20.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/461

tad-19 ta' Marzu 2015

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċess biex tittieħed deċiżjoni konġunta dwar l-applikazzjoni biex jintuża mudell intern ta' grupp skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 231(4) tagħha,

Billi:

(1)

Skambju effiċjenti ta' informazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali konċernati huwa essenzjali għall-provvediment ta' proċess effettiv biex tintlaħaq deċiżjoni konġunta dwar il-mudelli interni ta' grupp.

(2)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni tal-proċess konsistenti biex tintlaħaq deċiżjoni konġunta, huwa importanti li kull pass jiġi ddefinit sew. Proċess ċar jiffaċilita wkoll l-iskambju tal-informazzjoni, jippromwovi għarfien reċiproku, jiżviluppa relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet superviżorji u jippromwovi superviżjoni effettiva.

(3)

Ippjanar f'waqtu u realistiku għall-proċess ta' deċiżjoni konġunta huwa essenzjali. Kull awtorità superviżorja konċernata għandha tipprovdi lis-superviżur tal-grupp bl-informazzjoni rilevanti fil-ħin.

(4)

L-istabbiliment u d-dokumentazzjoni ta' proċessi ċari għall-kontenut u l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni konġunta għandhom jiżguraw li din tkun motivata bis-sħiħ.

(5)

Il-proċess biex tittieħed deċiżjoni konġunta dwar l-applikazzjoni biex jintuża mudell intern ta' grupp għandu jkun konsistenti għad-deċiżjoni konġunta dwar bidliet kbar u għal bidliet fil-politika tal-bdil tal-mudell għall-mudelli interni ta' grupp.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (EIOPA) lill-Kummissjoni.

(7)

L-EIOPA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

(8)

Sabiex titjieb iċ-ċertezza legali dwar ir-reġim superviżorju matul il-perjodu ta' introduzzjoni progressiva previst fl-Artikolu 308a tad-Direttiva 2009/138/KE, li se jibda fl-1 ta' April 2015, huwa importanti li jiġi żgurat li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u Kamp ta' Applikazzjoni

Dan ir-Regolament jispeċifika l-proċeduri li jiġu segwiti mill-awtoritajiet superviżorji sabiex jilħqu deċiżjoni konġunta, imsemmija fl-Artikolu 231(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, dwar l-applikazzjoni għal permess biex jintuża mudell intern ta' grupp biex jiġi kkalkulat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tal-grupp konsolidat, kif ukoll ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “awtoritajiet superviżorji konċernati” huma l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri kollha fejn ikun hemm l-uffiċċji prinċipali ta' kull impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni relatata li tkun qed tapplika għall-użu ta' mudell intern ta' grupp biex tikkalkula r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà.

Artikolu 3

Il-ftehim dwar il-proċess

1.   L-awtoritajiet superviżorji konċernati jaqblu dwar il-proċess biex jilħqu deċiżjoni konġunta u l-mod kif jifformalizzawha, inkluż l-iskeda ta' żmien, l-istadji ewlenin u r-riżultati, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE kif speċifikat aktar fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (3) li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE. Sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jilħqu deċiżjoni konġunta skont l-Artikolu 231(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, kull awtorità superviżorja konċernata tiżgura li l-passi ewlenin u r-riżultati stabbiliti għall-proċess miftiehem jiġu segwiti fil-ħin.

2.   Meta jiftiehmu dwar il-proċess l-awtoritajiet superviżorji konċernati jqisu kwalunkwe impediment legali jew proċessi interni li jistgħu jirristinġuhom milli jagħtu l-opinjoni formali tagħhom dwar l-applikazzjoni fiiż-żmien speċifikat. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet superviżorji kollha konċernati jinformaw lill-oħrajn dwar kwalunkwe impediment legali jew proċess intern li jista' jeżisti fl-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom.

3.   Malli jkun prattikabbli l-awtoritajiet superviżorji konċernati jipprovdu lill-awtoritajiet l-oħra konċernati bi kwalunkwe informazzjoni li tista' tkun rilevanti għad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

4.   Fil-każ li awtorità superviżorja konċernata tqajjem kwistjoni dwar il-proċess, b'mod partikolari meta aktarx li ma jkunx se jintlaħaq kunsens dwar xi deċiżjoni, din tispjega r-raġunijiet għal dan lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati u tindika jekk għandhiex l-intenzjoni tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA skont l-Artikolu 231(3) tad-Direttiva 2009/138/KE. Is-superviżur tal-grupp jiddiskuti mal-awtoritajiet superviżorji kollha konċernati bl-għan li tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni. L-awtoritajiet superviżorji jiftiehmu dwar perjodu ta' żmien sabiex tinstab soluzzjoni.

5.   Jekk ma tinstabx soluzzjoni sodisfaċenti fil-perjodu miftiehem u l-awtorità superviżorja rilevanti tiddeċiedi li tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA, din għandha tagħmel hekk mingħajr dewmien.

Artikolu 4

Proposta għal deċiżjoni

1.   Qabel ma jagħmlu proposta għal deċiżjoni, l-awtoritajiet superviżorji konċernati jikkonfermaw li l-valutazzjoni tal-applikazzjoni ġiet iffinalizzata u li l-eżitu ta' din il-valutazzjoni jikkostitwixxi l-bażi biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

2.   L-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati jagħtu l-kontribut tagħhom dwar il-proposta għal deċiżjoni lis-superviżur tal-grupp bil-miktub billi jiġbru fil-qosor l-eżitu tal-valutazzjoni li saret.

3.   Is-superviżur tal-grupp, bil-kontribut tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati msemmija fil-paragrafu 2, jabbozza proposta għal deċiżjoni bil-miktub, inkluż jekk applikabbli, it-termini u l-kundizzjonijiet li d-deċiżjoni proposta tkun suġġetta għalihom. Din il-proposta tinkludi r-raġunijiet għad-deċiżjoni u, jekk applikabbli għat-termini u l-kundizzjonijiet.

4.   Meta jabbozza proposta għal deċiżjoni, is-superviżur tal-grupp jikkunsidra, jekk xieraq, il-fehmiet espressi matul il-valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati fir-rigward tal-adegwatezza tal-mudell intern tal-grupp biex jiġi kkalkulat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tal-grupp konsolidat. Jekk rilevanti, is-superviżur tal-grupp jqis ukoll l-opinjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra fil-kulleġġ tas-superviżuri dwar il-mudell intern tal-grupp.

5.   Is-superviżur tal-grupp jibgħat il-proposta għal deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji konċernati u, fejn xieraq, lill-membri u l-parteċipanti l-oħra tal-kulleġġ.

6.   L-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati jipprovdu bil-miktub lis-superviżur tal-grupp l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta għal deċiżjoni, inkluż jekk applikabbli, l-opinjoni tagħhom dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li tkun suġġetta għalihom id-deċiżjoni proposta. Is-superviżur tal-grupp jiġbor flimkien l-opinjonijiet li jkun irċieva u jipprovdi sinteżi tagħhom lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati.

7.   Is-superviżur tal-grupp jorganizza mill-inqas sessjoni waħda mal-awtoritajiet superviżorji konċernati l-oħra biex jiddiskutu l-proposta għal deċiżjoni u l-opinjonijiet provduti. Dawn is-sessjonijiet jistgħu jseħħu bħala laqgħa fiżika jew, meta maqbul bejn l-awtoritajiet superviżorji konċernati kollha, permezz ta' mezzi oħra. Id-diskussjoni għandha l-għan li jintlaħaq kunsens dwar deċiżjoni konġunta. Kull awtorità superviżorja konċernata tikkonferma l-fehmiet tagħha jew tibgħat bil-miktub il-fehmiet u r-riżervi finali tagħha lis-superviżur tal-grupp.

Artikolu 5

Deċiżjoni finali

1.   Fil-każ stipulat fl-Artikolu 231(5) tad-Direttiva 2009/138/KE meta tintlaħaq deċiżjoni konġunta, is-superviżur tal-grupp:

(a)

jiddokumenta d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni, u jekk ikun applikabbli, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li d-deċiżjoni tkun suġġetta għalihom;

(b)

jibgħat id-deċiżjoni finali li l-membri kollha tal-kulleġġ u fejn xieraq lill-parteċipanti, flimkien mal-opinjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji konċernati.

Fil-każ imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-ftehim dwar id-deċiżjoni finali jiġi kkonfermat bil-miktub minn rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji konċernati b'awtorità xierqa biex jimpenjaw lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom.

2.   Fil-każ stipulat fl-Artikolu 231(6) tad-Direttiva 2009/138/KE meta ma tintlaħaqx deċiżjoni konġunta, is-superviżur tal-grupp:

(a)

jiddokumenta d-deċiżjoni finali tiegħu;

(b)

jiddokumenta l-fehmiet u r-riżervi msemmija fl-Artikolu 4(7);

(c)

meta s-superviżur tal-grupp jipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji konċernati b'dokument li jistabilixxi d-deċiżjoni tiegħu skont l-Artikolu 231(6) tad-Direttiva 2009/138/KE huwa jiddikjara l-opinjonijiet u r-riżervi tal-awtoritajiet superviżorji konċernati rilevanti u jekk applikabbli għalfejn iddevja minn dawn l-opinjonijiet;

(d)

jibgħat id-deċiżjoni finali lil bqija tal-membri tal-kulleġġ u fejn xieraq lill-parteċipanti, flimkien mal-opinjonijiet u r-riżervi tal-awtoritajiet superviżorji konċernati.

Artikolu 6

Notifikazzjoni tad-deċiżjoni

1.   Meta tittieħed deċiżjoni finali, is-superviżur tal-grupp jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni mingħajr dewmien.

2.   F'każ ta' permess biex jintuża mudell intern tal-grupp, fid-deċiżjoni is-superviżur tal-grupp jinkludi:

(a)

jekk id-deċiżjoni kinitx deċiżjoni konġunta skont l-Artikolu 231(5) tad-Direttiva 2009/138/KE jew ittiħdix mis-superviżur tal-grupp skont l-Artikolu 231(6) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)

ir-raġunijiet għad-deċiżjoni;

(c)

l-ismijiet tal-impriżi relatati inklużi fl-ambitu tal-mudell intern għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tal-grupp;

(d)

l-ismijiet tal-impriżi relatati li għandhom il-permess jużaw il-mudell intern tal-grupp biex jikkalkulaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvibbiltà tagħhom;

(e)

jekk rilevanti, ir-riskji u l-unitajiet tal-operat prinċipali fl-ambitu ta' mudell intern parzjali;

(f)

id-data minn meta r-rekwiżiti kapitali ta' solvibbiltà elenkati fil-punti (c) u (d) jibdew jiġu kkalkulati bil-mudell intern ta' grupp;

(g)

jekk rilevanti, it-termini u l-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett il-permess biex jintuża mudell intern għall-grupp u r-raġunijiet għal dawn it-termini u l-kundizzjonijiet;

(h)

jekk rilevanti, rekwiżit li l-impriża tiżviluppa u tipprovdi pjan biex testendi l-ambitu tal-mudell intern, inkluż deskrizzjoni u l-perjodu ta' żmien tal-pjan;

(i)

jekk rilevanti t-teknika ta' integrazzjoni approvata biex tintuża biex il-mudell intern parzjali jiġi integrat fil-formola standard tar-rekwiżit kapitali tas-solvibbiltà.

3.   Fil-każ li jiġi rrifjutat li jintuża l-mudell intern tal-grupp, fid-deċiżjoni, is-superviżur tal-grupp jinkludi deskrizzjoni qasira tal-partijiet jew l-aspetti tal-mudell intern li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti biex jintuża mudell intern tal-grupp, kif ukoll ir-referenza preċiża tar-rekwiżiti li ma jkunx hemm konformità magħhom. In-notifika tgħid ukoll li r-rifjut ma jimplikax li ġie vvalutat li hemm konformità ma' rekwiżiti oħra.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).