25.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/499

tal-24 ta' Marzu 2015

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri li għandhom jintużaw għall-għoti ta' approvazzjoni superviżorja għall-użu ta' fondi proprji anċillari skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 92 (3) tagħha,

Billi:

(1)

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jippreparaw l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' elementi ta' fondi proprji anċillari fuq bażi prudenti u realistiċi.

(2)

L-applikazzjoni għal element ta' fond proprju anċillari hija deċiżjoni strateġika għall-ġestjoni tar-riskju u skopijiet ta' ppjanar tal-kapital. Abbażi tar-responsabbiltà aħħarija tal-korp amministrattiv, ta' ġestjoni jew ta' superviżjoni għall-konformità kif stabbilit fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2009/138/KE, l-involviment tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa.

(3)

L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tinkludi l-fatti rilevanti kollha meħtieġa għal valutazzjoni mill-awtorità superviżorja, inkluża valutazzjoni mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' kif l-element jilħaq il-kriterji ta' element ta' fond proprju anċillari u kif, meta jiġi mitlub, jiġi kklassifikat bħala element ta' fondi proprji bażiku sabiex l-awtorità superviżorja tkun tista' tagħti deċiżjonijiet f'waqthom abbażi ta' evidenza xierqa.

(4)

L-informazzjoni li trid tiġi inkluża minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fl-applikazzjoni tagħha għandha tkun speċifikata sabiex tkun żgurata bażi konsistenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-awtorità superviżorja.

(5)

Minħabba interdipendenzi bejn diversi applikazzjonijiet għall-approvazzjoni skont id-Direttiva 2009/138/KE, meta tapplika għal approvazzjoni ta' element ta' fond proprju anċillari l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tinforma lill-awtorità superviżorja dwar applikazzjonijiet oħra li għandhom x'jaqsmu mal-elementi fl-Artikolu 308a(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, li attwalment jinsabu għaddejja jew previsti fis-sitt xhur li ġejjin. Tali rekwiżit huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet superviżorji huma bbażati fuq informazzjoni trasparenti u imparzjali.

(6)

L-abbiltà tal-awtoritajiet superviżorji u l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni biex jivvalutaw l-istatus ta' grupp ta' kontropartijiet bħallikieku kienet kontroparti waħda huwa meqjus bħala partikolarment rilevanti fejn impriża mutwa jew ta' tip mutwu għandha għadd kbir ta' membri mhux korporattivi omoġeni li għalihom tista' tagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet supplementari.

(7)

Il-proċess ta' approvazzjoni ta' fondi proprji anċillari jipprevedi komunikazzjoni kontinwa bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Dan jinkludi komunikazzjoni qabel ma titressaq l-applikazzjoni formali lill-awtorità ta' sorveljanza u wara applikazzjoni tintlaqa', permezz ta' proċess ta' analiżi superviżorja. Komunikazzjoni attwali bħal din hija meħtieġa biex tiżgura li l-valutazzjonijiet superviżorji huma bbażati fuq informazzjoni rilevanti u aġġornata.

(8)

Meta l-awtorità superviżorja tirċievi notifika minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li kien hemm tnaqqis ta' assorbiment ta' telf approvat ta' element ta' fond proprju anċillari, l-awtorità superviżorja għandha tirrevedi 'l isfel l-ammont approvat jew tirtira l-approvazzjoni tagħha tal-metodu sabiex tiżgura li hu konsistenti mal-assorbiment tat-telf imnaqqas.

(9)

L-Artikolu 226 tad-Direttiva 2009/138/KE jippermetti grupp ta' impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni japplika għal approvazzjoni ta' element ta' fond proprju anċillari ta' kumpanija b'parteċipazzjoni tal-assigurazzjoni intermedja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta intermedja. F'dawk il-każijiet, għandhom japplikaw l-istess regoli ta' kumpanija holding tal-assigurazzjoni intermedja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta intermedja daqslikieku kienet impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Dan għandu japplika wkoll fejn grupp huwa mmexxi minn kumpanija holding tal-assigurazzjoni jew kumpanija holding finanzjarja mħallta skont l-Artikolu 235 tad-Direttiva 2009/138/KE.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni.

(11)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Konċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

(12)

Sabiex titjieb iċ-ċertezza legali dwar ir-reġim superviżorju matul il-perjodu ta' introduzzjoni progressiva previst fl-Artikolu 308a tad-Direttiva 2009/138/KE, li se jibda fl-1 ta' April 2015, huwa importanti li jiġi żgurat li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Karatteristiċi ġenerali tal-applikazzjoni

1.   Impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tissottometti applikazzjoni bil-miktub għall-approvazzjoni ta' kull element ta' fond proprju anċillari lill-awtorità superviżorja.

2.   L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fiha l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha, jew f'lingwa li ntlaħaq ftehim dwarha mal-awtorità superviżorja.

3.   L-applikazzjoni tikkonsisti f'ittra ta' akkumpanjament u evidenza ta' sostenn.

Artikolu 2

Ittra ta' akkumpanjament

L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tippreżenta ittra ta' akkumpanjament. Dik l-ittra ta' akkumpanjament għandha tikkonferma dan kollu li ġej:

(a)

li kwalunkwe termini legali jew kuntrattwali li jirregolaw l-element ta' fond proprju anċillari jew kwalunkwe arranġament konness mhumiex ambigwi u definiti b'mod ċar;

(b)

l-ammont attribwit lil dan element ta' fond proprju anċillari fl-applikazzjoni tikkonforma mal-Artikolu 90(2) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(c)

is-sustanza ekonomika tal-element ta' fond proprju anċillari, inkluż kif l-element jipprovdi fondi proprji bażiċi ladarba jissejjaħ, ġie rifless b'mod sħiħ fl-applikazzjoni;

(d)

filwaqt li jitqiesu żviluppi probabbli fil-futur kif ukoll iċ-ċirkostanzi fid-data tal-applikazzjoni, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tikkunsidra li l-element ta' fond proprju anċillari huwa konformi mal-kriterji għall-klassifikazzjoni ta' fondi proprji;

(e)

l-ebda fatti ma tħallew barra li jekk magħrufa mill-awtorità superviżorja jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha dwar jekk tapprovax element ta' fond proprju anċillari, l-ammont li għalih l-approvazzjoni ta' element għandu jingħata, jew il-perjodu ta' żmien li l-approvazzjoni ta' metodu ta' kalkolu għandu japplika.

L-ittra ta' akkumpanjament għandha telenka wkoll applikazzjonijiet oħra ppreżentati mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew attwalment previsti fi żmien is-sitt xhur li ġejjin għall-approvazzjoni ta' kwalunkwe elementi elenkati fl-Artikolu 308a(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, flimkien ma' dati tal-applikazzjoni korrispondenti.

Artikolu 3

Evidenza ta' sostenn dwar l-ammont jew il-metodu

L-applikazzjoni mressqa mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tfittex li jikseb l-approvazzjoni ta' ammont monetarju speċifikat għal element ta' fond proprju anċillari jew metodu li jiddetermina l-ammont ta' kull element ta' fond proprju anċillari.

Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tfittex l-approvazzjoni ta' ammont monetarju speċifikat, l-applikazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni tal-kalkolu ta' dan l-ammont, ibbażat fuq suppożizzjonijiet prudenti u realistiċi skont l-Artikolu 90(2) tad-Direttiva 2009/138/KE.

Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tfittex l-approvazzjoni ta' metodu ta' kalkolu, għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

spjegazzjoni tal-metodu u kif dan jirrifletti l-kapaċità ta' assorbiment ta' telf ta' element ta' fond proprju anċillari;

(b)

deskrizzjoni ta' kull suppożizzjoni li fuqhom joqgħod il-metodu u kif dawn is-suppożizzjonijiet huma prudenti u realistiċi;

(c)

l-ammont inizjali mistenni tal-element li ġie kkalkulat skont il-metodu u ġustifikazzjoni ta' dak l-ammont;

(d)

spjegazzjoni dwar proċessi ta' validazzjoni li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni se timplimenta biex jiġi żgurat li r-riżultati tal-metodu jkomplu jirriflettu kapaċità tal-assorbiment tat-telf tal-element fuq bażi kontinwa.

Artikolu 4

Evidenza ta' sostenn dwar il-kriterji għall-approvazzjoni

L-evidenza ta' sostenn għandha tinkludi biżżejjed informazzjoni biex tippermetti lill-awtorità superviżorja tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 90 tad-Direttiva 2009/138/KE u l-Artikoli 62 sa 65 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (3). Dan għandu jkun fih mill-inqas it-tagħrif deskritt fil-paragrafi tnejn sa sebgħa ta' dan l-Artikolu.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni rigward in-natura ta' element ta' fond proprju anċillari u l-kapaċità ta' assorbiment tat-telf ta' element ta' fondi proprji bażiċi li fihom element ta' fond proprju anċillari jikkonverti meta jissejjah, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

it-termini legali jew kuntrattwali ta' dak l-element, flimkien mat-termini ta' kwalunkwe arranġament konness u evidenza li l-kontroparti tkun daħlet għalihom, jew se tibda, il-kuntratt u kwalunkwe arranġament konness;

(b)

evidenza li l-kuntratt u kwalunkwe arranġamenti konnessi huma legalment vinkolanti u infurzabbli fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti kollha, ibbażata fuq opinjoni legali;

(c)

il-perjodu li matulu l-kuntratt kif ukoll, jekk differenti, il-perjodu li matulu l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jistgħu jitolbu fuq l-element;

(d)

konferma li element ta' fond proprju anċillari, ladarba dak l-element ġie mitlub u mħallas, juri l-karetteristiċi kollha ta' element ta' fondi proprji bażiċi kklassifikati fil-Livell 1 skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35, jew il-karetteristiċi kollha ta' element ta' fondi proprji bażiċi kklassifikati fil-Livell 2 skont l-Artikolu 73 ta' Regolament ta' Delega (UE) 2015/35;

(e)

Konferma li t-termini kuntrattwali tal-element ma fihom l-ebda dispożizzjoni li tista' toħloq nuqqas ta' inċentiv għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jsejħu fuq l-element biex jassorbu t-telf jew li jpoġġu ebda restrizzjoni fuq il-kapaċità tiegħu li l-element jista' jinħareġ fuq talba;

(f)

Konferma li element ta' fond proprju anċillari jew il-benefiċċji tagħha tkun disponibbli biss lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u ma jkunux trasferibbli jew assenjabbli lil xi parti oħra, jew tkun tista' tiġi ostakolata b'xi mod ieħor;

(g)

kwalunkwe fatturi li jirrestrinġu l-kundizzjonijiet li taħthom l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tista' tfittex li titlob fuq l-element, inkluż iżda mhux limitat għal kundizzjonijiet ta' stress speċifiċi għall-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jew stress usa' tas-suq;

(h)

jekk l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkollha, jew fil-futur jista' jkollha, kwalunkwe obbligu, jew kwalunkwe aspettattiva jew ftehim li tħallas fondi jew tipprovdi xi benefiċċju ieħor lill-kontroparti jew lil parti terza b'konnessjoni ma' dan l-element, ħlief fil-każ ta' ħlas lura ta' element ta' fondi proprji bażiċi li jissodisfaw il-karatteristiċi fl-Artikolu 71(1)(h), u l-Artikolu 73(1)(d) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35;

(i)

kopja tal-pjan ta' ġestjoni kapitali ta' terminu medju li jinkludi kif l-element se jikkontribwixxi għall-istruttura kapitali eżistenti ta-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, u kif l-element jista' jippermetti lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni biex tissodisfa r-rekwiżiti kapitali eżistenti jew futuri tagħha.

Ħlief fejn japplika l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 u l-istatus ta' grupp ta' kontropartijiet jista' jiġi vvalutat bħallikieku kien kontroparti waħda, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-istatus ta' kull kontroparti li jinkludi dan li ġej:

(a)

l-ismijiet u deskrizzjoni ta' kull kontroparti, inkluż in-natura ta' kwalunkwe relazzjoni bejn l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-kontroparti;

(b)

valutazzjoni tar-riskju ta' inadempjenza tal-kontropartijiet biex tappoġġa l-valutazzjoni mill-awtorità superviżorja speċifikati fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35;

(c)

valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-likwidità tal-kontropartijiet biex tappoġġa l-valutazzjoni mill-awtorità superviżorja speċifikati fl-Artikolu 63(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35;

(d)

valutazzjoni tar-rieda tal-kontropartijiet biex iħallsu sabiex jappoġġaw il-valutazzjoni mill-awtorità superviżorja speċifikata fl-Artikolu 63(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35;

(e)

deskrizzjoni tal-firxa ta' ċirkustanzi li fihom l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tista' tfittex li titlob fuq l-element, inkluż l-aspettativi kurrenti dwar meta l-element jista' jinxtara qabel jew meta jasal fil-punt ta' nuqqas ta' konformità mal-Kapital Rekwiżit għas-Solvibbiltà jew tal-Kapital Minimu Rekwiżit;

(f)

informazzjoni dwar kwalunkwe fatturi rilevanti oħra għall-istatus tal-kontropartijiet biex tappoġġa l-valutazzjoni mill-awtorità superviżorja speċifikata fl-Artikolu 63(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35.

Fejn il-kontropartijiet huma trattati bħala grupp ta' kontropartijiet skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35, l-informazzjoni fil-punti (a) sa (f) tat-tielet subparagrafu għandhom jiġu pprovduti fir-rigward tal-grupp ta' kontropartijiet.

Fejn il-kontroparti hija membru tal-istess grupp jew sottogrupp bħall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni permezz tal-Artikolu 213 tad-Direttiva 2009/138/KE u għandha impenji taħt elementi ta' fondi proprji anċillari għal entitajiet differenti fi ħdan il-grupp, l-informazzjoni fil-punti (b) sa (f) tat-tielet subparagrafu għandha tinkludi evidenza tal-abbiltà tal-kontroparti li tissodisfa diversi sejħiet fuq entrati ta' fondi proprji anċillari fl-istess waqt, wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi u l-entitajiet tal-grupp.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni rigward l-irkuprabbiltà tal-fondi, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

dettalji ta' arranġamenti li jistgħu jsaħħu rkupru tal-eleemt inkluża d-disponibbiltà ta' kollaterali;

(b)

dettalji dwar jekk il-liġi nazzjonali, f'kull ġurisdizzjoni relevanti, tipprevjeni li ssir sejħa jew li tiġi ssodisfata, inkluż fil-każ ta' riżoluzzjoni, l-amministrazzjoni jew proċedimenti ta' falliment fir-rigward ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(c)

dettalji ta' arranġamenti jew ċirkostanza li jistgħu jipprevjenu li ssir sejħa jew sodisfati bil-kundizzjonijiet finanzjarji li qed jiddeterjoraw inkluż in-nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà jew tar-Rekwiżit Kapitali Minimu.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni rigward sejħiet preċedenti, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

informazzjoni dwar l-esperjenza tagħha ta' sejħiet fil-passat jew il-ġbir ta' fondi oħra dovuti minn kontropartijiet identiċi jew simili f'ċirkustanzi identiċi jew simili;

(b)

l-informazzjoni relevanti kollha disponibbli dwar l-esperjenza tagħha ta' sejħiet fil-passat jew il-ġbir ta' fondi oħra dovuti minn kontropartijiet identiċi jew simili f'ċirkustanzi identiċi jew simili;

(c)

valutazzjoni dwar ir-rilevanza u l-affidabbiltà tal-informazzjoni deskritti fil-punti (a) u (b) rigward ir-riżultat mistenni ta' sejħiet futuri mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għandha tipprovdi deskrizzjoni tal-proċessi li jkollha fis-seħħ biex tidentifika kwalunkwe bidla futura, kif speċifikat fl-Artikolu 62(1)(d) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35, li jista' jkollhom l-effett li jnaqqsu l-kapaċità ta' assorbiment ta' telf ta' element ta' fond proprju anċillari. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

kif għandha l-intenzjoni li tidentifika tibdil għal:

(i)

l-istruttura jew it-termini kuntrattwali tal-arranġament, inkluża l-kanċellazzjoni jew l-iskadenza ta' element ta' fond proprju anċillari jew l-użu jew is-sejħa parzjali jew għal kollox minn element ta' fond proprju anċillari;

(ii)

il-qagħda tal-kontropartijiet ikkonċernati, inkluża inadempjenza ta' kontroparti;

(iii)

il-potenzjal ta' rkupru tal-element ta' fond proprju anċillari, inkluż s-sejħa fuq elementi ta' fondi proprji anċillari oħra pprovduti mill-istess kontropartijiet.

(b)

kif għandha l-ħsieb li tinforma lill-awtorità superviżorja dwar il-bidliet identifikati, inkluż liema mekkaniżmi daħħlet fis-seħħ sabiex tidentifika meta l-bidla kellha tkun eskalata għall-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża u għall-awtorità superviżorja.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għandha tinkludi evidenza dokumentata dwar il-proċess intern tagħha ta' teħid ta' deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjoni.

Artikolu 5

Valutazzjoni tal-applikazzjoni

L-awtorità superviżorja għandha tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni.

Applikazzjoni għandha titqies kompluta mill-awtorità superviżorja jekk l-applikazzjoni tkopri s-suġġetti kollha stipulati fl-Artikoli 2, 3 u 4.

L-awtorità superviżorja għandha tikkonferma jekk l-applikazzjoni titqies kompluta jew mhux f'waqtha u mill-inqas fi żmien 30 jum mid-data ta' meta tkun waslet l-applikazzjoni.

L-awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-perjodu ta' żmien li fih hija tiddeċiedi dwar applikazzjoni huwa raġonevoli u ma jaqbiżx it-tliet xhur mill-wasla ta' applikazzjoni kompluta sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li huma kkomunikati bil-miktub lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fi żmien f'waqtu.

Fejn ikun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità superviżorja ma għandhiex tieħu aktar minn sitt xhur minn meta tirċievi applikazzjoni sħiħa biex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni.

Meta l-awtorità superviżorja tqis li l-applikazzjoni hija kompluta, dan ma għandux jipprevjeni lil dik l-awtorità superviżorja milli titlob informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex twettaq il-valutazzjoni tagħha. It-talba għandha tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u r-raġunijiet għat-talba. Il-jiem bejn id-data li fiha l-awtorità superviżorja titlob tali informazzjoni u d-data li l-awtorità superviżorja tirċievi tali informazzjoni m'għandhiex tkun inkluża fi ħdan il-perjodi ta' żmien imsemmija fir-raba' u l-ħames subparagrafi.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għandha tavża lill-awtorità superviżorja b'kull bidla fid-dettalji tal-applikazzjoni tagħħa.

Fejn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tinforma lill-awtorità superviżorja dwar bidla fl-applikazzjoni tagħha din għandha tiġi ttrattata bħala applikazzjoni ġdida sakemm:

(a)

il-bidla hija minħabba talba mill-awtorità superviżorja għal informazzjoni addizzjonali; jew

(b)

l-awtorità uperviżorja hija sodisfatta li t-tibdil ma jaffettwax b'mod sinifikanti l-valutazzjoni tagħha tal-applikazzjoni.

Impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tista' tirtira applikazzjoni permezz ta' notifika bil-miktub fi kwalunkwe stadju qabel id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja. Jekk l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni sussegwentement terġa' tissottometti l-applikazzjoni jew tissottometti applikazzjoni aġġornata, l-awtorità superviżorja għandha tittratta din bħala applikazzjoni ġdida.

Artikolu 6

Deċiżjoni dwar it-talba

Meta l-awtorità superviżorja tkun ħadet deċiżjoni dwar applikazzjoni, hija għandha, mingħajr dewmien, tikkommunika dan bil-miktub lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

Meta l-awtorità superviżorja tapprova ammont aktar baxx minn applikazzjoni mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tirrifjuta applikazzjoni għal approvazzjoni, hija għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha.

Fejn l-approvazzjoni superviżorja ġiet mogħtija bil-kundizzjoni li l-kuntratt ikun konkluż, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol fil-kuntratt, bit-termini li fuqhom l-approvazzjoni kienet ibbażata, u tipprovdi kopja tal-kuntratt iffirmat lill-awtorità superviżorja.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni m'għandhiex tikkunsidra element ta' fond proprju anċillari jew metodu ammissibbli sakemm il-kuntratt ikun ġie konkluż.

Artikolu 7

Reviżjoni tal-ammont approvat jew irtirar tal-approvazzjoni tal-metodu

1.   Meta element ta' fond proprju anċillari ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom l-approvazzjoni ta' ammont jew metodu ta' kalkolu kien mogħti, l-awtorità superviżorja għandha tiddeċiedi dwar waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jitnaqqas l-ammont ta' element ta' fond proprju anċillari għal ammont aktar baxx jew żero;

(b)

li tirtira l-approvazzjoni tagħha ta' metodu ta' kalkolu.

2.   L-awtorità ta' superviżjoni għandha tinnotifika lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, minnufih, filwaqt li tagħti r-raġunijiet, meta tkun ħadet deċiżjoni skont il-paragrafu 1.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi awtorità superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).