27.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/30


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/310

tas-26 ta' Frar 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar servizzi ta' kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 441/2014

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta' Amministrazzjoni ta' Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament ta' interoperabilità) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) u (5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 (2) jistabbilixxi rekwiżiti għall-introduzzjoni koordinata ta' servizzi ta' kollegament tad-dejta bbażati fuq komunikazzjonijiet ta' dejta bejn l-ajru u l-art minn punt għall-ieħor.

(2)

Il-fornituri u l-operaturi tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru rrapportaw kwistjonijiet tekniki meta ġew biex jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 29/2009, b'mod partikolari l-iskonnessjonijiet, magħrufa bħala PAs (Provider Aborts — Tħassir tal-Fornitur), ta' komunikazzjonijiet tad-dejta eżistenti bejn l-ajru u l-art li bihom l-operazzjonijiet tas-servizzi ta' kollegament tad-dejta (“DLS”) ikunu possibbli u li jmorru lil hinn mil-livelli aċċettabbli ta' prestazzjoni. Għal dik ir-raġuni ċerti fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru diġà daħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni, li jikkonsistu mir-restrizzjoni ta' operazzjonijiet DLS għal inġenji tal-ajru mgħammra b'avjoniċi speċifiċi permezz tal-“white lists”, kif inhuma magħrufin, sabiex jindirizzaw l-impatti potenzjali fuq is-sikurezza ta' dawk il-PAs fl-operazzjonijiet ta' servizzi ta' kollegament tad-dejta.

(3)

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-EASA (l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni) wettqet investigazzjoni (3) biex tidentifika l-kawżi bażiċi ta' dawk il-kwistjonijiet tekniċi u biex tirrakkomanda miżuri biex tindirizzahom. L-investigazzjoni żvelat li l-okkorrenzi aleatorji tal-PA ma setgħux jiġu attribwiti għal kawża waħda li tista' titbassar iżda għal kombinazzjoni ta' fatturi relatati mal-ambjent tal-frekwenza tar-radju u għall-implimentazzjoni tal-frekwenza unika fis-seħħ tal-infrastruttura tal-kollegament tad-dejta. Instab li din ir-rata eċċessiva ta' PAs aleatorji tikkawża degredazzjoni fil-prestazzjoni tan-netwerk fejn potenzjalment tippreżenta riskji fis-sikurezza tal-avjazzjoni billi żżid il-piż tax-xogħol fuq il-piloti u l-kontrolluri u toħloq konfużjoni li twassal għal telf ta' sensibilizzazzjoni tas-sitwazzjoni.

(4)

Fir-rapport tal-investigazzjoni tagħha, l-EASA kkonkludiet li jistgħu jiġu stabbiliti biss livelli aċċettabbli tal-prestazzjoni tal-kollegament tad-dejta billi tiġi varata infrastruttura multifrekwenza, li trid tiġi ottimizzata wkoll għall-prevenzjoni ta' interferenza tal-frekwenza tar-radju. Irrakkomandat l-istabbilment u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjonijiet biex tkompli tinvestiga l-kwistjonijiet tekniċi identifikati u biex tivvalida s-soluzzjonijiet tekniċi neċessarji. Madankollu, dawn il-miżuri jirrikjedu ż-żmien, u għalhekk l-EASA rrakkomandat li d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 29/2009 u l-iskedi taż-żmien ta' dak ir-Regolament jiġu kkunsidrati mill-ġdid. L-EASA tirrakkomanda wkoll li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjonijiet preferibbilment issir minn maniġer tal-varar kif jissemma fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 (4).

(5)

Barra minn hekk, bil-ħsieb li tindirizza speċifikament l-aspett tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-operazzjonijiet DLS skont ir-Regolament (KE) Nru 29/2009, fit-23 ta' Mejju 2014, l-EASA ppubblikat Bullettin tal-Informazzjoni dwar is-Sikurezza Nru 2014-14, li jirrakkomanda li l-operaturi jerġgħu lura mid-dejta għall-vuċi fil-konfront ta' livell għoli ta' PAs.

(6)

F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-EASA, il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-Impriża Konġunta SESAR (“SJU”) biex tabbozza pjan ta' ħidma għal aktar investigazzjoni tal-kwistjonijiet identifikati u biex twettaq l-azzjonijiet speċifiċi rakkomandati mill-EASA. Il-pjan ta' ħidma, kif preżentat mill-SJU, jinkludi żewġ fażijiet ta' studju u azzjonijiet ta' rimedju kkunsidrati neċessarji b'mod partikolari fil-kwistjonijiet tal-infrastruttura tal-kollegament tad-dejta fuq l-art u s-sejba u l-validazzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi fl-ajru. Ir-riżultati preliminari u l-azzjonijiet ta' rimedju huma mistennija sal-2016, filwaqt li l-validazzjoni ulterjuri tista' tkun teħtieġ sentejn addizzjonali.

(7)

Għalhekk, b'mod partikolari minħabba d-diffikultajiet u n-nuqqasijiet tekniċi osservati fil-prestazzjoni tal-infrastruttura DLS varata, li diġà wasslu għad-dħul fis-seħħ ta' ċerti miżuri ta' mitigazzjoni, u l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni u minħabba l-fatt li l-istudji u l-azzjonijiet neċessarji għall-identifikazzjoni u r-rimedju tagħhom huma mistennija li jitlestew matul l-2018, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 29/2009 għandha tiġi differita.

(8)

Għall-istess raġunijiet imsemmija fil-Premessa (7), u sabiex tinżamm il-konsistenza tar-rekwiżiti previsti fir-Regolament (KE) Nru 29/2009, ċerti skedi taż-żmien oħrajn previsti f'dak ir-Regolament għandhom jiġu emendati wkoll.

(9)

Sabiex jiġu fornuti u operati servizzi ta' kollegament tad-dejta mibnija fuq il-kapaċità validata meħtieġa tad-DLS fuq l-art, id-dati ta' applikazzjoni għar-rekwiżiti relatati mal-ekwipaġġ fuq l-art għall-ispazju tal-ajru definiti fil-Parti A u l-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 29/2009 għandhom jiġu emendati sabiex ikun żgurat li l-infrastruttura fuq l-art hija disponibbli 24 xahar qabel id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti relatati mal-parti fl-ajru. Madankollu, l-Istati Membri responsabbli għall-ispazju tal-ajru definit fil-Parti B ta' dak l-Anness diġà ġew fornuti b'perjodu itwal biex jimplimentaw l-infrastruttura meħtieġa tad-DLS fuq l-art. Għalhekk ma għadux ġustifikat li jkun hemm differenzjar, f'termini ta' dati tal-applikazzjoni, bejn l-ispazju tal-ajru definit fil-Partijiet A u B ta' dak l-Anness.

(10)

Barra minn hekk, għandha tiġi aġġustata d-data sa meta l-operaturi huma meħtieġa jiżguraw li l-inġenju tal-ajru konċernat għandu l-kapaċità jopera d-DLS skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 29/2009, sabiex tikkorrispondi mad-data emendata tal-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. Barra minn hekk, fir-rigward ta' dan ir-rekwiżit li jikkonċerna l-kapaċità ta' operat tad-DLS, id-distinzjoni bejn l-inġenji tal-ajru abbażi tad-data taċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà individwali tagħhom ma għadhiex ġustifikata. Madankollu, l-eżenzjonijiet minn dan ir-rekwiżit għal ċerti kategoriji ta' inġenji tal-ajru, kif ukoll ir-regola speċifika li tikkonċerna inġenju tal-ajru tal-Istat bħala tip ta' trasport ġdid, għandhom jinżammu u d-dati rilevanti għandhom jiġu aġġustati skont dan, sabiex iżommu l-effett prattiku ta' dawk ir-regoli. Dawn id-dati għandhom jinżammu biss fir-rigward tal-eżenzjoni relatata mal-inġenju tal-ajru b'ċertifikat ta' ajrunavigabbiltà individwali maħruġ għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Jannar 2014, u attrezzat b'tagħmir ta' kollegament tad-dejta ċertifikat skont wieħed mid-dokumenti Eurocae rilevanti, tal-inqas għalissa, fin-nuqqas ta' dejta ċara u konvinċenti li tiġġustifika l-aġġustament tagħhom.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-emenda tad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 29/2009, soġġett għall-ħtieġa li l-kwistjonijiet tas-sikurezza tal-avjazzjoni li jistgħu jirriżultaw f'din il-konnessjoni jiġu indirizzati b'mod adegwat, mingħajr ħsara għall-possibbiltajiet eżistenti fil-kuntest tal-modulazzjoni tal-imposti tan-navigazzjoni tal-ajru msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 (5) jew l-allokazzjoni tas-slots tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ATFM) skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 (6) sabiex iqiesu l-fatt li ċerti operaturi jista' jkun li diġà huma attrezzati, jew se jattrezzaw fuq bażi volontarja qabel id-data emendata tal-applikazzjoni tar-Regolament, l-inġenju tal-ajru tagħhom bil-kapaċità biex jopera DLS u li ċerti fornituri tas-servizz tat-traffiku tal-ajru diġà implimentaw l-infrastruttura DLS fuq l-art.

(12)

Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 441/2014 (7), l-ispazju tal-ajru Kroat għandu jiżdied mal-ispazju tal-ajru li għalih japplika r-Regolament (KE) Nru 29/2009. Madankollu, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 441/2014 japplika biss mill-5 ta' Frar 2016. B'konsiderazzjoni tal-emenda attwali tar-Regolament (KE) Nru 29/2009, u għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 441/2014 għandu jitħassar u l-emenda ppromulgata permezz ta' dak ir-Regolament għandha tiddaħħal f'dan ir-Regolament.

(13)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 29/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f 'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ajru Uniku, stabbilit permezz tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 29/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 3 jinbidel b' dan li ġej:

“3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-titjiriet kollha li joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti fl-ispazju tal-ajru 'l fuq minn FL285 definit fil-partijiet A u B tal-Anness I.”

;

(2)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 jinbidlu b'dan li ġej:

“2.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3, l-operaturi għandhom jiżguraw li l-inġenji tal-ajru li joperaw it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom il-kapaċità joperaw is-servizzi ta' kollegament tad-dejta definiti fl-Anness II mill-5 ta' Frar 2020.

3.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għal:

(a)

inġenji tal-ajru li għandhom ċertifikat ta' ajrunavigabbiltà individwali ppubblikat għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Jannar 2014 u attrezzati b'tagħmir ta' kollegament tad-dejta ċertifikat skont ir-rekwiżiti ta' wieħed mid-dokumenti ta' Eurocae speċifikati fil-punt (10) tal-Anness III;

(b)

inġenji tal-ajru li għandhom ċertifikat ta' ajrunavigabbiltà individwali ppubblikat għall-ewwel darba qabel il-31 ta' Diċembru 2003 u li se jieqfu joperaw fl-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3) qabel il-31 ta' Diċembru 2022;

(c)

Inġenji tal-ajru tal-Istat;

(d)

inġenji tal-ajru li jtiru fl-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 1(3) għall-ittestjar, għat-twassil jew għal skopijiet ta' manutenzjoni jew ma' kostitwenti tal-kollegament tad-dejta temporanjament mhux operattivi skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-lista ta' tagħmir minimu applikabbli meħtieġ skont il-punt (1) tal-Anness III u r-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu.

4.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jattrezzaw inġenji tal-ajru tat-tip ta' trasport tal-Istat ġodda li jibdew joffru servizz wara l-1 ta' Jannar 2019, b'kapaċità ta' kollegament tad-dejta li tiddependi minn standards li ma humiex speċifiċi għar-rekwiżiti operattivi tal-militar, għandhom jiżguraw li dawk l-inġenji tal-ajru għandhom il-kapaċità joperaw is-servizzi ta' kollegament tad-dejta definiti fl-Anness II.”

;

(3)

Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 15, il-kliem “7 ta' Frar 2013” jinbidel bil-kliem “5 ta' Frar 2018”;

(4)

Fil-Parti B tal-Anness I, dan li ġej jiddaħħal wara “— Warszawa FIR,”: “— Zagreb FIR,”.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 441/2014 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 tas-16 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar servizzi ta' kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 13, 17.1.2009, p. 3).

(3)  Ir-Rapport tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, “Technical issues in the implementation of Regulation (EC) No 29/2009”, il-verżjoni 1.1, 23.4.2014, referenza tad-dokument 2014_03_24_E4_D_51431_REP_DLS_1.1

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 dwar id-definizzjoni ta' proġetti komuni, it-twaqqif ta' governanza u l-identifikazzjoni ta' inċentivi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, ĠU L 123, 4.5.2013, p. 1.

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 10).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 441/2014 tat- 30 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 29/2009 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar servizzi ta' kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 37).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' l-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).