-konformità ma' dan ir-Regolament, u f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2010 intitolata “Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji”, għandhom jissaħħu s-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jadottaw miżuri ta' sorveljanza u s-setgħat tagħhom ta' sanzjonar. Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi għandhom ikunu previsti u, minħabba l-importanza tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet u miżuri li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, u lill-Kumitat Konġunt lill-ABE, lill-EIOPA u lill-ESMA (l-“ASE”) b'dan.

(31)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Kapitolu V ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(32)

Għadd ta' pajjiżi u territorji li ma jifformawx parti mit-territorju tal-Unjoni jikkondividu unjoni monetarja ma' Stat Membru, jiffurmaw parti miż-żona monetarja ta' Stat Membru jew iffirmaw konvenzjoni monetarja mal-Unjoni rappreżentati minn Stat Membru u għandhom fornituri tas-servizzi ta' pagament li jipparteċipaw direttament jew indirettament fis-sistemi ta' pagament u ta' saldu ta' dak l-Istat Membru. Sabiex tkun evitata l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal trasferimenti ta' fondi, bejn l-Istati Membri kkonċernati u dawk il-pajjiżi jew territorji, li jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi jew territorji, huwa xieraq li tkun prevista l-possibbiltà li tali trasferimenti ta' fondi jkunu trattati bħala trasferimenti ta' fondi fl-Istati Membri kkonċernati.

(33)

Fid-dawl tan-numru ta' emendi li hemm bżonn li jsiru fir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), skont dan ir-Regolament, dak ir-Regolament għandu jitħassar għal raġunijiet ta' ċarezza.

(34)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(35)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8), id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47) u l-prinċipju ta' ne bis in idem.

(36)

Sabiex tkun żgurata introduzzjoni mingħajr xkiel tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, huwa xieraq li d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tkun l-istess bħal ta' dik tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(37)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u ta opinjoni fl-4 ta' Lulju 2013 (18),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni dwar pagaturi u benefiċjarji, li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi, fi kwalunkwe munita, għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, fejn tal-inqas wieħed mill-fornituri tas-servizzi ta' pagament involut fit-trasferiment ta' fondi jkun stabbilit fl-Unjoni.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal trasferimenti ta' fondi, fi kwalunkwe munita, li jintbagħtu jew li jiġu riċevuti minn fornitur tas-servizzi ta' pagament jew fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament stabbilit fl-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għas-servizzi elenkati fil-punti (a) sa (m) u (o) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal trasferiment ta' fondi li jsir permezz ta' kard tal-ħlas, strument ta' flus elettroniċi jew telefon ċellulari, jew kwalunkwe apparat diġitali jew apparat tal-IT ieħor b'karatteristiċi simili li huwa mħallas minn qabel jew li jitħallas wara, fejn ikunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dik il-kard, l-istrument jew l-apparat jintuża esklużivament biex jitħallsu prodotti jew servizzi; u

(b)

in-numru ta' dik l-kard, l-istrument jew l-apparat jakkumpanja t-trasferimenti kollha li joħorġu minn din it-transazzjoni.

Madankollu, dan ir-Regolament għandu japplika fejn kard tal-ħlas, strument ta' flus elettroniċi jew telefon ċellulari, jew kwalunkwe apparat diġitali jew apparat tal-IT ieħor b'karatteristiċi simili li huwa mħallas minn qabel jew li jitħallas wara jintuża sabiex jiġi effettwat trasferiment ta' fondi minn persuna għal oħra.

4.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal persuni li m'għandhom ebda attività għajr li jaqilbu dokumenti stampati f'data elettronika u li jagħmlu dan bis-saħħa ta' kuntratt ma' fornitur tas-servizzi ta' pagament, jew għal persuni li m'għandhom ebda attività għajr li jipprovdu lill-fornituri tas-servizzi ta' pagament messaġġi jew sistemi oħra ta' appoġġ għat-trażmissjoni ta' fondi jew sistemi ta' kklerjar u ta' saldu.

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal trasferimenti ta' fondi:

(a)

li jinvolvu li l-pagatur jiġbed flus mill-kont tal-pagamenti tal-pagatur stess;

(b)

fejn il-fondi huma ttrasferiti lil awtorità pubblika bħala pagament għal taxxi, multi jew imposti oħra fi Stat Membru;

(c)

fejn kemm il-pagatur kif ukoll il-benefiċjarju jkunu fornituri tas-servizzi ta' pagament li jaġixxu f'isimhom stess;

(d)

li jsiru permezz ta' skambji elettroniċi ta' immaġni diġitali ta' ċekkijiet, inklużi truncated cheques.

5.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax dan ir-Regolament għal trasferimenti ta' fondi fit-territorju tiegħu f'kont tal-pagamenti ta' benefiċjarju li jippermetti pagament esklużivament għall-provvista ta' prodotti jew servizzi fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jkun soġġett għad-Direttiva (UE) 2015/849;

(b)

il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jkun jista' jittraċċa lura, permezz tal-benefiċjarju, bl-użu ta' identifikatur uniku tat-transazzjoni, it-trasferiment ta' fondi mill-persuna li jkollha ftehim mal-benefiċjarju għall-forniment ta' prodotti jew servizzi;

(c)

l-ammont tat-trasferiment ta' fondi ma jeċċedix EUR 1 000.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“finanzjament tat-terroriżmu” tfisser finanzjament tat-terroriżmu kif definit fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(2)

“ħasil ta' flus” tfisser l-attivitajiet ta' ħasil ta' flus imsemmija fl-Artikolu 1(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(3)

“pagatur” tfisser persuna li jkollha kont tal-pagamenti u tippermetti trasferiment ta' flus minn dak il-kont tal-pagamenti, jew, fejn ma jkun hemm ebda kont tal-pagamenti, li tagħti ordni għat-trasferiment ta' fondi;

(4)

“benefiċjarju” tfisser persuna li tkun ir-riċevitur previst tat-trasferiment ta' fondi;

(5)

“fornitur tas-servizzi ta' pagament” tfisser il-kategoriji ta' fornitur tas-servizzi ta' pagament imsemmijin fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/64/KE, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 26 tagħha u persuni ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), li jipprovdu servizzi għat-trasferiment ta' fondi;

(6)

“fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament” tfisser fornitur tas-servizzi ta' pagament, li ma jkunx il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jew tal-benefiċjarju u li jirċievi u jittrażmetti trasferiment ta' fondi f'isem il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jew tal-benefiċjarju, jew ta' fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament ieħor;

(7)

“kont tal-pagamenti” tfisser kont tal-pagamenti kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE;

(8)

“fondi” tfisser fondi kif definiti fil-punt (15) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE;

(9)

“trasferiment ta' fondi” tfisser kwalunkwe transazzjoni li tal-inqas ssir parzjalment b'mezzi elettroniċi f'isem pagatur permezz ta' fornitur tas-servizzi ta' pagament, bil-għan li l-fondi jkunu disponibbli għal benefiċjarju permezz ta' fornitur tas-servizzi ta' pagament, irrispettivament jekk il-pagatur u l-benefiċjarju humiex l-istess persuna u irrispettivament minn jekk il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur u dak tal-benefiċjarju humiex l-istess, inklużi:

(a)

trasferiment ta' kreditu kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012;

(b)

debitu dirett kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012;

(c)

ħlas ta' flus kif definit fil-punt (13) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE;

(d)

trasferiment li jsir bl-użu ta' kard tal-ħlas, strument ta' flus elettroniċi, jew telefon ċellulari, jew kwalunkwe apparat diġitali jew apparat tal-IT ieħor b'karatteristiċi simili mħallas minn qabel jew li jitħallas wara;

(10)

“trasferiment ta' lott skedat” tfisser pakkett ta' diversi trasferimenti individwali ta' fondi li nġabru flimkien għal trażmissjoni;

(11)

“identifikatur uniku tat-transazzjoni” tfisser kumbinazzjoni ta' ittri, numri jew simboli stabbiliti mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament, f'konformità mal-protokolli tas-sistemi ta' pagament u saldu jew sistemi ta' messaġġi użati għat-trasferiment ta' fondi, li tippermetti t-traċċabbiltà tat-transazzjoni lura lill-pagatur u lill-benefiċjarju;

(12)

“trasferiment ta' fondi minn persuna għal oħra” tfisser transazzjoni bejn persuni fiżiċi li jaġixxu, bħala konsumaturi, għal skopijiet oħra għajr il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni.

KAPITOLU II

OBBLIGI TAL-FORNITURI TA' SERVIZZI TA' PAGAMENT

TAQSIMA 1

Obbligi tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-pagatur

Artikolu 4

Informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi

1.   Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jiżgura li t-trasferimenti ta' fondi jkunu akkumpanjati mill-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur:

(a)

l-isem tal-pagatur;

(b)

in-numru tal-kont tal-pagamenti tal-pagatur; u

(c)

l-indirizz tal-pagatur, in-numru tad-dokument uffiċjali personali, in-numru ta' identifikazzjoni tiegħu bħala klijent jew id-data u l-post tat-twelid tiegħu.

2.   Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jiżgura li t-trasferimenti ta' fondi jkunu akkumpanjati mill-informazzjoni li ġejja dwar il-benefiċjarju:

(a)

l-isem tal-benefiċjarju; u

(b)

in-numru tal-kont tal-pagamenti tal-benefiċjarju.

3.   B'deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1 u mill-punt (b) tal-paragrafu 2, fil-każ ta' trasferiment mhux magħmul minn jew lil kont tal-pagamenti, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jiżgura li t-trasferiment ta' fondi jkun akkumpanjat minn identifikatur uniku tat-transazzjoni minflok in-numru/i tal-kont(ijiet) tal-pagamenti.

4.   Qabel jittrasferixxi fondi, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbażi tad-dokumenti, tad-data u tal-informazzjoni miksuba minn sors affidabbli u indipendenti.

5.   Il-verifika kif msemmija fil-paragrafu 4 għandha titqies li tkun saret fejn:

(a)

l-identità ta' pagatur tkun ġiet ivverifikata f'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2015/849 u l-informazzjoni miksuba bis-saħħa ta' dik il-verifika tkun ġiet reġistrata f'konformità mal-Artikolu 40 ta' dik id-Direttiva; jew

(b)

l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 ikun japplika għall-pagatur.

6.   Mingħajr preġudizzju għad-derogi previsti fl-Artikoli 5 u 6, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ma għandu jeżegwixxi ebda trasferiment ta' fondi qabel ma jiżgura konformità sħiħa ma' dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Trasferimenti ta' fondi fl-Unjoni

1.   B'deroga mill-Artikolu 4(1) u (2), fejn il-fornituri tas-servizzi ta' pagament kollha involuti fil-katina tal-pagamenti huma stabbiliti fl-Unjoni, it-trasferimenti ta' fondi għandhom ikunu akkumpanjati tal-inqas min-numru tal-kont tal-pagamenti kemm tal-pagatur kif ukoll tal-benefiċjarju jew, fejn ikun japplika l-Artikolu 4(3), mill-identifikatur uniku tat-transazzjoni, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-informazzjoni stipulati fir-Regolament (UE) Nru 260/2012 fejn applikabbli.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu, fi żmien tlett ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi talba għall-informazzjoni mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jew il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament, jagħmel disponibbli dawnli ġejjin:

(a)

għal trasferimenti ta' fondi li jaqbżu l-EUR 1 000, kemm jekk it-trasferimenti jsiru fi transazjoni waħda kif ukoll jekk isiru f'diversi transazzjonijiet li jkunu jidhru marbutin, l-informazzjoni dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju f'konformità mal-Artikolu 4;

(b)

għal trasferimenti ta' fondi li ma jaqbżux l-EUR 1 000 u li ma jidhrux li huma marbuta ma' trasferimenti oħra ta' fondi li, flimkien mat-trasferiment inkwistjoni, jaqbżu l-EUR 1 000, tal-inqas

(i)

l-isem tal-pagatur u l-isem tal-benefiċjarju, u

(ii)

in-numri tal-kont tal-pagamenti kemm tal-pagatur kif ukoll tal-benefiċjarju jew, fejn ikun japplika l-Artikolu 4(3), l-identifikatur uniku tat-transazzjoni.

3.   B'deroga mill-Artikolu 4(4), fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi msemmija fil-paragrafu 2(b) ta' dan l-Artikolu, il-fornitur ta' servizzi ta' pagament ta' min iħallas mhuwiex meħtieġ li jivverifika l-informazzjoni dwar il-pagatur sakemm il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju:

(a)

ma jkunx irċieva l-fondi li għandhom jiġu trasferiti fi flus jew fi flus elettroniċi anonimi; jew

(b)

ma jkollux raġunijiet raġonevoli għal suspett ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 6

Trasferimenti ta' fondi 'l barra mill-Unjoni

1.   Fil-każ ta' trasferiment ta' lott skedat minn pagatur uniku fejn il-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarji jinsabu barra l-Unjoni, l-Artikolu 4(1) ma għandux japplika għat-trasferimenti individwali miġbura flimkien fih, sakemm il-lott skedat ikun fih l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1), (2) u (3), dik l-informazzjoni tkun ġiet ivverifikata f'konformità mal-Artikolu 4(4) u (5), u sakemm it-trasferimenti individwali jkollhom in-numru tal-kont tal-pagamenti tal-pagatur jew, fejn ikun japplika l-Artikolu 4(3), l-identifikatur uniku tat-transazzjoni.

2.   B'deroga mill-Artikolu 4(1), u, fejn applikabbli, mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni meħtieġa f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 260/2012, fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jkun stabbilit barra l-Unjoni, it-trasferimenti ta' fondi li ma jaqbżux l-EUR 1 000 li ma jidhrux li huma marbuta ma' trasferimenti oħra ta' fondi li, flimkien mat-trasferiment inkwistjoni, jaqbżu l-EUR 1 000, għandhom ikunu akkumpanjati minn tal-anqas:

(a)

l-isem tal-pagatur u l-isem tal-benefiċjarju; u

(b)

in-numri tal-kont tal-pagamenti kemm tal-pagatur kif ukoll tal-benefiċjarju jew, fejn ikun japplika l-Artikolu 4(3), l-identifikatur uniku tat-transazzjoni.

B'deroga mill-Artikolu 4(4), mhuwiex meħtieġ li l-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju mhuwiex meħtieġ li jivverifika l-informazzjoni dwar il-pagatur imsemmija f'dan il-paragrafu, sakemm il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju:

(a)

ma jkunx irċieva l-fondi li għandhom jiġu trasferiti fi flus jew fi flus elettroniċi anonimi; jew

(b)

ma jkollux raġunijiet raġonevoli għal suspett ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.

TAQSIMA 2

Obbligi tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju

Artikolu 7

Individwazzjoni ta' informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju

1.   Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jimplimenta proċeduri effettivi biex jindividwa jekk is-segmenti li jirrigwardaw l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju fis-sistema ta' messaġġi jew ta' pagamenti u saldu li tintuża sabiex isir it-trasferiment ta' fondi jkunux imtlew bl-użu tal-karattri jew inputs ammissibbli skont il-prattika ta' dik is-sistema.

2.   Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jimplimenta proċeduri effettivi, inkluż, fejn adatt, monitoraġġ ex post jew monitoraġġ f'ħin reali, sabiex jindividwa jekk l-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju tkunx nieqsa:

(a)

għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun jinsab fl-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5;

(b)

għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra l-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2);

(c)

għal trasferimenti ta' lottijiet skedati fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra l-Unjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) fir-rigward ta' dak it-trasferiment ta' lott skedat.

3.   Fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi li jaqbżu l-EUR 1 000, kemm jekk dawk it-trasferimenti jsiru fi transazzjoni waħda kif ukoll jekk isiru f'diversi transazzjonijiet li jidhru marbutin, qabel ma jikkredita l-kont tal-pagamenti tal-benefiċjarju jew ma jagħmel il-fondi disponibbli għall-benefiċjarju, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarju msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu abbażi ta' dokumenti, data jew informazzjoni miksuba minn sors affidabbli u indipendenti, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 69 u 70 tad-Direttiva 2007/64/KE.

4.   Fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi li jaqbżu l-EUR 1 000 li ma jidhrux li huma marbuta ma' trasferimenti oħra ta' fondi li, flimkien mat-trasferiment inkwistjoni, jaqbżu l-EUR 1 000, mhuwiex meħtieġ li l-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju mhuwiex meħtieġ jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni dwar il-pagatur, sakemm il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju:

(a)

ma jħallasx l-fondi fi flus kontanti jew fi flus elettroniċi anonimi; jew

(b)

ma jkollux raġunijiet raġonevoli għal suspett ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.

5.   Il-verifika kif imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 għandha titqies li tkun saret fejn:

(a)

l-identità ta' benefiċjarju tkun ġiet ivverifikata f'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2015/849 u l-informazzjoni miksuba bis-saħħa ta' din il-verifika tkun ġiet irreġistrata f'konformità mal-Artikolu 40 ta' dik id-Direttiva; jew

(b)

l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 japplika għall-benefiċjarju.

Artikolu 8

Trasferimenti ta' fondi b'informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju

1.   Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jimplimenta proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju, inkluż proċeduri bbażati fuq bażi ta' sensittività għar--riskji msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2015/849, biex jiġi determinat jekk għandux jiġi eżegwit, irrifjutat jew sospiż trasferiment ta' fondi li ma jkollux l-informazzjoni kompleta meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju u biex tittieħed l-azzjoni ta' segwitu adatta.

Fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju isir konxju, meta jirċievi trasferiment ta' fondi, li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) jew (2), l-Artikolu 5(1) jew l-Artikolu 6 hija nieqsa jew ma mtlietx bl-użu tal-karattri jew l-inputs ammissibbli skont il-prattika tas-sistema ta' messaġġi jew ta' pagamenti u saldu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1), il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu, jew jirrifjuta t-trasferiment jew inkella jitlob informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju, qabel jew wara li jikkredita l-kont tal-pagamenti tal-benefiċjarju jew jagħmel disponibbli l-fondi lill-benefiċjarju, abbażi tal-perċezzjoni tar-riskju.

2.   Fejn fornitur tas-servizzi ta' pagament jonqos ripetutament milli jipprovdi kwalunkwe element mill-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jieħu passi, li jistgħu jinkludu inizjalment l-għoti ta' twissijiet u l-istipular ta' skadenzi, qabel li jew jirrifjuta kwalunkwe trasferiment futur ta' fondi mingħand dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament, jew jirrestrinġi jew itemm ir-relazzjoni ta' negozju tiegħu ma' dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament.

Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jirrapporta dak in-nuqqas u l-passi meħudin, lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 9

Valutazzjoni u rapportar

Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jikkunsidra informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju bħala fattur fil-valutazzjoni ta' jekk it-trasferiment ta' fondi, jew kwalunkwe transazzjoni relatata, hijiex suspettuża, u jekk għandhiex tiġi rappurtata lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) stabbilita skont id-Direttiva (UE) 2015/849.

TAQSIMA 3

L-obbligi ta' fornituri intermedjarji ta' servizzi ta' pagament

Artikolu 10

Żamma ta' informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju mat-trasferiment

Il-fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament jiżguraw li l-informazzjoni kollha li jirċievu dwar il-pagatur li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi tinżamm mat-trasferiment.

Artikolu 11

Individwazzjoni ta' informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju

1.   Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu jimplimenta proċeduri effettivi biex jindividwa jekk is-segmenti li jirrigwardaw l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju fis-sistema ta' messaġġi jew fis-sistema ta' pagament u saldu li tintuża sabiex isir it-trasferiment ta' fondi, ikunux imtlew bl-użu tal-karattri jew inputs ammissibbli skont il-konvenzjonijiet ta' dik is-sistema.

2.   Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu jimplimenta proċeduri effettivi, inkluż, fejn adatt, monitoraġġ ex post jew monitoraġġ f'ħin reali, sabiex jindividwa jekk l-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju tkunx nieqsa:

(a)

għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur u l-benefiċjarju jkunu jinsabu fl-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5;

(b)

għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jew il-benefiċjarju jkun stabbilit barra l-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2);

(c)

għal trasferimenti ta' lottijiet skedati fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jew tal-benefiċjarju jkun stabbilit barra l-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) rigward dak it-trasferiment ta' lott skedat.

Artikolu 12

Trasferimenti ta' fondi b'informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju

1.   Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jistabbilixxi proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju li jiddeterminaw jekk jiġix eżegwit, irrifjutat jew sospiż trasferiment ta' fondi minħabba nuqqas ta' informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju u biex tittieħed l-azzjoni ta' segwitu adatta.

Fejn il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jinduna, meta jirċievi trasferiment ta' fondi, li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) jew (2), l-Artikolu 5(1) jew l-Artikolu 6 hija nieqsa jew li ma mtlietx bl-użu tal-karattri jew l-inputs ammissibbli skont il-prattika tas-sistema ta' messaġġi jew ta' pagamenti u saldu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) dan għandu jirrifjuta t-trasferiment jew jitlob għall-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju qabel jew wara t-trażmissjoni tat-trasferiment tal-fondi, abbażi tas-sensittività għar-riskji.

2.   Fejn fornitur tas-servizzi ta' pagament jonqos ripetutament milli jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jieħu passi, li għall-ewwel jistgħu jinkludu l-ħruġ ta' twissijiet u l-istabbiliment ta' skadenzi, qabel ma jirrifjuta kwalunkwe trasferimenti futuri ta' fondi mingħand dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew jirrestrinġi jew itemm ir-relazzjoni ta' negozju tiegħu ma' dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew le.

Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jirrapporta dak in-nuqqas u l-passi meħudin, lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 13

Valutazzjoni u Rapportar

Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu jikkunsidra informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju bħala fattur meta jivvaluta jekk it-trasferiment ta' fondi, jew kwalunkwe transazzjoni relatata, huwiex suspettuż, u jekk dan għandux jiġi rappurtat lill-UIF skont id-Direttiva (UE) 2015/849.

KAPITOLU III

INFORMAZZJONI, PROTEZZJONI TAD-DATA U ŻAMMA TAR-REKORDS

Artikolu 14

Għoti ta' informazzjoni

Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jirrispondu b'mod sħiħ u mingħajr dewmien, inkluż permezz ta' punt ta' kuntatt ċentrali f'konformità mal-Artikolu 45(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849, fejn ikun inħatar punt ta' kuntatt, u f'konformità mar-rekwiżiti proċedurali stipulati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jinsabu fih, esklużivament għall-mistoqsijiet mill-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu ta' dak l-Istat Membru dwar l-informazzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Protezzjoni tad-data

1.   L-ipproċessar tad-data personali taħt dan ir-Regolament huwa suġġett għad-Direttiva 95/46/KE kif trasposta fil-liġi nazzjonali. Id-data personali pproċessata skont dan ir-Regolament mill-Kummissjoni jew mill-ASEhija suġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Id-data personali għandha tiġi pproċessata mill-fornituri tas-servizzi ta' pagament abbażi ta' dan ir-Regolament għall-finijiet biss tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b'mod li huwa inkompatibbli ma' dawk il-finijiet. L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta' dan ir-Regolament għal finijiet kummerċjali għandu jkun ipprojbit.

3.   Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jipprovdu lill-klijenti l-ġodda bl-informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE qabel ma jistabbilixxu relazzjoni ta' negozju jew iwettqu transazzjoni okkażjonali. Din l-informazzjoni għandha, b'mod partikolari, tinkludi avviż ġenerali dwar l-obbligi legali tal-entitajiet obbligati skont din id-Direttiva meta jipproċessaw id-data personali għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

4.   Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li tiġi osservata l-kunfidenzjalità tad-data pproċessata.

Artikolu 16

Żamma ta' rekords

1.   L-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju m'għandhiex tinżamm għal aktar milli strettament meħtieġ. Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur u tal-benefiċjarju u l-fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament għandhom iżommu rekords tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 4 sa 7 għal perjodu ta' ħames snin.

2.   Mal-iskadenza tal-perijodu ta' żamma msemmija fil-paragrafu 1, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li d-data personali titħassar, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix mod ieħor, li tiddetermina taħt liema ċirkostanzi l-fornituri tas-servizzi ta' pagament jistgħu jew għandhom iżommu ulterjorment id-data. L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jeħtieġu żamma ulterjuri biss wara li jkunu wettqu evalwazzjoni bir-reqqa tan-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali żamma ulterjuri, u fejn huma jikkunsidrawha ġustifikata bħala neċessarja għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Dak il-perijodu ta' żamma ulterjuri ma għandux jaqbeż ħames snin.

3.   Fejn, fil-25 ta' Ġunju 2015, il-proċedimenti legali marbuta mal-prevenzjoni, l-individwazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' suspett ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu huma pendenti fi Stat Membru, u l-fornitur tas-servizzi ta' pagament iżomm informazzjoni jew dokumenti dwar dawn il-proċeduri pendenti, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jista' jżomm dik informazzjoni jew dawk id-dokumenti f'konformità mal-liġi nazzjonali għal perijodu ta' ħames snin mill-25 ta' Ġunju 2015. L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali dwar l-evidenza applikabbli għall-investigazzjonijiet kriminali u l-proċedimenti legali kurrenti, jippermettu jew jirrikjedu ż-żamma ta' tali informazzjoni jew dokumenti għal perijodu ulterjuri ta' ħames snin fejn in-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali żamma ulterjuri tkun ġiet stabbilita għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu suspettati.

KAPITOLU IV

SANZJONIJIET U MONITORAĠĠ

Artikolu 17

Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt li jiġu previsti u imposti sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet u miżuri amministrattivi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet u miżuri previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu konsistenti ma' dawk stabbiliti f'konformità mal-Kapitolu VI, Taqsima 4, tad-Direttiva (UE) 2015/849.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistipulawx regoli dwar sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jkunu soġġetti għal-sanzjonijiet kriminali taħt il-liġi nazzjonali tagħhom. F'tali każ, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-obbligi japplikaw għall-fornituri tas-servizzi ta' pagament, fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet jew miżuri, soġġetti għal-liġi nazzjonali, għall-membri tal-korp maniġerjali u għal kwalunkwe persuna fiżika oħra li, skont il-liġi nazzjonali, tkun responsabbli għall-ksur.

3.   Sas-26 ta' Ġunju 2017, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-ASE, l-EIOPA u l-ESMA. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-ASE mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

4.   F'konformità mal-Artikolu 58(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi jipproduċu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur imsemmija fl-Artikolu 18 imwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna li taġixxi jew individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika abbażi ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

is-setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli fejn in-nuqqas ta' sorveljanza jew ta' kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jkun għamel possibbli t-twettiq ta' xi ksur imsemmi fl-Artikoli 18 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi f'konformità ma' dan ir-Regolament, fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:

(a)

direttament;

(b)

f'kollaborazzjoni ma' awtoritajiet oħrajn;

(c)

taħt ir-responsabbiltà tagħhom b'delega lil tali awtoritajiet oħrajn;

(d)

permezz ta' applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi jipproduċu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet speċifiċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi tagħhom jinkludu tal-anqas dawk stipulati mill-Artikolu 59(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/849 fil-każ tal-ksur li ġej ta' dan ir-Regolament:

(a)

nuqqas ripetittiv jew sistematiku minn fornitur tas-servizzi ta' pagament li jinkludi l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju, bi ksur tal-Artikolu 4, 5 jew 6;

(b)

nuqqas ripetittiv, sistematiku jew serju minn fornitur tas-servizzi ta' pagament li jżommu rekords, bi ksur tal-Artikolu 16;

(c)

nuqqas minn fornitur tas-servizzi ta' pagament li jimplimenta proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju, bi ksur tal-Artikoli 8 jew 12;

(d)

nuqqas serju minn fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament li jikkonforma mal-Artikolu 11 jew 12.

Artikolu 19

Pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri

F'konformità mal-Artikoli 60(1), (2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/849, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw sanzjonijiet u miżuri amministrattivi imposti fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18 ta' dan ir-Regolament mingħajr dewmien żejjed, inkluż informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli għalih, jekk meħtieġ u proporzjonat wara valutazzjoni każ b'każ.

Artikolu 20

Applikazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri mill-awtoritajiet kompetenti

1.   Meta jiddeterminaw it-tip ta' sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi u l-livell ta' sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi dawk elenkati fl-Artikolu 60(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

2.   Fir-rigward ta' sanzjonijiet u miżuri amministrattivi imposti f'konformità ma' dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 62 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

Artikolu 21

Rapportar ta' ksur

1.   L-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi sabiex jinkoraġġixxu r-rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti ta' ksur ta' dan ir-Regolament.

Dawk il-mekkaniżmi għandhom jinkludu tal-anqas dawk imsemmija fl- Artikolu 61(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

2.   Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, għandhom jistabbilixxu proċeduri interni adatti għall-impjegati tagħhom jew persuni f'pożizzjoni komparabbli, biex jirrappurtaw ksur internament permezz ta' mezz sigur, indipendenti, speċifiku u anonimu, proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament ikkonċernat.

Artikolu 22

Monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw b'mod effettiv, u jieħdu l-miżuri meħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament u, permezz ta' mekkaniżmi effettivi, jinkoraġġixxu r-rappurtar ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament lill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Wara l-Istati Membri jkunu nnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-ASE, f'konformità mal-Artikolu 17(3), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Kapitolu IV, b' rigward partikolari għal każijiet transkonfinali.

KAPITOLU V

SETGĦAT TAL-IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 23

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (il-“Kumitat”). Il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VI

DEROGI

Artikolu 24

Ftehimiet ma' pajjiżi u territorji li ma jifformawx parti mit-territorju tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' tawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jikkonkludi ftehim ma' pajjiż jew ma' territorju li jinsab barra mill-ambitu territorjali tat-TUE u t-TFUE kif imsemmi fl-Artikolu 355 tat-TFUE (il-“pajjiż jew territorju kkonċernat”), li jinkludu derogi minn dan ir-Regolament, sabiex jippermettu li t-trasferimenti ta' fondi bejn dak il-pajjiż jew it-territorju u l-Istat Membru konċernat ikunu meqjusa bħala trasferimenti ta' fondi f'dak l-Istat Membru.

Tali ftehimiet jistgħu jkunu awtorizzati biss fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-pajjiż jew it-territorju konċernat jikkondividi unjoni monetarja mal-Istat Membru konċernat jew jifforma parti miż-żona monetarja ta' dak l-Istat Membru jew ikun iffirma konvenzjoni monetarja mal-Unjoni Ewropea rappreżentata minn Stat Membru;

(b)

il-fornituri tas-servizzi ta' pagament fil-pajjiż jew it-territorju konċernat jipparteċipaw direttament jew indirettament fis-sistemi ta' pagament u ta' saldu f'dak l-Istat Membru; u

(c)

il-pajjiż jew it-territorju konċernat jirrikjedi li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu japplikaw l-istess regoli bħal dawk stabbiliti taħt dan ir-Regolament.

2.   Stat Membru li jixtieq jikkonkludi xi ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jippreżenta talba lill-Kummissjoni u jagħtiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tat-talba.

3.   Hekk kif il-Kummissjoni tirċievi tali talba, it-trasferimenti ta' fondi bejn dak l-Istat Membru u l-pajjiż jew it-territorju konċernat ikunu proviżorjament trattati bħala trasferimenti ta' fondi f'dak l-Istat Membru, sakemm tittieħed deċiżjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu.

4.   Jekk, fi żmien xahrejn minn meta tirċievi t-talba, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma għandhiex l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tat-talba, hija għandha tikkuntattja lill-Istat Membru konċernat u tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

5.   Fi żmien xahar mir-riċezzjoni tal-informazzjoni kollha li tikkunsidra meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kif meħtieġ u tittrażmetti kopji tat-talba lill-Istati Membri l-oħra.

6.   Fi żmien tliet xhur min-notifika msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 23(2), jekk tawtorizzax lill-Istat Membru konċernat sabiex jikkonkludi l-ftehim li jkun is-suġġett tat-talba.

Il-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tadotta deċiżjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu fi żmien 18-il xahar mir-riċezzjoni tat-talba.

7.   Sas-26 ta' Marzu 2017, l-Istati Membri li jkunu ġew awtorizzati biex jikkonkludu ftehimiet ma' pajjiż jew territorju kkonċernat skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/43/UE (20), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/259/UE (21), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/853/KE (22) jew id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/982/KE (23) għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni aġġornata neċessarja għal evalwazzjoni taħt il-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

Fi żmien tliet xhur minn mir-riċezzjoni ta' tali informazzjoni, il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni mogħtija sabiex tiżgura li l-pajjiż jew it-territorju konċernat jirrikjedi lill-fornituri tas-servizzi ta' pagament taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu biex japplikaw l-istess regoli bħal dawk stabbiliti skont dan ir-Regolament. Jekk, wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kondizzjoni stipulata fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għadhiex tintlaħaq, hija għandha tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti.

Artikolu 25

Linji gwida

Sas-26 ta' Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri tas-servizzi ta' pagament f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu f'konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 7, 8, 11 u 12.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006

Ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mis-26 ta' Ġunju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta' Mejju 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 166, 12.6.2013, p. 2.

(2)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 31.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta' April 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2015 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi mmirati kontra xi persuni u entitajiet bil-ħsieb tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mn-network ta' Al-Qaida (ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 tas-26 ta' April 2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja (ĠU L 105, 27.4.2010, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ara l-paġna 73 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(9)  Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(18)  ĠU C 32, 4.2.2014, p. 9.

(19)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(20)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/43/UE tal-25 ta' Jannar 2012 li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka jikkonkludi ftehimiet mal-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe għat-trasferimenti ta' fondi bejn id-Danimarka u kull wieħed minn dawn it-territorji li għandhom jiġu ttrattati bħala trasferimenti ta' fondi fid-Danimarka, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 24, 27.1.2012, p. 12).

(21)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/259/UE tal-4 ta' Mejju 2010 li tawtorizza r-Repubblika Franċiża tikkonkludi ftehim mal-Prinċipat ta' Monako dwar trasferimenti ta' fondi bejn ir-Repubblika Franċiża u l-Prinċipat ta' Monako sabiex jiġu meqjusa bħala trasferimenti fi ħdan ir-Repubblika Franċiża, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, 5.5.2010, p. 23).

(22)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/853/KE tas-26 ta' Novembru 2009 li tawtorizza lil Franza biex tikkonkludi ftehim ma' Saint-Pierre-et-Miquelon, Mayotte, il-Kaledonja l-Ġdida, il-Polinesja Franċiża u Wallis u Futuna rispettivament għal trasferimenti ta' fondi bejn Franza u kull wieħed minn dawn it-territorji sabiex jitqiesu bħala trasferimenti ta' fondi fi ħdan Franza, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 312, 27.11.2009, p. 71).

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/982/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 li tawtorizza lir-Renju Unit jikkonkludi ftehim mal-Bailiwick ta' Jersey, mal-Bailiwick ta' Guernsey u mal-Isle of Man sabiex it-trasferimenti ta' fondi bejn ir-Renju Unit u kull wieħed minn dawn it-territorji jitqiesu bħala trasferimenti ta' fondi fi ħdan ir-Renju Unit, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 34).


ANNESS

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 1781/2006

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 2

Artikolu 4

Artikolu 4(1)

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 11

Artikolu 16

Artikolu 12

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikoli 17 sa 22

Artikolu 16

Artikolu 23

Artikolu 17

Artikolu 24

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 26

Artikolu 20

Artikolu 27