17.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/8


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/602

tad-9 ta' Frar 2015

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam il-limitu ta' vulnerabbiltà ddefinit fil-punt 1(b) tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-punt (a) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, pajjiż li jibbenefika mill-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SPĠ) jista' jibbenefika mill-preferenzi tariffarji mogħtija skont l-arranġament speċjali ta' inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba jekk ikun meqjus bħala vulnerabbli minħabba nuqqas ta' diversifikazzjoni u integrazzjoni mhux suffiċjenti fis-sistema tal-kummerċ internazzjonali, kif definit fl-Anness VII.

(2)

Skont il-punt 1(b) tal-Anness VII, flimkien mal-kondizzjoni tal-punt 1(a) ta' dak l-Anness, għal pajjiż li jitqies vulnerabbli, għandu jkun pajjiż li tiegħu l-importazzjonijiet ta' prodotti elenkati fl-Anness IX għall-Unjoni jirrappreżentaw il-livell limitu ta' 2 % fil-valur tal-importazzjonijiet totali għall-Unjoni ta' prodotti elenkati f'dak l-Anness li joriġinaw f'pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP, bħala medja matul l-aħħar tliet snin konsekuttivi.

(3)

Fejn il-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP hija emendata, ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda l-Anness VII biex teżamina mill-ġdid il-limitu ta' vulnerabbiltà ddefinit fil-punt 1(b) tal-Anness VII (minn hawn 'il quddiem il-livell limitu ta' vulnerabbiltà) biex proporzjonatament iżżomm l-istess piż tal-limitu ta' vulnerabbiltà kif ikkalkulat skont l-Anness VII.

(4)

B'effett mill-1 ta' Jannar 2015, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1421/2013 (2) neħħa ċ-Ċina, l-Ekwador, il-Maldivi u t-Tajlandja mil-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP elenkati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Minħabba s-sehem sostanzjali tal-importazzjonijiet SĠP irrappreżentat mill-pajjiżi msemmijin hawn fuq, it-tneħħija tagħhom mil-lista ta' benefiċjarji teħtieġ l-emenda tal-limitu ta' vulnerabbiltà.

(5)

Bħala riżultat tal-emendi kollha fil-lista ta' pajjiżi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 bejn id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u l-1 ta' Jannar 2015, l-importazzjonijiet totali lejn l-Unjoni mill-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP kollha meħuda bħala medja matul l-aħħar tliet snin konsekuttivi (2011-2013) se tonqos għal 30,55 %. Għalhekk, żieda tal-limitu ta' vulnerabbiltà minn 2 % għal 6,5 % mill-1 ta' Jannar 2015 se żżomm proporzjonatament l-istess piż tal-limitu ta' vulnerabbiltà kif stabbilit fl-Anness VII.

(6)

Skont il-paragrafu 4 tal-Fehim Komuni dwar atti ddelegati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, twettqu konsultazzjonijiet xierqa u trasparenti, inkluż fil-livell espert, fuq dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-limitu “2 %” huwa sostitwit b'“6,5 %”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, id-9 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1421/2013 tat-30 ta' Ottubru 2013 li jemenda l-Anness I, II u IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 355, 31.12.2013, p. 1).