30.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/451

tas-16 ta' Diċembru 2015

li jistipula l-prinċipji ġenerali u l-kriterji għall-istrateġija ta' investiment u regoli għall-amministrazzjoni tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 75(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 jistabbilixxi l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (il-“Fond”) li huwa proprjetà tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (“il-Bord”).

(2)

Il-prinċipji ġenerali u l-kriterji għall-istrateġija tal-investiment tal-Fond għandhom jiddefinixxu l-elementi essenzjali u fundamentali tal-istrateġija tal-investiment li għanda tiġi adottata mill-Bord. L-objettivi tal-investiment għandhom jikkostitwixxu wieħed minn dawk l-elementi. F'konformità mar-rekwiżit li l-Bord jkollu strateġija ta' investiment prudenti u sikura, l-għan ġenerali għandu jkun li jitħares il-valur tal-fond u jissodisfa r-rekwiżiti ta' likwidità tiegħu. Madankollu, minħabba n-natura intrinsika ta' investimenti, kundizzjonijiet tas-suq li qed jinbidlu u l-ambjent tar-rati ta' interessi, anki l-assi l-aktar sikura u l-aktar likwidi jistgħu jinkludu redditu negattiv. F'dan ir-rigward, it-telf li jiġġarrab fuq il-portafoll m'għandux jimplika ksur fl-objettiv tal-investiment.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 jeħtieġ li l-ammonti miżmuma fil-Fond jiġu investiti f'obbligi tal-Istati Membri jew ta' organizzazzjonijiet intergovernattivi, jew f'assi likwidi ħafna b'affidabbiltà kreditizja għolja, b'kont meħudtar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 (2) li jiddefinixxi assi ta' likwidità għolja u kwalità għolja ta' kreditu u jistabbilixxi rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni tagħhom. Għalhekk, assi eliġibbli għal investimenti tal-Fond u l-kriterji għall-kompożizzjoni tal-portafoll għandhom ikunu definiti b'referenza għar-Regolament Delegat (UE) 2015/61. L-eliġibbiltà ta' assi għal investiment m'għandhiex twassal lill-Bord għal deċiżjoni awtomatika ta' investiment. Pjuttost, il-Bord għandu dejjem iwettaq valutazzjoni ta' assi eliġibbli. L-interazzjoni mal-portafoll sħiħ ta' investiment għandha tiġi kkunsidrata fid-determinazzjoni tal-prudenza ta' investiment individwali. Pereżempju, assi volatili b'korrelazzjoni negattiva għall-portafoll tista' tiġi ġudikata f'iżolazzjoni bħala riskjuża wisq iżda li għandha effett pożittiv ta' diversifikazzjoni għall-portafoll ġenerali. Għal din l-evalwazzjoni, il-Bord għandu jagħżel bejn il-livelli differenti (emittent, il-klassi ta' assi, sigurtà) u sorsi ta' informazzjoni li jippermettulu jevalwa l-likwidità, l-affidabbiltà tal-kreditu u l-kompatibbiltà mal-objettivi tal-investiment.

(4)

Għandhom jiġu provduti kriterji biex jispeċifikaw aktar diversifikazzjoni settorjali. Sabiex tkun applikabbli, id-diversifikazzjoni settorjali teħtieġ definizzjoni ta' “settur”. Għal raġunijiet prattiċi, livelli għoljin ta' klassifikazzjoni settorjali għandhom jintużaw. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 (3) jiddefinixxi setturi istituzzjonali li jistgħu jintużaw biex jiddiversifikaw l-investimenti tal-Fond skont it-tip ta' entità ekonomika. Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiddefinixxi klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi li l-ogħla livell tagħha (taqsima) huwa xieraq biex jiġu pprovduti kriterji għad-diversifikazzjoni lill-Bord. Fl-aħħar nett, minħabba l-missjoni tal-Fond, esponimenti mhux biss diretti iżda wkoll indiretti lis-settur finanzjarju għandhom ikunu limitati.

(5)

Għandhom jiġu provduti kriterji biex jispeċifikaw aktar diversifikazzjoni ġeografika. Sabiex tiġi żgurata biżżejjed diversifikazzjoni ġeografika, il-Bord għandu jagħmel użu minn kriterji disponibbli faċilment, jiġifieri l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, li jimplikaw kalkolu tal-ishma ta' kontribuzzjonijiet ta' istituzzjonijiet stabbiliti f'kull Stat Membru parteċipanti. Minħabba li dawn l-ishma huma bbażati fuq id-daqs ta' dawn l-istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment kontribwenti, u aġġustati għall-profil tar-riskju tagħhom, se jkunu pożittivament marbuta mad-daqs u l-profondità tas-swieq finanzjarji korrispondenti. Billi kunsiderazzjonijiet oħra jistgħu jeħtieġu investimenti addizzjonali f'xi Stat Membru parteċipanti, għandu jiġi introdott bafer sabiex ikun hemm aktar marġni ta' apprezzament mill-Bord, filwaqt li tiġi żgurata diversifikazzjoni minima madwar numru suffiċjenti ta' Stati Membri parteċipanti. Barra minn hekk, peress li dawn l-ishma ma jistgħux jiġu kkalkulati għal investimenti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi, dawn għandhom ikunu soġġetti għal limiti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord proporzjonalment għal dawk għall-Istati Membri parteċipanti, fuq il-bażi ta' similarijiet bejn il-pajjiżi.

(6)

Għandhom jiġu provduti kriterji biex jispeċifikaw aktar diversifikazzjoni proporzjonali. Huwa prudenti għall-Bord li jillimita l-iskopertura għal kwalunkwe ħruġ partikolari jew emittent u li juża maturitajiet differenti sabiex jilħaq il-miri tiegħu ta' investiment. Fir-rigward ta' ħruġ individwali, karta kummerċjali hija maħruġa b'Numru ta' Identifikazzjoni ta' Titoli Internazzjonali (ISIN) li jikkorrispondi għal investiment speċifiku ta' investitur (f'termini ta' maturità, l-ammont u karatteristiċi oħra), b'tali mod li l-investitur ikun sid ta' 100 % tat-titolu ta' sigurtà anki jekk ma jippossedix 100 % tal- programm kollu ta' karta kummerċjali. Dan għandu jitqies meta jkunu qed jiġu definiti limiti għall-iskopertura għal ħruġ partikolari. Barra minn hekk, peress li l-impenji irrevokabbli ta' pagament jistgħu jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-ammont totali ta' kontribuzzjonijiet għall-Fond, il-Bord għandu jqis ukoll garanziji mwiegħda wara l-impenji irrevokabbli ta' pagament meta jkun hemm monitoraġġ tal-konċentrazzjoni tar-riskju globali tiegħu.

(7)

Minħabba l-ħtieġa li tiġi stabbilita strateġija ta' investiment prudenti u sikura, il-Bord għandu jillimita l-użu tiegħu ta' derivati. Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' kreditu tal-kontroparti, il-Bord għandu juża biss derivattivi kklerjati minn kontroparti ċentrali kif awtorizzata jew rikonoxxuta skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Tranżazzjonijiet ma' ċerti banek ċentrali jista' wkoll ikun konsistenti mal-għan li jiġi mnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju tal-kontraparti, sakemm riskji oħrajn, bħal pereżempju r-riskju tal-kreditu, jiġu kkontrollati kif xieraq. Minħabba li d-derivattivi huma normalment maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu, u entitajiet oħra msemmijin fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61, il-projbizzjoni ġenerali li jinvestu f'assi maħruġa minn dawn l-entitajiet previsti minn din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għall-użu ta' derivati.

(8)

Il-Bord għandu jagħmel ħiltu sabiex jiħeġġja kontra r-riskju tal-valuta f'taħlita tal-muniti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Fond abbażi tal-kapaċità finanzjarja tal-fond u l-ħlasijiet mistennija skont informazzjoni attwali, suppożizzjonijiet u xenarji ta' stress. Il-grad ta' ħħeġġjar, u b'konsegwenza tal-iskopertura tal-munita miftuħa li jifdal, għandu jiġi kkalibrat sabiex jillimita r-riskju tal-kambju għall-Fond sal-punt li huwa xieraq u kompatibbli mal-objettivi ta' investiment tiegħu.

(9)

Fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju, il-Bord għandu jagħmel użu mill-aħjar prattiki u jistabbilixxi l-kapaċitajiet interni u l-funzjonijiet li jagħtuhom effett. Il-kejl adegwat tar-riskju għandu jkun element essenzjali ta' dan il-proċess li għadu għaddej.

(10)

Filwaqt li huwa fi ħdan il-prerogattivi tal-Bord li jiddeċiedi dwar l-implimentazzjoni ta' investimenti, u għalhekk li jesternalizza parti minn kull kompitu ta' investiment tiegħu, kull kunflitt potenzjali ma' aġir sikur u prudenti li l-Bord għandu jżomm u mal-objettivi ta' investiment kumplessivi tiegħu għandu jiġi evitat, b'kunsiderazzjoni tal-interess pubbliku fl-abbiltà tal-Fond biex jissodisfa l-obbligi tiegħu f'kull ħin. Għalhekk, il-Bord għandu jesternalizza kompiti ta' investiment biss għal fornituri li mhumiex impriżi li jfittxu li jagħmlu profitt. Dan m'għandux iżomm lill-fornituri tas-servizzi u l-Bord milli jikkuntrattaw is-servizzi meħtieġa minn partijiet terzi għal skopijiet ta' eżekuzzjoni. Barra minn hekk, il-Bord għandu jżomm ir-responsabbiltà u s-sorveljanza f'kull ħin irrispettivament minn kwalunkwe deċiżjoni ta' esternalizzazzjoni. Meta ssir referenza għall-aħjar prattiki tan-negozju dwar l-esternalizzazzjoni fi ħdan is-settur finanzjarju, il-Bord għandu, sa fejn ikun possibbli, iqis l-aħjar prattiki eżistenti, bħal-linji gwida dwar l-esternalizzazzjoni tal-14 ta' Diċembru 2006 mill-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej.

(11)

Sakemm tiġi adottata l-ewwel strateġija ta' investiment, il-Bord għandu jitħalla jagħti effett lill-Artikolu 75(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 permezz ta' depożiti f'banek ċentrali. Bl-istess mod, għandu jitħalla juża stimi biex jiddetermina l-limiti perċentwal fuq il-konċentrazzjoni ġeografika kif stabbiliti f'dan ir-Regolament qabel ma ssir disponiblli d-dejta attwali biex jikkalkulahom.

(12)

Minħabba n-natura unika tal-Fond, il-kriterji u l-prinċipji ġenerali għall-istrateġija ta' investiment tiegħu u r-regoli għall-ġestjoni tiegħu stipulati f'dan ir-Regolament jistgħu jiġu rieżaminati fi żmien relattivament qasir wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ladarba l-Bord ikun beda l-applikazzjoni tagħhom. Għal dan l-għan, il-Bord għandu jipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni adegwata dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli l-ġodda sena wara l-istabbiliment tal-Fond, soġġett għall-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

(13)

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2016, meta l-Fond jirriżulta operazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-investiment mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (“il-Bord”) tal-ammonti miżmuma fil-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (“il-Fond”) imsemmija fl-Artikolu 75(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal kollateral ta' assi b'riskju baxx mhux ostakolati b'xi drittijiet ta' parti terza, għad-dispożizzjoni libera ta' u allokati għall-użu esklużiv tal-Bord kif imsemmi fl-Artikolu 70(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“setturi istituzzjonali” tfisser setturi istituzzjonali kif definit fil-paragrafu 1.28 tal-Anness A għar-Regolament (KE) Nru 2223/96;

2.

“setturi ta' attività ekonomika” tfisser it-taqsimiet stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006;

3.

“korpi regolati mil-liġi pubblika” tfisser korpi regolati bil-liġi pubblika, kif definit fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

4.

“banek ċentrali tas-SEBĊ” tfisser banek ċentrali tas-SEBĊ kif definiti fl-Artikolu 4(1)(45) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

Artikolu 3

Għanijiet ta' investiment

1.   Il-Bord jwettaq strateġija ta' investiment prudenti u sikura bil-għan li jipproteġi l-valur tal-ammonti miżmuma fil-Fond u jissodisfa r-rekwiżiti ta' likwidità tal-fond. Il-Bord jikkunsidra kemm il-kapaċità finanzjarja tal-fond kif ukoll il-ħlasijiet mistennija skont il-missjoni tal-Fond kif definit fl-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014. Jieħu kont tal-informazzjoni kollha disponibbli u ta' suppożizzjonijiet adegwati u ta' xenarji ta' stress.

2.   L-istrateġija ta' investiment tinkludi definizzjoni ta' rieda għat-teħid ta' riskji massimi tollerabbli, il-kwantifikazzjoni ta' telf potenzjali tollerabbli fuq perjodu definit ta' żmien b'probabbiltà definita.

3.   L-ammonti msemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu investiti kollha flimkien bħala ġabra waħda ta' riżorsi, minkejja d-diviżjoni tal-Fond f'kompartimenti nazzjonali prevista fl-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

Artikolu 4

Assi eliġibbli għall-investiment

1.   Il-Bord għandu jiddetermina l-eliġibbiltà ta' assi għall-investiment fuq il-bażi ta' rekwiżiti ġenerali għall-assi likwidi tal-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Artikolu 7(2), (4), (5) u (6), u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61.

2.   Il-Bord jinvesti l-ammonti msemmija fl-Artikolu 1(1) esklussivament f'assi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 10(1), 11(1), punti (a) sa (e) tal-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61.

3.   Ir-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1)(d) u punt (iii) tal-Artikolu 10(1)(f), punt (iii) tal-Artikolu 11(1)(c), punt (v) tal-Artikolu 11(1)(d) u punt (ii) tal-Artikolu 12(1)(e) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 m'għandhomx japplikaw għall-Bord.

4.   Il-Bord iwettaq valutazzjoni xierqa ta' assi eliġibbli qabel ma jinvesti fiha, inkluż valutazzjoni tal-likwidità u l-affidabbiltà kreditizja tagħha u l-kompatibilità tagħha mal-objettivi ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3. L-interazzjoni mal-portafoll sħiħ ta' investiment għandha tiġi kkunsidrata fid-determinazzjoni tal-prudenza ta' investiment individwali.

5.   F'każ li kwalunkwe assi jitlef l-eliġibbiltà tiegħu, il-Bord progressivament inaqqas l-iskopertura tal-Fond għal dik l-assi partikolari. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-Bord jagħmel dan f'perjodu ta' żmien u b'mod li jnaqqas kemm jista' jkun kwalunkwe impatt fuq il-prezzijiet tas-suq.

Artikolu 5

Kompożizzjoni tal-portafoll

1.   Il-Bord jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll tal-Fond:

(a)

minimu ta' 60 % tal-portafoll ikun magħmul minn assi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61;

(b)

minimu ta' 30 % tal-portafoll ikun magħmul minn assi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) sa (e) u (g) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61;

(c)

minimu ta' 15 % tal-portafoll ikun magħmul minn assi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61;

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, assi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 jiġu ttrattati b'mod ekwivalenti għall-assi sottostanti għall-impriża rilevanti.

Artikolu 6

Diversifikazzjoni settorjali

1.   L-investimenti tal-ammonti miżmuma fil-Fond ikunu diversifikati biżżejjed bejn is-setturi.

2.   Il-Bord jillimita skoperturi għal setturi istituzzjonali individwali u għal ċerti setturi ta' attività ekonomika.

3.   Il-Bord jikkunsidra li l-korrelazzjonijiet bejn is-setturi ta' attività ekonomika jistgħu jnaqqsu d-diversifikazzjoni miksuba bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2.

4.   Barra minn hekk għar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament, il-Bord għandu jillimita wkoll l-iskoperturi indiretti għal dawk li joħorġu t-titoli stipulati fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61.

Artikolu 7

Diversifikazzjoni ġeografika

1.   Investimenti tal-ammonti miżmuma fil-Fond ikunu ġeografikament diversifikati, b'kunsiderazzjoni tal-istruttura u l-kompożizzjoni ta' kwalunkwe infiq tal-Fond stmat fil-Parti II tal-baġit tal-Bord skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

2.   L-ikoperturi għal assi eliġibbli speċifikati fl-Artikolu 4 mill-emittenti stabbilit fi Stat Membru parteċipanti, bħala sehem tal-iskoperturi totali tal-Fond, m'għandux jirrappreżenta aktar minn 1.2 darbiet is-sehem ta' kontribuzzjonijiet ex ante f'konformità mal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 mill-istituzzjonijiet awtorizzati f'dak l-Istat Membru.

3.   L-iskoperturi għal assi eliġibbli speċifikati fl-Artikolu 4 mill-emittenti stabbiliti fi Stat Membru mhux parteċipanti jew f'pajjiż terz partikolari, espressi bħala sehem mill-iskopertura totali tal-Fond, ikunu ġeografikament diversifikati biżżejjed, b'kont meħud ta' kriterji bħalma huma d-daqs tal-ekonomija, il-profondità u l-likwidità tas-suq finanzjarju u opportunitajiet ta' investiment addizzjonali, inkluż f'termini ta' diversifikazzjoni ta' riskju.

Dik l-iskopertura m'għandha qatt taqbeż l-ogħla limitu stabbilit fil-paragrafu 2.

Artikolu 8

Diversifikazzjoni skont l-emittent u l-ħruġ

1.   Il-Bord jistabbilixxi limitu massimu ta' mhux aktar minn 30 % ta' kwalunkwe ħruġ waħdani li fih l-ammonti miżmuma fil-Fond jistgħu jiġu investiti. Dan il-limitu jista' jiġi maqbuż biss fejn, minħabba n-natura tal-investiment, ix-xiri ta' kwalunkwe ammont ta' garanzija ta' investiment speċifiku li jirriżulta f'pussess ta' 100 % tal-ammont li jikkorrispondi għan-Numru ta' Identifikazzjoni ta' Titoli Internazzjonali (ISIN).

2.   Il-Bord jistabbilixxi limitu massimu ta' mhux aktar minn 30 % tal-ħruġ totali ta' kwalunkwe emittent li fih l-ammonti miżmuma fil-Fond jistgħu jiġu investiti.

Artikolu 9

Kriterji addizzjonali dwar id-diversifikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-Bord għandu jirsisti biex jiddiversifika l-investimenti mal-maturitajiet.

2.   Meta jiddeċiedu fuq id-diversifikazzjoni, il-Bord iqis l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament u, fejn rilevanti, il-likwidità u l-karatteristiċi l-oħra tal-kollateral imsemmi fl-Artikolu 70(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

Artikolu 10

Derivattivi

1.   Il-Bord juża biss derivattivi għal skopijiet ta' ġestjoni tar-riskju, inkluż il-ġestjoni tar-riskju tas-suq u r-riskju tal-likwidità. Il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida biex tispeċifika l-użi eliġibbli ta' derivattivi.

2.   Il-Bord juża biss derivattivi kklerjati permezz ta':

(a)

kontroparti ċentrali awtorizzata skont l-Artikolu 14 jew 15 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew rikonoxxuta skont l-Artikolu 25 tiegħu; jew

(b)

bank ċentrali, diment li l-iskopertura għal dak il-bank ċentrali jew għall-gvern ċentrali tiegħu tkun assenjat valutazzjoni tal-kreditu minn istituzzjoni esterna tal-valutazzjoni tal-kreditu nominata (ECAI) li tal-anqas ikollha kwalità kreditizja tal-iskala 1 skont l-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.   Ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 m'għandux japplika għall-użu ta' derivattivi mill-Bord skont dan l-Artikolu.

Artikolu 11

Munita

1.   Il-Bord jipprovdi ħeġġ kontra r-riskju tal-valuta f'euro jew f'muniti ta' Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro sabiex ikun żgurat r-riskju tal-kambju li jifdal għall-Fond ikun limitat.

2.   Fejn applikabbli, sabiex jiġi maniġġjat ir-riskji tal-kambju bejn valuti differenti msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord iqis l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 12

Prinċipji ġenerali addizzjonali

1.   Fid-deċiżjonijiet kollha ta' investiment, il-Bord għandu jqis riperkussjonijiet possibbli fuq l-affidabbiltà kreditizja tal-Fond sabiex jiġu salvagwardjati l-prerogattivi tal-Bord fir-rigward kemm mezzi alternattivi ta' finazjament, kif stabbilit mill-Artikolu 73 tar- Regolament (UE) Nru 806/2014, u wkoll l-aċċess għal arranġamenti finanzjarji fir-rigward tad-disponibilità immedjata ta' mezzi finanzjarji addizzjonali, kif stabbilit mill-Artikolu 74 tiegħu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-Bord iwettaq it-tranżazzjonijiet kollha relatati mal-investiment tal-Fond b'mod li jillimita kwalunkwe effett fuq il-prezzijiet tas-suq, anki f'sitwazzjonijiet ta' stress tas-suq.

3.   Billi investiment jew irtirar immedjat tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 1(1) jista' jwassal għal impatti fis-suq, il-Bord jista' jittollera xi diverġenza temporanja mal-prinċipji u l-kriterji ġenerali għall-istrateġija ta' investiment tal-Fond.

Artikolu 13

Rieżami tal-istrateġija

Il-Bord jirrieżamina l-istrateġija ta' investiment kull sena.

Artikolu 14

Amministrazzjoni

1.   Il-Bord jadotta qafas ta' governanza, inkluż allokazzjoni ta' kompiti u responsabbiltajiet u delegi meħtieġa, biex jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tal-istrateġija ta' investiment.

2.   Il-Bord jadotta standards interni ta' kontroll biex jivverifika l-konformità bejn l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' investiment, l-istrateġiji ta' investiment u r-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament.

3.   Is-sessjoni eżekuttiva tal-Bord għandha żżomm is-sessjoni plenarja infurmata dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' investiment.

4.   Il-Bord jadotta r-regoli u l-proċeduri interni kollha meħtieġa biex jiġi applikat dan ir-Regolament.

5.   Il-Bord jista' jistabbilixxi kumitat tas-sessjoni plenarja bil-mandat li jassisti lill-Bord fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Ġestjoni tar-riskju

1.   Il-Bord jikkonforma mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja u tar-riskju tajba.

2.   Il-Bord jikkwantifika r-riskji kollha permezz ta' miżuri xierqa ta' ġestjoni u kontroll tat-tipi rispettivi ta' riskju.

3.   Il-Bord japplika diversi miżuri ta' riskju għal kull tip ta' riskju, ikopri kemm l-aspetti attwali kif ukoll dawk li jħarsu 'l quddiem, u juża kemm informazzjoni kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva sabiex tiġi evitata dipendenza żejda fuq miżura waħda ta' riskju.

4.   Il-Bord jissupplimenta l-kejl tar-riskju b'mod regolari permezz ta' testijiet tal-istress u analiżi tax-xenarji biex jiġu identifikati oqsma ta' riskju għoli u biex jevalwa l-effetti kombinati ta' xokkijiet finanzjarji.

Artikolu 16

Esternalizzazzjoni

1.   Is-sessjoni eżekuttiva tal-Bord tista' tiddeċiedi dwar l-esternalizzazzjoni sħiħa jew parzjali ta' attivitajiet speċifiċi konferiti fuq il-Bord mill-Artikolu 75(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

2.   Il-Bord jista' jesternalizza l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 biss għal wieħed jew aktar korpi regolati bil-liġi pubblika, banek ċentrali tas-SEBĊ, minn istituzzjonijiet internazzjonali stabbiliti taħt liġi pubblika internazzjonali jew korpi regolati mid-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn ikollhom prattiki ta' ġestjoni ta' investimenti simili stabbiliti u mingħajr preġudizzju għall-abbiltà tal-fornitur tas-servizz li jikkuntratta servizzi minn partijiet terzi.

3.   Il-mandat ta' investiment mill-Bord lill-fornitur tas-servizz jiddefinixxi b'mod ċar mill-inqas it-tul, il-maturità, ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni komparattiva u ta' eliġibbiltà, kif ukoll jistabbilixxi qafas għal rappurtar regolari mill-fornitur tas-servizz lill-Bord.

4.   Kwalunkwe kuntratt bejn il-Bord u fornitur ta' servizzi għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu klawżoli li jirregolaw id-drittijiet ta' kanċellazzjoni tal-Bord, l-esternalizzazzjoni u l-katini ta' twettiq mill-fornitur tas-servizz.

5.   Is-sessjoni eżekuttiva tal-Bord tinforma lis-seduta plenarja dwar id-deċiżjonijiet futuri dwar l-esternalizzazzjoni.

6.   Jekk il-Bord kompletament jew parzjalment jesternalizza l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jibqa' kompletament responsabbli mir-rilaxx tal-obbligi kollha tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 u dan ir-Regolament.

7.   Fejn jiddeċiedi li jesternalizza kwalunkwe attività msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord għandu jirreferi għall-aħjar prattiki kummerċjali dwar l-esternalizzazzjoni fi ħdan is-settur finanzjarju.

8.   Jekk il-Bord kompletament jew parzjalment jesternalizza l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, huwa għandu jiżgura f'kull ħin li:

(a)

l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-delega tar-responsabbiltà tal-Bord;

(b)

l-esternalizzazzjoni ma teskludix ir-responsabbiltà tal-Bord skont l-Artikolu 45 u l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, u lanqas l-indipendenza tiegħu skont l-Artikolu 47 tiegħu;

(c)

l-esternalizzazzjoni ma twassalx sabiex il-Bord jiċċaħħad mis-sistemi u l-kontrolli neċessarji għall-ġestjoni tar-riskji li jiffaċċja;

(d)

il-fornitur tas-servizz jimplimenta arranġamenti ekwivalenti tal-kontinwità tan-negozju għal dawk tal-Bord;

(e)

il-Bord iżżomm il-kompetenza u r-riżorsi meħtieġa biex jevalwa l-kwalità tas-servizzi pprovduti u l-adegwatezza organizzattiva u kapitali tal-fornitur tas-servizz u biex jissupervizza l-funzjonijiet esternalizzati b'mod effikaċi u jimmaniġja r-riskji assoċjati mal-esternalizzazzjoni u jissupervizza dawn il-funzjonijiet u jimmaniġja dawk ir-riskji fuq bażi kontinwa;

(f)

il-Bord għandu aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti tas-servizzi esternalizzati;

(g)

il-fornitur tas-servizz jipproteġi kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-Bord.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Qabel ma jadotta l-ewwel strateġija ta' investiment, il-Bord jista' jiddepożita l-ammonti kollha msemmija fl-Artikolu 1(1) ma' banek ċentrali ta' Stat Membru wieħed jew aktar.

2.   Qabel ma jitwettaq il-kalkoli li huma meħtieġa biex ikunu stabbiliti l-ishma msemmija fl-Artikolu 7(2) għall-ewwel darba, il-Bord jista' juża stimi sabiex japplika l-Artikoli 7(2) u 7(3).

Artikolu 18

Rapport

Il-Bord għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità, (ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).