3.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/43


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/326

tat-2 ta' Marzu 2015

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (“REACH”) fir-rigward tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi u l-ftalati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 131 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fih, fost l-oħrajn, ir-restrizzjonijiet li ġew stabbiliti qabel fid-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE (2).

(2)

Id-Direttiva 2005/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ipprojbiet it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' żjut dilwenti għall-produzzjoni ta' tajers jew partijiet ta' tajers jekk ikollhom aktar minn 1 mg/kg ta' Benżo (a) piren (BaP), jew aktar minn 10 mg/kg tat-total tat-tmien idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) elenkati. Dik ir-restrizzjoni hija attwalment stabbilita fil-paragrafu 1 tal-kolonna 2 tal-entrata 50 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(3)

Fiż-żmien tal-adozzjoni ta' dik ir-restrizzjoni, ma kienx hemm metodi ta' ttestjar armonizzati disponibbli biex tiġi ddeterminata l-konċentrazzjoni speċifika tat-tmien PAHs elenkati fiż-żjut dilwenti. Għalhekk, il-metodu analitiku IP 346:1998 (4), użat mill-industrija taż-żejt biex tiġi ddeterminata l-konċentrazzjoni tal-komposti aromatiċi poliċikliċi (PCA), huwa msemmi f'dik ir-restrizzjoni bħala metodu indirett għad-determinazzjoni tal-konformità mal-limiti speċifikati għall-BaP u t-total tal-PAHs elenkati kollha.

(4)

Il-metodu analitiku IP 346:1998 mhuwiex speċifiku għat-tmien PAHs elenkati. Barra minn hekk, huwa stabbilit sew li dan il-metodu huwa limitat fl-ambitu tiegħu għal żjut bażi lubrikanti, mingħajr frazzjonijiet tal-asfalten u li ma fihomx aktar minn 5 % tal-komponenti tagħhom b'punt tat-togħlija taħt it-300 °C. Għal kampjuni li ma jissodisfawx dawk ir-rekwiżiti, dak il-metodu jista' ma jkunx adatt.

(5)

Kif mitlub fid-Direttiva 2005/69/KE, fit-3 ta' Lulju 2007 il-Kummissjoni ħarġet mandat lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) għall-iżvilupp ta' metodu aktar speċifiku.

(6)

Il-metodu standard il-ġdid ġie adottat u ppubblikat minn CEN bħala EN 16143:2013 (Prodotti taż-żejt — Determinazzjoni tal-kontenut ta' Benżo(a)piren (BaP) u idrokarburi aromatiċi poliċikliċi magħżula (PAH) fiż-żjut dilwenti — Il-proċedura bl-użu tal-purifikazzjoni kromatografika doppja fil-fażi likwida u l-analiżi GC/MS).

(7)

Il-Kummissjoni tqis li, billi dan l-istandard jipprovdi metodu analitiku speċifiku għall-analiżi tal-PAHs relevanti fiż-żjut dilwenti u jegħleb in-nuqqasijiet tal-metodu preċedenti, jixraq li r-referenza għall-metodu IP 346:1998 tiġi sostitwita bl-istandard il-ġdid EN 16143:2013 bħala l-metodu ta' referenza għad-determinazzjoni tal-konformità taż-żjut dilwenti mar-restrizzjoni fil-paragrafu 1 tal-kolonna 2 tal-entrata 50 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(8)

Konsultazzjoni informali mwettqa mal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-partijiet interessati relevanti indikat li, għaż-żjut dilwenti, ġeneralment hemm korrelazzjoni tajba bejn ir-riżultati tal-metodu IP 346:1998 u l-metodi analitiċi bil-kromatografija bil-gass, li jsegwu l-istess prinċipju bħall-metodu CEN il-ġdid, biex jitkejlu il-PAHs karċinoġenċi individwali. L-operaturi ekonomiċi wrew li s-sostituzzjoni ta' IP 346:1998 bil-metodu CEN il-ġdid mhix mistennija li jkollha impatti fuq il-konformità taż-żjut dilwenti. Madankollu, il-metodu analitiku l-ġdid huwa rrappurtat bħala iktar kumpless u għali biex isir milli IP 346:1998.

(9)

Għandu jingħata perjodu tranżizzjonali ta' tmintax-il xahar li matulu jkunu jistgħu jintużaw kemm il-metodu analitiku l-ġdid kif ukoll dak qadim bħala alternattivi għad-determinazzjoni tal-konformità ma' dik ir-restrizzjoni. Dan il-perjodu tranżizzjonali għandu jippermetti li l-laboratorji jistabbilixxu u jiksbu l-esperjenza meħtieġa fl-użu tal-metodu analitiku l-ġdid. Għandu jiffaċilita wkoll id-determinazzjoni tal-konformità taż-żjut dilwenti diġà mqiegħda fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(10)

Il-Kummissjoni lestiet il-valutazzjoni mill-ġdid tagħha tal-miżuri tal-entrata 51 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi bis (2-etileżil) ftalat (DEHP), dibutil ftalat (DBP) u benżil butil ftalat (BBP), b'konformità mal-paragrafu 3 ta' dik l-entrata. Din il-valutazzjoni mill-ġdid tnediet fl-4 ta' Settembru 2009 bit-talba tal-Kummissjoni lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex tirrevedi l-informazzjoni xjentifika ġdida disponibbli u biex tevalwa jekk hemmx evidenza li tiġġustifika eżami mill-ġdid tar-restrizzjoni eżistenti. Fl-għoti tal-informazzjoni lill-Kummissjoni f'Marzu 2010, l-ECHA indikat li għandha tiġi kkunsidrata valutazzjoni tad-dossier tar-reġistrazzjoni tar-REACH rilevanti. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-ECHA biex tipproċedi kif issuġġerit. Madankollu, f'April 2011, ir-Renju tad-Danimarka beda l-proċess ta' restrizzjonijiet rigward il-preżenza ta' dawk il-ftalati f'oġġetti għall-użu fuq ġewwa u oġġetti li jistgħu jiġu f'kuntatt dirett mal-ġilda jew mal-membrani mukużi, fejn, fost affarijiet oħra, tqiesu d-dossiers tar-reġistrazzjoni. Kif ikkomunikat fid-9 ta' Awwissu 2014 (5), fi tmiem il-proċess ta' restrizzjoni, il-Kummissjoni ma pproponietx li jiġi emendat l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Barra minn hekk, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 143/2011 (6), il-Kummissjoni inkludiet dawk il-ftalati fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Konsegwentement, skont l-Artikolu 69(2) ta' dak ir-Regolament, l-ECHA għandha l-obbligu li wara “d-data tat-terminazzjoni” tikkunsidra jekk l-użu ta' dawk il-ftalati fl-oġġetti ikunux ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, li ma jkunx ikkontrollat adegwatament. Għalhekk, l-ebda reviżjoni ulterjuri tal-miżuri għal din ir-restrizzjoni ta' dawk il-ftalati ma tqieset meħtieġa u huwa għalhekk xieraq li dak il-paragrafu jitħassar minn dik l-entrata.

(11)

F'Jannar 2014, il-Kummissjoni lestiet il-valutazzjoni mill-ġdid tagħha tal-miżuri tal-entrata 52 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi Di- “isononil” ftalat (DINP), Di- “isodekil” ftalat (DIDP) u Di-n-ottil ftalat (DNOP), b'konformità mal-paragrafu 3 ta' dik l-entrata. Din il-valutazzjoni mill-ġdid tnediet fl-4 ta' Settembru 2009 bit-talba tal-Kummissjoni lill-ECHA biex tirrevedi l-informazzjoni xjentifika ġdida disponibbli u biex tevalwa jekk hemmx evidenza li tiġġustifika eżami mill-ġdid tar-restrizzjoni eżistenti. L-informazzjoni disponibbli ġiet sussegwentement ikkomplementata bl-informazzjoni mid-dokumenti tar-reġistrazzjoni li waslu sal-iskadenza tar-reġistrazzjoni tal-2010. L-ECHA mbagħad ressqet abbozz ta' rapport ta' reviżjoni lill-Kumitat tiegħu għall-Istima tar-Riskji (RAC) għal valutazzjoni dettaljata. RAC adotta l-opinjoni tiegħu f'Marzu 2013 u r-rapport finali ta' reviżjoni tal-ECHA ngħata lill-Kummissjoni f'Awwissu 2013. Abbażi tar-rapport tal-ECHA l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipproponi ebda emenda għad-dispożizzjonijiet tal-entrata 52 tal-Anness XVII, u li tikkunsidra l-valutazzjoni mill-ġdid skont il-paragrafu 3 ta' dik l-entrata bħala kompluta. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (7). Huwa għalhekk xieraq li jitħassar il-paragrafu 3 minn dik l-entrata.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201).

(3)  Id-Direttiva 2005/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2005 li temenda għas-27 darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar lapprossimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta' ċertu sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (idrokarburi poliċikliċi aromatiċi fi żjut dilwenti u f'tajers) (ĠU L 323, 9.12.2005, p. 51).

(4)  IP 346:1998 — Determinazzjoni tal-PCA fiż-żjut bażi lubrikanti mhux użati u l-frazzjonijiet taż-żejt mingħajr asfalten — Metodu ta' estrazzjoni bl-indiċi rifrattiv tad-dimetil sulfossidu.

(5)  ĠU C 260, 9.8.2014, p. 1.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 143/2011 tas-17 ta' Frar 2011 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (“REACH”), (ĠU L 44, 18.2.2011, p. 2.)

(7)  http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/chemicals/files/reach/entry-52_en.pdf


ANNESS

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-entrata 50, il-kolonna 2, il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu jinbidel bis-subparagrafi li ġejjin:

 

“L-istandard EN 16143:2013 (Prodotti taż-żejt — Determinazzjoni tal-kontenut ta' Benżo(a)piren (BaP) u idrokarburi aromatiċi poliċikliċi magħżula (PAH) fiż-żjut dilwenti — Il-proċedura bl-użu tal-purifikazzjoni kromatografika doppja fil-fażi likwida u l-analiżi GC/MS) għandu jintuża bħala l-metodu tat-test għat-turija tal-konformità mal-limiti msemmi fl-ewwel subparagrafu.

Sat-23 ta' Settembru 2016, il-limiti msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jitqiesu li jkunu nżammu, jekk l-estratt tal-poliċikliċi aromatiċi (PCA) ikun inqas minn 3 % tal-piż skont il-metodu tal-kejl tal-istandard IP 346:1998 tal-Istitut taż-Żejt (Determinazzjoni tal-PCA fiż-żjut bażi ta' lubrikazzjoni u l-frazzjonijiet taż-żejt mingħajr asfalten — Il-metodu tal-indiċi tar-rifrazzjoni għall-estrazzjoni tad-dimetil sulfossid), dejjem jekk il-konformità mal-limiti tal-BaP u tal-PAHs elenkati, kif ukoll il-korrelazzjoni tal-valuri mkejla mal-estratt tal-PCA, ikunu mkejla mill-manifatturi jew l-importatur kull sitt xhur jew wara kull bidla operazzjonali kbira, liema minnhom tkun l-ewwel.”

;

(2)

fl-entrata 51, il-kolonna 2, il-paragrafu 3 jitħassar;

(3)

fl-entrata 52, il-kolonna 2, il-paragrafu 3 jitħassar.