13.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/28


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/415

tat-12 ta' Marzu 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi etefon u fenamifos

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi meqjusin li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

L-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi etefon u fenamifos se jiskadu fil-31 ta' Lulju 2017. Għalhekk, ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi attivi. Billi r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (3) japplikaw għal dawk is-sustanzi attivi, huwa meħtieġ li l-applikanti jingħataw żmien biżżejjed biex ilestu l-proċedura tat-tiġdid skont dak ir-Regolament. Għaldaqstant, l-approvazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi attivi x'aktarx li se jiskadu qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħhom. Huwa għalhekk meħtieġ li l-perjodi tal-approvazzjoni tagħhom jiġu estiżi.

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fir-rigward ta' każijiet fejn l-ebda dossier supplimentari skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 ma jiġi ppreżentat mhux aktar tard minn 30 xahar qabel id-data tal-iskadenza rispettiva stabbilita fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tistabilixxi d-data tal-iskadenza fl-istess data bħal dik ta' qabel dan ir-Regolament jew fl-eqreb data minn hemm 'il quddiem.

(5)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fir-rigward ta' każijiet fejn il-Kummissjoni se tadotta Regolament li jistipula li l-approvazzjoni ta' sustanza attiva msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament ma tiġġeddidx minħabba li l-kriterji għall-approvazzjoni mhumiex issodisfati, il-Kummissjoni se tistabbilixxi d-data tal-iskadenza fl-istess data bħal ta' qabel dan ir-Regolament jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament sakemm ma tiġġeddidx l-approvazzjoni tas-sustanza attiva, skont liema data tkun l-aktar tard.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

(1)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 141, fenamifos, id-data tal-“31 ta' Lulju 2017” tinbidel bid-data tal-“31 ta' Lulju 2018”;

(2)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 142, etefon, id-data tal-“31 ta' Lulju 2017” tinbidel bid-data tal-“31 ta' Lulju 2018”.