20.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/42


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/463

tad-19 ta' Marzu 2015

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għall-alkoħol poliviniliku (E 1203)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel, u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(2)

Dawk l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, kemm b'inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara talba.

(3)

Fis-7 ta' Settembru 2011, tressqet applikazzjoni għall-emenda ta' speċifikazzjonijiet li jikkonċernaw l-alkoħol poliviniliku (E 1203) bħala addittiv tal-ikel. L-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

L-ispeċifikazzjoni attwali fir-rigward tas-solubbiltà tal-alkoħol poliviniliku (E 1203) bħala addittiv tal-ikel, tiddikjara “Jinħall fl-ilma; jinħall kemxejn fl-etanol”. L-Istitut għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IHCP) taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wettaq studji (4) dwar is-solubbiltà tal-alkoħol poliviniliku li jaġġornaw id-dejta dwar is-solubbiltà tal-ispeċifikazzjonijiet eżistenti tal-Unjoni fil-konfront tas-solubbiltà fl-etanol.

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) evalwat ir-riżultati tat-test tas-solubbiltà tal-alkoħol poliviniliku mwettaq mill-IHCP u l-informazzjoni pprovduta mill-applikant (5). L-Awtorità tqis li l-emenda tal-ispeċifikazzjoni dwar is-solubbiltà tal-alkoħol poliviniliku fl-etanol ma għandha l-ebda impatt fuq is-sikurezza tal-alkoħol poliviniliku bħala addittiv tal-ikel.

(6)

Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-applikazzjoni, l-istudji mwettqa mill-IHCP u l-evalwazzjoni tal-Awtorità, jixraq li d-deskrizzjoni dwar is-solubbiltà tal-alkoħol poliviniliku (E 1203) bħala addittiv tal-ikel fl-etanol (≥ 99,8 %) tiġi emendata għal “prattikament insolubbli jew insolubbli”.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 231/2012 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(4)  João F. A. Lopes u Catherine Simoneau, 2014. “Solubility of Polyvinyl Alcohol in Ethanol.” Il-pubblikazzjoni ta' sostenn tal-EFSA 2014:EN-660, 20 pp.

(5)  EFSA Journal 2014;12(9):3820.


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, l-entrata għall-E 1203 alkoħol poliviniliku, l-ispeċifikazzjoni dwar is-solubbiltà tinbidel b'dan li ġej:

“Solubbiltà

Jinħall fl-ilma; Prattikament insolubbli jew insolubbli fl-etanol (≥ 99,8 %)”