19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/77


REGOLAMENT (UE) 2015/758 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta' April 2015

li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ġiet stabbilita sistema komprensiva tal-approvazzjoni skont it-tip tal-Unjoni għal vetturi bil-mutur bid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni skont it-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' għadd kbir ta' elementi ta' sikurezza u ambjentali ġew armonizzati fil-livell tal-Unjoni sabiex jiżguraw livell għoli ta' sikurezza fit-toroq fl-Unjoni kollha.

(3)

L-iskjerament tas-servizz eCall disponibbli fil-vetturi kollha u fl-Istati Membri kollha kienet waħda mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni fil-qasam tas-sikurezza fit-triq sa mill-2003. Sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, ġiet imnedija sensiela ta' inizjattivi, bħala parti minn approċċ ta' skjerament volontarju, iżda sa issa ma sarx biżżejjed progress.

(4)

Sabiex is-sikurezza fit-triq tkompli titjieb, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Awwissu 2009 bit-titolu: “eCall: Wasal il-waqt għall-Mobilizzazzjoni” proponiet miżuri ġodda biex fl-Unjoni jiġi skjerat servizz ta' sejħiet ta' emerġenza mmuntat fil-vettura. Waħda mill-miżuri proposti hija li jsir obbligatorju l-immuntar ta' sistemi ta' eCall bbażati fuq in-numru 112 fit-tipi ġodda kollha ta' vetturi, u li dan jinbeda fuq il-kategoriji ta' vetturi M1 u N1 kif iddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE.

(5)

Fit-3 ta' Lulju 2012, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-eCall: servizz ġdid 112 għaċ-ċittadini, li ħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta fil-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE sabiex tiżgura l-użu obbligatorju ta' sistema pubblika eCall ibbażata fuq in-numru 112 sal-2015.

(6)

Għad hemm il-ħtieġa li l-operat tas-servizz 112 jitjieb fl-Unjoni kollha, sabiex jagħti assistenza rapida u b'mod effettiv fl-emerġenzi.

(7)

Is-sistema eCall tal-Unjoni mistennija tnaqqas l-għadd ta' mwiet fl-Unjoni kif ukoll is-severità tal-korrimenti kkawżati minn aċċidenti fit-triq, bis-saħħa tal-allert bikri lis-servizzi ta' emerġenza. Bl-introduzzjoni obbligatorja tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112, flimkien mat-titjib meħtieġ u kkoordinat tal-infrastruttura tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil biex isiru l-eCalls u taċ-Ċentri li Jirċievu t-Telefonati ta' Emerġenza (PSAPs) li jirċievu u jittrattaw l-eCalls, is-servizz ikun disponibbli għaċ-ċittadini kollha u għalhekk jikkontribwixxi għal tnaqqis fl-imwiet u l-korrimenti gravi, l-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa, il-konġestjoni kkawżata mill-inċidenti u spejjeż oħra.

(8)

F'konformità mal-Artiklu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 585/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Istati Membri għandhom jiskjeraw fit-territorju tagħhom, tal-inqas sitt xhur qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2017, l-infrastruttura tal-PSAP tal-eCall meħtieġa biex l-eCalls kollha jiġu rċevuti u ttrattati sew. F'konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 585/2014/UE, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni sal-24 ta' Diċembru 2015 dwar l-istat tal-implimentazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni. Jekk ir-rapport jikkonkludi li l-infrastruttura tal-PSAP tal-eCall mhux ser tkun operazzjonali sal-1 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni adatta biex tiżgura li l-infrastruttura tal-PSAP tal-eCall tiġi skjerata.

(9)

F'konformità mal-paragrafu 4 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/750/UE (5), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tan-netwerks mobbli implimentaw il-mekkaniżmu sabiex jiġi ttrattat “l-element diskriminatorju tal-eCalls” fin-netwerks tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2014. Jekk l-analiżi msemmija fil-paragrafu 6 ta' dik ir-Rakkomandazzjoni tikkonkludi li “l-element li jiddiskrimina l-eCalls” ma jkunx ser jiġi implimentat sal-31 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni adatta biex tiżgura li l-operaturi tan-netwerk mobbli jimplimentaw il-mekkaniżmu li jittratta “l-element diskriminatorju tal-eCalls”.

(10)

Il-provvista ta' informazzjoni preċiża u affidabbli dwar il-pożizzjonament hija element essenzjali tat-tħaddim effettiv tas-sistema eCall immuntata fil-vetturi bbażata fuq in-numru 112. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi meħtieġa l-kompatibbiltà tagħha mas-servizzi provduti bil-programmi Galileo u Servizz Ewropew ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Is-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo hija sistema globali indipendenti ta' navigazzjoni bis-satellita u dik stabbilita taħt il-programm EGNOS hija sistema reġjonali ta' navigazzjoni bis-satellita li jtejbu l-kwalità tas-sinjal tas-Sistema ta' Lokalizzazzjoni bis-Satellita.

(11)

It-tagħmir obbligatorju tal-vetturi bis-sistema eCall immuntata fil-vetturi bbażata fuq in-numru 112, għall-bidu għandu japplika biss għat-tipi l-ġodda ta' karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief (il-kategoriji M1 u N1) li għalihom diġà jeżisti mekkaniżmu ta' skattar adatt. Il-possibbiltà li fil-futur qrib, l-applikazzjoni tar-rekwiżit għas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 tiġi estiża biex tinkludi kategoriji ta' vetturi oħra, bħal vetturi tqal tal-merkanzija, karozzi tal-linja u xarabanks, vetturi motorizzati b'żewġ roti u tratturi agrikoli, għandha tkun ivvalutata ulterjorment mill-Kummissjoni bil-ħsieb li, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġislattiva għal dak il-għan.

(12)

Sabiex tiżdied il-penetrazzjoni għandu jiġi promoss it-tagħmir bis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 ta' vetturi ta' tipi eżistenti li ser jiġu manifatturati wara l-31 ta' Marzu 2018. Fir-rigward ta' tipi ta' vetturi approvati għat-tip qabel il-31 ta' Marzu 2018, sistema eCall tista' tiġi ffittjata wara fuq bażi volontarja.

(13)

Is-servizz pubbliku tal-eCall interoperabbli fl-Unjoni kollha bbażat fuq in-numru uniku Ewropew tal-emerġenza 112 u sistemi eCall sostnuti minn servizz ta' parti terza (servizzi ta' eCall TPS) jistgħu jikkoeżistu dment li jiġu adottati l-miżuri neċessarji biex tkun żgurata l-kontinwità tal-provvista tas-servizz lill-konsumatur. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku tal-eCall ibbażat fuq in-numru 112 fl-Istati Membri kollha matul il-ħajja tal-vettura u jkun garantit li s-servizz pubbliku tal-eCall ibbażat fuq in-numru 112 ikun dejjem disponibbli awtomatikament, il-vetturi kollha għandhom ikunu mgħammra bis-servizz pubbliku tal-eCall ibbażat fuq in-numru 112, irrispettivament minn jekk is-sid tal-vettura jagħżilx servizz tal-eCall TPS jew le.

(14)

Il-konsumaturi għandhom ikunu provduti b'ħarsa ġenerali realistika tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u tas-sistema eCall TPS, jekk il-vettura tkun mgħammra b'waħda, kif ukoll b' informazzjoni komprensiva u affidabbli dwar kwalunkwe funzjonalitajiet jew servizzi addizzjonali marbuta mas-servizz privat ta' emerġenza, applikazzjoniet ta' sejħiet ta' emerġenza jew assistenza mmuntati fil-vettura li jkunu offruti u dwar il-livell ta' servizz mistenni bix-xiri ta' servizzi ta' partijiet terzi u l-ispejjeż assoċjati. is-servizz tal-eCall ibbażat fuq in-numru 112 huwa servizz pubbliku ta' interess ġenerali u għalhekk għandu jkun aċċessibbli mingħajr ħlas għall-konsumaturi kollha.

(15)

It-tagħmir obbligatorju tal-vetturi bis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet ikkonċernati kollha bħall-manifatturi tal-karozzi u l-operaturi indipendenti li joffru servizzi addizzjonali ta' emerġenza u/jew ta' valur miżjud, b'mod parallel ma' jew li jkomplu jibnu fuq is-sistema eCall immuntata fil-vettura u bbażata fuq in-numru 112. Madankollu, kwalunkwe servizz addizzjonali għandu jiġi mfassal b'tali mod li ma jtellifx iżjed lis-sewwieq jew jaffettwa l-funzjonament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u l-ħidma effiċjenti taċ-ċentri li jirċievu s-sejħiet ta' emerġenza. Is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 li tipprovdi servizzi privati jew ta' valur miżjud għandha tkun imfassla b'tali mod li ma jkun jista' jsir l-ebda skambju ta' data personali bejniethom. Meta jiġu pprovduti, dawk is-servizzi għandhom ikunu konformi mal-leġislazzjoni applikabbli dwar is-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data u għandhom dejjem jibqgħu fakultattivi għall-konsumaturi.

(16)

Sabiex tiġi żgurata għażla miftuħa għall-klijenti u kompetizzjoni ġusta, kif ukoll titħeġġeġ l-innovazzjoni u tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija tat-teknoloġija tal-informazzjoni tal-Unjoni fis-suq globali, is-sistemi eCall immuntati fil-vetturi għandhom ikunu bbażati fuq pjattaforma interoperabbli, standardizzata, sikura u b'aċċess miftuħ għal applikazzjonijiet jew servizzi li fil-futur jistgħu possibbilment jiġu mmuntati fil-vettura. Peress li dan jirrikjedi sostenn tekniku u legali, il-Kummissjoni għandha tevalwa mingħajr dewmien, abbażi ta' konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti, inklużi l-manifatturi tal-vetturi u l-operaturi indipendenti, l-alternattivi kollha biex tiġi promossa u żgurata tali pjattaforma b'aċċess miftuħ u, jekk ikun xieraq, tippreżenta inizjattiva leġislattiva għal dan il-għan. Barra minn hekk, is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għandha tkun aċċessibbli għal tariffa raġonevoli li ma teċċedix ammont nominali u għall-operaturi indipendenti kollha mingħajr diskriminazzjoni għall-finijiet ta' tiswija u ta' manutenzjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(17)

Sabiex tinżamm l-integrità tas-sistema tal-approvazzjoni skont it-tip, huma biss dawk is-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112 li jistgħu jiġu ttestjati kompletament, li għandhom jiġu aċċettati għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(18)

Is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112, bħala sistema ta' emerġenza, teħtieġ l-ogħla livell possibbli ta' affidabbiltà. Għandhom ikunu żgurati l-preċiżjoni tas-sett minimu ta' data u tat-trasmissjoni tal-vuċi, u l-kwalità u għandha tiġi żviluppata sistema ta' ttestjar uniformi biex tkun żgurata l-lonġevità u d-durabbiltà tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112. Għalhekk għandhom jitwettqu testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali f'konformità mad-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(19)

Vetturi ta' serje żgħira u vetturi approvati skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2007/46/KE huma esklużi taħt dik id-Direttiva mir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-passiġġieri fl-eventwalità ta' impatt minn quddiem u ta' impatt mill-ġenb. Għalhekk, dawk il-vetturi ta' serje żgħira għandhom jiġu esklużi mill-obbligu li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-eCall stabbiliti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, minħabba raġunijiet tekniċi, uħud mill-kategoriji ta' vetturi M1 u N1 ma jistgħux ikunu mgħammra b'mekkaniżmu adatt ta' skattar tal-eCall.

(20)

Il-vetturi ta' skop speċjali għandhom ikunu soġġetti għall-konformità mar-rekwiżiti tal-eCall stabbiliti f'dan ir-Regolament, fejn il-vettura bażi/inkompleta hija mgħammra bil-mekkaniżmu ta' skattar meħtieġ.

(21)

Kwalunkwe proċessar ta' data personali permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għandu jkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali previsti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), b'mod partikolari biex jiġi garantit li l-vetturi mgħammra bis-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, fl-istat operazzjonali normali tagħhom relatat mal-eCall 112, ma jkunux traċċabbli u ma jkunux soġġetti għal kwalunkwe segwiment kontinwu u li s-sett minimu ta' data mibgħuta mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 ikun jinkludi l-informazzjoni minima meħtieġa għat-trattament adatt tas-sejħiet ta' emerġenza. Dan għandu jieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Grupp ta' Ħidma għall-Protezzjoni ta' Individwi dwar Ipproċessar ta' Data Personali stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE (“L-Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data”) u li jinsabu fid-“Dokument ta' ħidma dwar il-ħarsien tad-data u l-implikazzjonijiet għall-privatezza fl-inizjattiva eCall”, adottat fis-26 ta' Settembru 2006.

(22)

Il-manifatturi għandhom jimplimentaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jikkonformaw mar-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data stabbiliti f'dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (11).

(23)

Huma u jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi, il-manifatturi tal-vetturi għandhom jintegraw il-forom tekniċi ta' protezzjoni tad-data fis-sistemi mmuntati fil-vetturi u għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-“privatezza fid-disinn”.

(24)

Il-manifatturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar l-eżistenza ta' sistema eCall pubblika b'xejn, ibbażata fuq in-numru uniku Ewropew tal-emerġenza 112, id-dritt ta' sid il-vettura li jagħżel li juża dik is-sistema milli sistema eCall TPS u dwar l-ipproċessar ta' data li jsir mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 bħala parti mid-dokumentazzjoni teknika li tingħata mal-vettura. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli wkoll fuq l-Internet minn fejn tkun tista' titniżżel.

(25)

Id-data trasmessa permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u pproċessata mill-PSAPs tista' tiġi trasferita lis-servizz tal-emerġenza u sħab fis-servizz imsemmija fid-Deċiżjoni 585/2014/UE biss fl-eventwalità ta' inċidenti relatati ma' eCalls u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni u tintuża esklużivament biex jintlaħqu l-objettivi ta' dik id-Deċiżjoni. Id-data pproċessata mill-PSAPs permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 ma tiġix trasferita lil xi parti terza oħra mingħajr il-kunsens espliċitu minn qabel tas-suġġett tad-data.

(26)

L-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni, l-Istitut Ewropew għall-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandarizzazzjoni (CEN), żviluppaw standards komuni għall-użu ta' servizz ta' eCall pan-Ewropew, li għandu japplika għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, peress li dan ser jiffaċilita l-evoluzzjoni teknoloġika tas-servizz ta' eCall immuntat fil-vettura, jiżgura l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz fl-UE kollha, u jnaqqas l-ispejjeż tal-implimentazzjoni għall-Unjoni kollha.

(27)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' rekwiżiti tekniċi komuni dwar is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti klassijiet ta' vetturi tal-kategoriji M1 u N1 mill-obbligu li jinstallaw is-sistema eCall immuntata fil-vettura, tal-istabbiliment ta' rekwiżiti tekniċi dettaljati u testijiet għall-approvazzjoni KE skont it-tip ta' vetturi fir-rigward tas-sistemi eCall immuntati fil-vettura tagħhom u l-approvazzjoni KE skont it-tip ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati mfassla u mibnija għal tali vetturi, u tal-istabbiliment ta' regoli tekniċi dettaljati u proċeduri ta' ttestjar għall-applikazzjoni ta' ċerti regoli dwar l-ipproċessar ta' data personali u biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda skambju ta' data personali bejn is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u s-sistemi ta' partijiet terzi. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, anke fil-livell tal-esperti u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, konsultazzjonijiet ma' organizzazzjonijiet partikolari tal-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-Artikolu 29 f'konformità mal-leġislazzjoni applikabbli. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u adatta ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(28)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni relatati mal-arranġamenti prattiċi għall-valutazzjoni tal-assenza ta' traċċabilità u segwiment, l-iskeda tal-informazzjoni għall-utent u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni KE skont it-tip fir-rigward tal-iskeda għad-dokumenti ta' informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-manifatturi għall-finijiet tal-approvazzjoni skont it-tip, l-iskeda għaċ-ċertifikati tal-approvazzjoni KE skont it-tip u l-mudell għall-marka tal-approvazzjoni skont it-tip KE, għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(29)

Il-manifatturi tal-vetturi għandu jingħataw żmien suffiċjenti biex jadattaw għar-rekwiżiti tekniċi ta' dan ir-Regolament.

(30)

Dan ir-Regolament huwa Regolament separat ġdid fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni KE skont it-tip prevista fid-Direttiva 2007/46/KE u għalhekk, l-Annessi I, III, IV u XI għal dik id-Direttiva għandhom jiġu emendati skont dan.

(31)

Billi l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ksib tas-suq intern permezz tal-introduzzjoni ta' rekwiżiti tekniċi komuni għal vetturi skont it-tip approvat ġodda mgħammra bis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(32)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u ta opinjoni fid-29 ta' Ottubru 2013 (14),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-approvazzjoni KE skont it-tip ta' vetturi fir-rigward tas-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, u tas-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati tas-sistemi eCall immuntati fil-vettura bbażati fuq in-numru 112.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal vetturi tal-kategoriji M1 u N1 kif imfisser fil-punti 1.1.1 u 1.2.1 tal-Parti A tal-Anness II għad-Direttiva 2007/46/KE u għal sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati tal-eCall immuntati fil-vettura bbażati fuq in-numru 112 mfassla u mibnija għal tali vetturi.

Huwa m'għandux japplika għall-vetturi li ġejjin:

(a)

vetturi prodotti f'serje żgħira approvati skont l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2007/46/KE;

(b)

vetturi approvati f'konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2007/46/KE;

(c)

vetturi li minħabba raġunijiet tekniċi ma jistgħux jiġu mgħammra b'mekkaniżmu ta' skattar tal-eCall, kif determinat f'konformità mal-paragrafu 2.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 8 sabiex tidentifika klassijiet ta' vetturi tal-kategoriji M1 u N1 li għal raġunijiet tekniċi ma jistgħux jiġu mgħammra b'mekkaniżmu ta' skattar tal-eCall adatt, fuq il-bażi ta' studju li jivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċju mwettaq jew ikkummissjonat mill-Kummissjoni u li jieħu kont tal-aspetti tas-sikurezza u tekniċi rilevanti kollha.

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46/KE, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112” tfisser sistema ta' emerġenza, li tinkludi tagħmir immuntat fil-vettura u l-mezzi li jiskattaw, jimmaniġġjaw u jwettqu t-trasmissjoni tal-eCall, li hija attivata b'mod awtomatiku permezz ta' sensuri mmuntati fil-vettura jew b'mod manwali, u li ġġorr, permezz ta' netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil, sett minimu ta' data u tistabbilixxi kanal tal-awdjo bbażat fuq in-numru 112 bejn l-okkupanti tal-vettura u l-PSAP tal-eCall;

(2)

“eCall” tfisser sejħa ta' emerġenza minn ġol-vettura għan-numru 112, magħmula jew b'mod awtomatiku permezz tal-attivazzjoni ta' sensuri fil-vettura jew b'mod manwali, li għandha sett minimu ta' data u li tistabbilixxi kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-PSAP tal-eCall permezz ta' netwerks tal-komunikazzjoni pubbliċi u mobbli mingħajr fil;

(3)

“ċentru li jwieġeb għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika” (jew “PSAP”) tfisser post fiżiku fejn is-sejħiet ta' emerġenza jaslu l-ewwel taħt ir-responsabbiltà ta' awtorità pubblika jew organizzazzjoni privata rikonoxxuta mill-Istat Membru;

(4)

“PSAP l-aktar adatt” tfisser PSAP determinat minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti biex ikopri sejħiet ta' emerġenza minn żona partikolari jew għal sejħiet ta' emerġenza ta' tip partikolari;

(5)

“PSAP tal-eCall” tfisser PSAP l-aktar adatt determinat minn qabel mill-awtoritajiet biex jirċievi u jittratta l-ewwel l-eCalls;

(6)

“sett minimu ta' data” (jew “MSD”) tfisser l-informazzjoni ddefinita mis-“Sistemi ta' trasport intelliġenti — eSafety — Sett minimu ta' data (MSD) għall-eCall” standard (EN 15722:2011), li tintbagħat lill-PSAP tal-eCall;

(7)

“tagħmir immuntat fil-vettura” tfisser tagħmir installat fil-vettura b'mod permanenti li jipprovdi jew li għandu aċċess għad-data meħtieġa biex issir it-transazzjoni tal-eCall permezz ta' netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili;

(8)

“transazzjoni tal-eCall” tfisser l-istabbiliment ta' sessjoni tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil fin-netwerk pubbliku kollu tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil u t-trasmissjoni ta' MSD minn vettura lejn PSAP tal-eCall u l-istabbiliment ta' kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-istess PSAP tal-eCall;

(9)

“netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil” tfisser netwerk tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fil disponibbli għall-pubbliku f'konformità mad-Direttivi 2002/21/KE (15) u 2002/22/KE (16) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(10)

“eCall sostnuta minn servizzi terzi” (jew “eCall TPS”) tfisser sejħa ta' emerġenza minn ġol-vettura lil fornitur ta' servizz ta' parti terza, magħmula b'mod awtomatiku permezz tal-attivazzjoni ta' sensuri mmuntati fil-vettura jew b'mod manwali, li twassal, permezz ta' netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili, l-MSD u tistabbilixxi kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-fornitur ta' servizzi terzi;

(11)

“Fornitur ta' servizzi terzi (TPSP)” tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta mill-awtoritajiet nazzjonali li jkollha l-permess li tirċievi eCall TPS u tgħaddi l-MSD lill-PSAP tal-eCall;

(12)

“Sistema eCall għal servizzi terzi mmuntata fil-vettura” tfisser sistema attivata jew b'mod awtomatiku permezz ta' sensuri mmuntati fil-vettura jew b'mod manwali, li twassal, permezz ta' netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili, l-MSD u tistabbilixxi kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-fornitur ta' servizzi terzi.

Artikolu 4

Obbligi ġenerali tal-manifatturi

Il-manifatturi għandhom juru li t-tipi l-ġodda kollha ta' vetturi msemmija fl-Artikolu 2 huma mgħammra b'sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 li hija installata b'mod permanenti, f'konformità ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Obbligi speċifiċi tal-manifatturi

1.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tipi l-ġodda kollha ta' vetturi u s-sistemi eCall immuntati fil-vettura bbażati fuq in-numru 112, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati tagħhom imfassla u mibnija għal tali vetturi huma mmanifatturati u approvati f'konformità ma' dan ir-Regolament u fl-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament.

2.   Il-manifatturi għandhom juru li t-tipi l-ġodda kollha ta' vetturi huma mibnija b'tali mod li jiżguraw li, fl-eventwalità ta' inċident gravi, individwat bl-attivazzjoni ta' sensur jew proċessur wieħed jew aktar fil-vettura, li jsir fit-territorju tal-Unjoni, ikunu kapaċi jiskattaw b'mod awtomatiku eCall lin-numru uniku Ewropew tal-emerġenza 112.

Il-manifatturi għandhom juru li t-tipi l-ġodda ta' vetturi huma mibnija b'tali mod li jiżguraw li eCall lin-numru uniku Ewropew tal-emerġenza 112 tista' tiskatta wkoll b'mod manwali.

Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-kontroll ta' skattar b'mod manwali għas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 huwa imfassal b'tali mod li jkun evitat li jiġi attivat bi żball.

3.   Il-paragrafu 2 huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' sid il-vettura li juża sistema eCall TPS immuntata fil-vettura li tipprovdi servizz simili, minbarra s-sistema eCall fil-vetturi bbażata fuq in-numru 112, dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-sistema eCall TPS immuntata fil-vettura għandha tkun konformi mal-istandard EN 16102:2011 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eCall — Rekwiżiti tal-operat għas-sostenn minn parti terza”;

(b)

il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkun hemm sistema waħda biss attiva f'ħin wieħed u li s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 tiġi skattata awtomatikament fil-każ li s-sistema eCall TPS immuntata fil-vettura ma tkunx qed taħdem;

(c)

is-sid tal-vettura għandu jkollu d-dritt li jagħżel li juża s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 pjuttost milli sistema TPS immuntata fil-vettura fi kwalunkwe ħin;

(d)

il-manifatturi għandhom jinkludu informazzjoni dwar id-dritt imsemmi fil-punt (c) tal-manwal tas-sid.

4.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li r-riċevituri fis-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112 huma kompatibbli mas-servizzi ta' pożizzjonament provduti bis-sistemi Galileo u EGNOS. Il-manifatturi jistgħu jagħżlu wkoll il-kompatibbiltà ma' sistemi oħrajn ta' navigazzjoni bis-satellita.

5.   Huma biss dawk is-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, installati b'mod permanenti jew approvati separatament skont it-tip, u li jistgħu jiġu ttestjati, li għandhom jiġu aċċettati għall-finijiet tal-approvazzjoni KE skont it-tip.

6.   Il-manifatturi għandhom juru li, fil-każ ta' falliment kritiku tas-sistema li jirriżulta f'inabbiltà li ssir eCall ibbażata fuq in-numru 112, ser tingħata twissija lill-okkupanti tal-vettura.

7.   Is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għandha tkun aċċessibbli għal tariffa raġonevoli li ma teċċedix ammont nominali u għall-operaturi indipendenti kollha mingħajr diskriminazzjoni għall-finijiet ta' tiswija u ta' manutenzjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

8.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 8 li jistabbilixxi r-rekwiżiti u t-testijiet tekniċi dettaljati tal-approvazzjoni KE skont it-tip tal-vetturi fir-rigward tas-sistemi eCall tagħhom immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112 u l-approvazzjoni KE skont it-tip tas-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati tagħhom.

Ir-rekwiżiti u t-testijiet tekniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu bbażati fuq ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 u fuq l-istandards disponibbli relatati mal-eCall, fejn applikabbli, u li jinkludu:

(a)

EN 16072:2011 “Sistema ta' trasport intelliġenti — eSafety — rekwiżiti tal-operat ta' eCall Pan-Ewropew”;

(b)

EN 16062:2011 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eSafety — Rekwiżiti ta' applikazzjoni ta' livell għoli ta' eCall (HLAP)”;

(c)

CEN/TS 16454:2013 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — ESafety — ittestjar għall-konformità minn tarf sa ieħor tal-ECall”, fir-rigward tal-konformità tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 mal-eCall pan-Ewropew;

(d)

EN 15722:2011 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eSafety — sett minimu ta' data għall-eCall (MSD)”.

(e)

EN 16102:2011 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eCall — Rekwiżiti tal-operat għas-sostenn minn parti terza”;

(f)

kwalunkwe standard Ewropew addizzjonali relatat mas-sistema eCall adottat f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) jew ir-Regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (Regolamenti tal-UNECE) relatati mas-sistemi eCall li l-Unjoni tkun aderixxiet.

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

9.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 8 sabiex taġġorna l-verżjonijiet tal-istandards imsemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu meta tiġi adottata verżjoni ġdida.

Artikolu 6

Regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data

1.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE. Kwalunkwe pproċessar ta' data personali permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għandu jikkonforma mar-regoli tal-protezzjoni tad-data personali previsti f'dawk id-Direttivi.

2.   Id-data personali pproċessata skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss sabiex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza msemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2).

3.   Id-data personali pproċessata skont dan ir-Regolament m'għandhiex tinżamm aktar milli jkun meħtieġ sabiex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza msemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2). Dik id-data għandha titħassar b'mod sħiħ hekk kif ma tibqax meħtieġa għal dak il-għan.

4.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 ma tkunx tista' tiġi traċċata u ma tkun soġġetta għal ebda segwiment kostanti.

5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li, fil-memorja interna tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112, id-data titneħħa awtomatikament u kontinwament. Iż-żamma tal-aħħar tliet pożizzjonijiet biss tal-vettura għandha tkun permessa sa fejn ikun tassew meħtieġ biex tiġi speċifikata l-pożizzjoni attwali u d-direzzjoni li fiha kienet qed tivvjaġġa fil-ħin tal-każ.

6.   Dik id-data ma għandhiex tkun disponibbli barra mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għal ebda entità qabel ma tiġi skattata eCall.

7.   It-teknoloġiji li jtejbu l-privatezza għandhom jiġu inkorporati fis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 sabiex jipprovdu lill-utenti tal-eCall bil-livell adatt ta' protezzjoni tal-privatezza, kif ukoll bis-salvagwardji neċessarji biex jipprevjenu s-sorveljanza u l-użu ħażin ta' din is-sistema.

8.   L-MSD mibgħut mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 għandu jinkludi biss l-informazzjoni minima kif imsemmija fl-istandard EN 15722:2011 “Sistemi ta' trasport intelliġenti — eSafety — sett minimu ta' data għall-eCall (MSD)”. Ma għandha tintbagħat ebda data addizzjonali mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112. Dak l-MSD għandu jinħażen b'tali mod li jkun jista' jitħassar b'mod sħiħ u permanenti.

9.   Fil-manwal tas-sid il-manifatturi għandhom jipprovdu informazzjoni ċara u komprensiva dwar l-ipproċessar tad-data li jsir permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112. Dik l-informazzjoni għandha tikkonsisti minn:

(a)

ir-referenza għall-bażi legali tal-ipproċessar;

(b)

il-fatt li s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 tiġi attivata b'mod awtomatiku;

(c)

l-arranġamenti tal-ipproċessar tad-data li jsir mis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112;

(d)

l-għan speċifiku tal-ipproċessar tal-eCall, li għandu jkun limitat għas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2);

(e)

it-tipi ta' data miġbura u pproċessati u d-destinatarji ta' dik id-data;

(f)

il-limitu ta' żmien għaż-żamma tad-data fis-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112;

(g)

il-fatt li ma hemm l-ebda segwiment kostanti tal-vettura;

(h)

l-arranġamenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data kif ukoll is-servizz ta' kuntatt responsabbli biex jittratta t-talbiet;

(i)

kwalunkwe informazzjoni addizzjonali rigward it-traċċabbiltà, is-segwiment u l-ipproċessar ta' data personali b'rabta mal-forniment ta' eCall TPS u/jew servizzi oħra ta' valur miżjud, li għandhom ikunu soġġetti għall-kunsens espliċitu tas-sid u f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE. Għandu jitqies b'mod partikolari l-fatt li jistgħu jeżistu differenzi bejn l-ipproċessar tad-data mwettaq permezz tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u s-sistemi ta' eCall TPS mmuntati fil-vetturi jew servizzi oħra ta' valur miżjud.

10.   Sabiex tiġi evitata konfuzjoni fir-rigward tal-finijiet u l-valur miżjud tal-ipproċessar, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 għandha tingħata fil-manwal tas-sid b'mod separat għas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u għas-sistemi ta' eCall TPS qabel tintuża s-sistema.

11.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li s-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u kwalunkwe sistema oħra li tipprovdi servizz eCall TPS jew li tipprovdi servizzi b'valur miżjud ikunu mfassla b'tali mod li ma jkun jista' jsir l-ebda skambju ta' data personali bejniethom. In-nuqqas ta' użu ta' sistema li tipprovdi eCall TPS jew ta' sistema b'valur miżjud jew ir-rifjut mis-suġġett tad-data li jagħti l-kunsens biex isir l-ipproċessar tad-data personali tiegħu jew tagħha għal servizz ta' eCall mingħand parti terza jew servizz ta' valur miżjud m'għandu joħloq l-ebda effett negattiv fuq l-użu tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112.

12.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 sabiex tistabbilixxi:

(a)

ir-rekwiżiti tekniċi dettaljati u l-proċeduri għat-testijiet għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-ipproċessar ta' data personali msemmijin fil-paragrafi 2 u 3;

(b)

ir-rekwiżiti tekniċi dettaljati u l-proċeduri għat-testijiet biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm skambju ta' data personali bejn is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u s-sistemi ta' partijiet terzi kif imsemmijin fil-paragrafu 11.

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

13.   Permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistipula:

(a)

l-arranġamenti prattiċi għall-valutazzjoni tan-nuqqas ta' traċċabbiltà u segwiment msemmijin fil-paragrafi 4, 5 u 6;

(b)

l-iskeda għall-informazzjoni għall-utent imsemmi fil-paragrafu 9.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

Artikolu 7

Obbligi tal-Istati Membri

B'effett mill-31 ta' Marzu 2018, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħtu biss l-approvazzjoni KE skont it-tip fir-rigward tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112. għal tipi ġodda ta' vetturi u għal tipi ġodda ta' sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, u l-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati mfassla u mibnija għal tali vetturi, li huma konformi ma' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9) u fl-Artikolu 6(12) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-8 ta' Ġunju 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9) u l-Artikolu 6(12) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha twassal għat-tmiem tad-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9) u l-Artikolu 6(12) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 9

Atti ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw id-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni skont it-tip KE ta' vetturi fir-rigward tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u ta' sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, u l-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati mfassla u mibnija għal tali vetturi kif mitlub mill-Artikolu 5(1) rigward:

(a)

l-iskedi għad-dokumenti ta' informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-manifatturi għall-finijiet tal-approvazzjoni skont it-tip;

(b)

l-iskedi għaċ-ċertifikati tal-approvazzjoni KE skont it-tip;

(c)

il-mudell(i) għall-marka tal-approvazzjoni KE skont it-tip.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).

L-ewwel tali atti delegati għandhom jiġu adottati sad-9 ta' Ġunju 2016.

Artikolu 10

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-“Kumitat Tekniku — Vetturi bil-Mutur” (TCMV) stabbilit bl-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2007/46/KE. Dak il-kumitat huwa kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 11

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għan-nuqqas ta' konformità mill-manifatturi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu implimentati l-penali kollha. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha wkoll, mingħajr dewmien, b'kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.   It-tip ta' nuqqas ta' konformità li għandu jkun soġġett għal penali għandu jinkludi minn tal-inqas dan li ġej:

(a)

dikjarazzjoni falza matul il-proċedura ta' approvazzjoni jew il-proċedura li twassal għal revoka;

(b)

iffalsifikar tar-riżultati tat-test għall-approvazzjoni skont it-tip;

(c)

iż-żamma ta' data jew ta' speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jwasslu għal revoka, rifjut jew irtirar tal-approvazzjoni skont it-tip;

(d)

il-ksur ta' dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6;

(e)

imġiba li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(7).

Artikolu 12

Rappurtar u rieżami

1.   Sal-31 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport ta' evalwazzjoni biex jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisbiet tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112, inkluża r-rata ta' penetrazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga jekk il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandux jiġi estiż għal kategoriji oħrajn ta' vetturi, bħal vetturi tqal tal-merkanzija, ix-xarabanks u l-kowċis, dawk motorizzati b'żewġ roti u t-tratturi agrikoli. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġislattiva għal dan il-għan.

2.   Wara konsultazzjoni mifruxa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u studju li jivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċji, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa ta' rekwiżiti għal pjattaforma interoperabbli, standardizzata, sikura u b'aċċess miftuħ. Jekk ikun xieraq, u mhux aktar tard mid-9 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni għandha tadotta inizjattiva leġislattiva bbażata fuq dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 13

Emendi għad-Direttiva 2007/46/KE

L-Annessi I, III, IV u XI għad-Direttiva 2007/46/KE huma b'dan emendati f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9), l-Artikolu 6(12) u (13) u l-Artikoli 8, 9, 10 u 12 għandhom japplikaw mit-8 ta' Ġunju 2015.

L-Artikoli għajr dawk imsemmijin fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mill-31 ta' Marzu 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta' April 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 47.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-2 ta' Marzu 2015 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2015 (għadha mhijiex ippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 585/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-varar ta' eCall interoperabbli madwar l-UE kollha (ĠU L 164, 3.6.2014, p. 6).

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/750/UE tat-8 ta' Settembru 2011 dwar appoġġ għal servizz ta' sejħiet elettroniċi offrut madwar l-UE kollha fin-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika għat-trasmissjoni ta' sejħiet tal-emerġenza bbażati fuq in-numru 112 minn sistemi mmuntati fil-vetturi (“Sejħiet elettroniċi”) (ĠU L 303, 22.11.2011, p. 46).

(6)  Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).

(7)  Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).

(8)  Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51).

(9)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(10)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(11)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(14)  ĠU C 38, 8.2.2014, p. 8.

(15)  Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

(16)  Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elett roniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).

(17)  Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d- Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d- Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).


ANNESS

Emendi għad-Direttiva 2007/46/KE

Id-Direttiva 2007/46/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Anness I, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“12.8.

sistema eCall

12.8.1.

Preżenza: iva/le (1)

12.8.2.

deskrizzjoni jew disinni tekniċi tal-apparat: …”

;

(2)

fl-Anness III, Parti I, Taqsima A, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“12.8.

sistema eCall

12.8.1.

Preżenza: iva/le (1)”

;

(3)

fl-Anness IV, Parti I hija emendata kif ġej:

(a)

tiżdied l-entrata li ġejja fit-tabella:

Entrata

Suġġett

Att regolatorju

Applikabbiltà

M1

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

X

 

 

X”

 

 

 

 

 

 

;

(b)

L-Appendiċi 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

tiżdied l-entrata li ġejja fit-Tabella 1:

Entrata

Suġġett

Att regolatorju

Kwistjonijiet speċifiċi

Applikabbiltà u rekwiżiti speċifiċi

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

 

Mhux applikabbli”

;

(ii)

tiżdied l-entrata li ġejja fit-Tabella 2:

Entrata

Suġġett

Att regolatorju

Kwistjonijiet speċifiċi

Applikabbiltà u rekwiżiti speċifiċi

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

 

Mhux applikabbli”

;

(c)

fl-Appendiċi 2, taqsima 4 “Rekwiżiti Tekniċi” hija emendata kif ġej:

(i)

fil-Parti I, tiżdied l-entrata li ġejja: Vetturi tal-kategorija M1:

Entrata

Referenza għall-att regolatorju

Rekwiżiti alternattivi

“72

Regolament (UE) 2015/758 (sistemi eCall)

Ir-rekwiżiti ta' dak ir-Regolament ma għandhomx japplikaw.”

;

(ii)

fil-Parti II, tiżdied l-entrata li ġejja: Vetturi tal-kategorija N1:

Entrata

Referenza għall-att regolatorju

Rekwiżiti alternattivi

“72

Regolament (UE) 2015/758 (sistemi eCall)

Ir-rekwiżiti ta' dak ir-Regolament ma għandhomx japplikaw.”

;

(4)

L-Anness XI huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-Appendiċi 1 tiżdied l-entrata li ġejja fit-tabella:

Entrata

Suġġett

Referenza għall-att regolatorju

M1 ≤ 2 500 (*) kg

M1 > 2 500 (*) kg

M2

M3

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

G

G

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli”

;

(b)

fl-Appendiċi 2, tiżdied l-entrata li ġejja fit-tabella:

Punt

Suġġett

Referenza tal-att regolatorju

M1

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

G

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

G

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli”

;

(c)

fl-Appendiċi 3, tiżdied l-entrata li ġejjafit-tabella:

Entrata

Suġġett

Referenza għall-att regolatorju

M1

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

G”

;

(d)

fl-Appendiċi 4, tiżdied l-entrata li ġejja fit-tabella:

Entrata

Suġġett

Referenza tal-att regolatorju

M2

M3

N1

N2

N3

O1

O2

O3

O4

“72

sistema eCall

Regolament (UE) 2015/758

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

G

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli”

;