24.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 78/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/488

tal-4 ta' Settembru 2014

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 241/2014 fir-rigward tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għal ditti abbażi tal-ispejjeż ġenerali fissi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, rekwiżiti prudenzjali għad-ditti tal-investiment sabiex ikun żgurat li d-ditti tal-investiment ikunu siguri u sodi u dejjem konformi mar-rekwiżiti tal-fondi proprji. Ir-rekwiżiti ta' fondi proprji stabbiliti minn dak ir-Regolament għandhom l-għan li jiżguraw li r-riskji li jirriżultaw minn attivitajiet kummerċjali jkunu koperti b'ammont suffiċjenti ta' fondi proprji. Skont l-Artikolu 97 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 id-ditti (jiġifieri d-ditti tal-investiment u l-entitajiet msemmija fil-punt (2)(c) tal-Artikolu 4(1)) jistgħu jużaw metodu alternattiv ibbażat fuq il-kostijiet fissi għall-kalkolu tal-iskopertura totali għar-riskji. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż ġenerali fissi u l-lista tal-entrati li jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-kalkoli sabiex ikun hemm approċċ komuni fl-Istati Membri kollha.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li d-ditti jkunu kapaċi jorganizzaw stralċ jew ristrutturar b'mod ordinat tal-attivitajiet tagħhom, huma għandhom iżommu biżżejjed riżorsi finanzjarji biex ikunu jifilħu għall-kostijiet operazzjonali tul perjodu ta' żmien xieraq. Matul stralċ jew ristrutturar, ditta xorta waħda tkun teħtieġ tkompli bl-operat tagħha u tkun kapaċi tassorbi telf li ma jkunx pariġġat b'volum suffiċjenti ta' profitti, biex tipproteġi lill-investituri. Filwaqt li xi kostijiet (bħal bonusijiet lill-persunal) jistgħu jonqsu, kostijiet oħra (bħal spejjeż legali) jistgħu jogħlew. Meta jitqies li mhux id-ditti kollha jużaw l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) u sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju, huwa essenzjali li jiġi segwit approċċ prudenti għall-kalkolu tal-fondi proprji għad-ditti, fejn bidliet fil-qafas tal-kontabilità jiġu meqjusa awtomatikament u ma jistgħux jiġu arbitrati billi tinbidel il-kategorizzazzjoni tal-kontabilità. Sabiex jirriflettu b'mod aktar adegwat l-effett ta' spejjeż varjabbli fil-fondi proprji, ir-regoli dwar il-fondi proprji tad-ditti għandhom ikunu bbażati fuq approċċ fejn il-kostijiet varjabbli jitnaqqsu mill-ispejjeż totali.

(3)

Minħabba li d-ditti jużaw aġenti marbuta u n-negozju mwettaq permezz tal-aġenti marbuta jesponu lil dawk id-ditti għal riskji bl-istess mod bħan-negozju mwettaq mid-ditti stess, regoli xierqa dwar ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għal ditti bbażati fuq spejjeż ġenerali fissi għandhom jipprovdu għall-inklużjoni ta' kostijiet relatati mal-aġenti marbuta biex jirriflettu dawk ir-riskji. Madankollu, minħabba li l-ksotijiet relatati mal-aġenti marbuta għandhom xi element ta' varjabilità imma ma jistgħux jitqiesu bħala entrata ta' kost totalment varjabbli iżda min-naħa l-oħra jkun sproporzjonat li l-ammont sħiħ tal-kostijiet relatati mal-aġenti marbuta jiġi inkluż fir-rekwiżiti ta' fondi proprji, dawn ir-regoli għandhom jipprovdu għall-inklużjoni ta' perċentwal biss ta' dawn il-kostijiet fir-rekwiżiti ta' fondi proprji. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat l-għadd doppju ta' ammonti relatati mat-tariffi tal-aġenti marbuta, dawn ir-regoli għandhom jipprovdu għal tnaqqis tat-tariffi relatati mal-aġenti marbuta qabel ma' dan il-perċentwali jiżdied mar-rekwiżiti ta' fondi proprji.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħmlu aġġustamenti fir-rekwiżiti ta' fondi proprji meta jkun hemm bidla materjali fl-attivitajiet ta' negozju tad-ditta. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti japplikaw l-istess kundizzjonijiet madwar l-Unjoni kollha huwa neċessarju li jiġu stabbiliti kriterji dwar x'jammonta għal bidla materjali. Peress li d-ditti jvarjaw fid-daqs tagħhom, hemm xi ftit ditti żgħar ħafna jew ditti fil-fażi tal-bidu tagħhom li għalihom ikun ta' piż bla bżonn jekk jiġu imposti aġġustamenti tar-rekwiżiti tal-fondi proprji tagħhom, minħabba li fil-każ tagħhom il-bidliet ikunu frekwenti. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti limiti minimi sabiex dawk id-ditti jkunu eżentati mill-aġġustamenti fir-rekwiżiti ta' fondi proprji jekk ir-rekwiżiti ta' fondi proprji tagħhom jaqgħu taħt il-limitu.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 (2) jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji għar-rekwiżiti tal-fondi proprji għall-istituzzjonijiet. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż ġenerali fissi tad-ditti. Sabiex tkun żgurata l-koerenza u sabiex tkun iffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għad-dispożizzjonijiet kollha fir-rigward tal-fondi proprji mill-persuni suġġetti għal dawk l-obbligi, huwa tajjeb li l-istandards tekniċi regolatorji kollha meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar fondi proprji jinġabru f'Regolament wieħed. Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 241/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(7)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa msejjes dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Konċernati mwaqqaf skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). L-Awtorità Bankarja Ewropea kkonsultat ukoll lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) qabel ma ssottomettiet l-abbozz tal-istandards tekniċi li fuqu huwa msejjes dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 241/2014 jiżdied il-Kapitolu Va li ġej:

“KAPITOLU Va

FONDI PROPRJI ABBAŻI TAL-ISPEJJEŻ ĠENERALI FISSI

Artikolu 34b

Kalkolu tal-kapital eliġibbli ta' mill-inqas kwart tal-ispejjeż ġenerali fissi tas-sena preċedenti għall-finijiet tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, ‘ditta’ tfisser entità msemmija fil-punt (2)(c) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jipprovdu s-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment elenkati fil-punti (2) u (4) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) jew ditta tal-investiment.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-ditti għandhom jikkalkulaw l-ispejjeż ġenerali fissi tagħhom tas-sena preċedenti, billi jużaw iċ-ċifri li jirriżultaw mill-qafas tal-kontabilità applikabbli, billi jnaqqsu l-entrati li ġejjin mill-ispejjeż totali wara t-tqassim tal-profitti lill-azzjonisti fir-rapporti finanzjarji annwali awditjati l-aktar reċenti tagħhom, jew, meta ma jkunux disponibbli rapporti awditjati, fir-rapporti finanzjarji annwali validati mis-superviżuri nazzjonali:

(a)

bonusijiet lill-persunal kompletament diskrezzjonali;

(b)

is-sehem mill-profitti tal-impjegati, tad-diretturi u tas-sħab, sal-punt li ma jkunux għalkollox diskrezzjonali;

(c)

approprjazzjonijiet oħra ta' profitti u rimunerazzjoni varjabbli oħra, sal-punt li ma jkunux għalkollox diskrezzjonali;

(d)

kummissjoni u tariffi kondiviżi pagabbli li huma relatati direttament mall-kummissjoni u t-tariffi riċevibbli, li huma inklużi fil-fatturat, u meta l-ħlas tal-kummissjoni u t-tariffi pagabbli jkun kontinġenti fuq ir-rikavat attwali tal-kummissjoni u t-tariffi riċevibbli;

(e)

tariffi, senserija u pagamenti oħra mħallsa lil kmamar tal-ikklerjar, boroż u sensara intermedji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, ir-reġistrazzjoni jew l-ikklerjar ta' tranżazzjonijiet;

(f)

tariffi għall-aġenti marbuta kif definiti fil-punt 25 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/39/KE, fejn applikabbli;

(g)

l-imgħax imħallas lil konsumaturi fuq flus ta' klijenti;

(h)

l-ispejjeż nonrikorrenti minn attivitajiet mhux ordinarji.

3.   Fejn l-ispejjeż fissi ġew imġarrba f'isem id-ditti minn partijiet terzi oħra minbarra l-aġenti marbuta, u dawn l-ispejjeż fissi ma jkunux diġà inklużi fit-total tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2, id-ditti jieħdu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta jkun disponibbli elenku tal-ispejjeż ta' dawk il-partijiet terzi, id-ditti jiddeterminaw l-ammont ta' spejjeż fissi li dawk il-partijiet terzi jkunu ġarrbu f'isimhom u iżidu dak l-ammont maċ-ċifra li tirriżulta mill-paragrafu 2;

(b)

meta l-elenku msemmi fil-punt (a) ma jkunx disponibbli, id-ditti jiddeterminaw l-ammont ta' spejjeż imġarrba f'isimhom minn dawk il-partijiet terzi skont il-pjanijiet kummerċjali tad-ditta u jżidu dak l-ammont maċ-ċifra li tirriżulta mill-paragrafu 2.

4.   Meta d-ditta tagħmel użu minn aġenti marbuta, hija għandha żżid ammont ugwali għal 35 % tat-tariffi kollha relatati mal-aġenti marbuta maċ-ċifra li tirriżulta mill-paragrafu 2.

5.   Meta r-rapporti finanzjarji awditjati l-aktar reċenti tad-ditta ma jirriflettux perjodu ta' tnax-il xahar, id-ditta taqsam ir-riżultat tal-kalkolu tal-paragrafi 2 sa 4 bl-għadd ta' xhur li huma riflessi f'dawk ir-rapporti finanzjarji u mbagħad timmultiplika r-riżultat bi tnax sabiex tipproduċi ammont annwali ekwivalenti.

Artikolu 34c

Kundizzjonijiet għall-aġġustament, mill-awtorità kompetenti, tar-rekwiżit li jinżamm kapital eliġibbli ta' mill-inqas kwart tal-ispejjeż ġenerali fissi tas-sena preċedenti skont l-Artikolu 97(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Għad-ditti msemmija fit-tieni subparagrafu, bidla fin-negozju ta' ditta titqies materjali jekk kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tiġi ssodisfata:

(a)

il-bidla fin-negozju tad-ditta tirriżulta f'bidla ta' 20 % jew aktar fl-ispejjeż ġenerali fissi proġettati tad-ditta;

(b)

il-bidla fin-negozju tad-ditta tirriżulta f'bidliet fir-rekwiżiti ta' fondi proprji tad-ditta abbażi tal-ispejjeż ġenerali fissi proġettati ta' EUR 2 miljun jew aktar.

Id-ditti msemmijin fl-ewwel subparagrafu jkunu dawk li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti tal-fondi proprji attwali tagħhom abbażi tal-ispejjeż ġenerali fissi jkunu ta' EUR 125 000 jew aktar;

(b)

ir-rekwiżiti tal-fondi proprji tagħhom jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

abbażi tal-ispejjeż fissi attwali, ikunu inqas minn EUR 125 000;

(ii)

abbażi tal-ispejjeż fissi proġettati, ikunu ta' EUR 150 000 jew aktar.

2.   Għad-ditti msemmija fit-tieni subparagrafu, bidla fin-negozju ta' ditta titqies materjali meta l-bidla fin-negozju tad-ditta tirriżulta f'bidla ta' 100 % jew aktar fl-ispejjeż ġenerali fissi proġettati tad-ditta.

Id-ditti msemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu dawk li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti tal-fondi proprji tagħhom abbażi tal-ispejjeż fissi attwali, ikunu inqas minn EUR 125 000;

(b)

ir-rekwiżiti tal-fondi proprji tagħhom abbażi tal-ispejjeż fissi proġettati, ikunu inqas minn EUR 150 000.

Artikolu 34d

Il-kalkolu tal-ispejjeż ġenerali fissi proġettati fil-każ ta' ditta li ma tkunx ilha f'negozju għal sena skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Meta ditta ma tkunx ilha f'negozju għal aktar minn sena mill-jum li fih tkun bdiet tinnegozja, għall-kalkolu tal-entrati fil-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 34b(2), hija tuża l-ispejjeż ġenerali fissi proġettati inklużi fil-baġit tagħha għall-ewwel tnax-il xahar ta' negozjar, kif sottomessi fl-applikazzjoni tagħha għall-awtorizzazzjoni.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 8)

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).