5.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/171

tal-4 ta' Frar 2015

dwar ċerti aspetti tal-proċedura ta' liċenzjar tal-impriżi ferrovjarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 17(5) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2004 dwar l-użu ta' format komuni Ewropew għal dokumenti ta' liċenzjar maħruġa skont id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar il-liċenzjar ta' impriżi ferrovjarji (2) rrakkomandat l-użu tal-format standard għad-dokumenti ta' liċenzjar maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali tal-liċenzjar.

(2)

Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2012/34/UE l-liċenzji kunsinnati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-liċenzjar huma validi fit-territorju kollu tal-Unjoni. L-awtoritajiet nazzjonali tal-liċenzjar għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea bil-liċenzji li jkunu ġew maħruġa, sospiżi, revokati jew emendati u din tal-aħħar għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra skont il-każ. Mudell komuni għal-liċenzjar jiffaċilita x-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-liċenzjar u tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji u jipprovdi aċċess aktar faċli għall-informazzjoni dwar il-liċenzji lill-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-Istati Membri l-oħra u l-amministraturi tal-infrastruttura.

(3)

L-informazzjoni kollha meħtieġa li tikkonferma li ċerta impriża ferrovjarja tkun ġiet regolarment liċenzjata għal ċertu tip ta' servizz tat-trasport ferrovjarju tista' tkun tinstab f'dokument standardizzat. Il-mudell standard għad-dokument tal-liċenzjar għandu jiffaċilita l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-liċenzji fuq is-sit tal-Internet tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea. Il-format standard jista' jiġi mmodifikat fil-ġejjieni skont l-esperjenza tal-użu tiegħu u l-iżvilupp tal-ħtiġijiet għal aktar informazzjoni dwar il-liċenzji.

(4)

Il-kundizzjonijiet li skonthom jistgħu jiġu ssodisfati r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/34/UE relatati mal-kopertura għar-responsabbiltà ċivili jafu jvarjaw bejn l-Istati Membri skont il-liġijiet nazzjonali. Evidenza li l-impriża ferrovjarja tissodisfa dawn ir-rekwiżiti nazzjonali għandhom jiġu pprovduti b'Anness mad-dokument tal-liċenzja. Il-mudell standard għal dan l-Anness għandu jkun użat għal dan l-għan. Fil-każ li l-impriża ferrovjarja tixtieq teżerċita l-attivitajiet tagħha f'żewġ Stati Membri jew aktar, il-kopertura għal responsabbiltà ċivili għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri għandha tissemma f'Anness addizzjonali, li għandu jkun provdut mill-awtorità tal-liċenzjar fl-Istat Membru addizzjonali li l-impriża ferrovjarja tixtieq topera fih.

(5)

L-awtoritajiet tal-liċenzjar jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tagħhom, il-livell ta' miżati tal-liċenzjar u ż-żmien biex jieħdu deċiżjoni dwar applikazzjoni għal liċenzja jekk dawn jiskambjaw l-informazzjoni malajr ma' awtoritajiet oħra u ma' entitajiet pubbliċi jew privati oħrajn.

(6)

Minħabba li ftit sar ċaqliq fis-suq, mhumiex meħuda deċiżjonijiet dwar il-liċenzjar f'ebda Stati Membri għal sena jew snin konsekuttivi. Fl-istess ħin, il-miżati għoljin jafu joħolqu ostaklu għad-dħul fis-suq ta' impriżi ferrovjarji.

(7)

Impriżi ferrovjarji li japplikaw għal liċenzja ġdida ma għandhomx jaffaċċjaw kundizzjonijiet ta' liċenzjar anqas favorevoli minn impriżi ferrovjarji li qegħdin diġà joperaw fis-suq.

(8)

Il-piż amministrattiv żejjed impost fuq l-awtoritajiet tal-liċenzjar u l-impriżi għandu jitnaqqas billi jittrażżnu b'mod strett ir-rekwiżiti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2012/34/UE.

(9)

L-awtoritajiet tal-liċenzjar ma għandhom l-ebda obbligu li jitolbu miżata għal-liċenzjar minn impriża ferrovjarja. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu tali miżata għax-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet tal-liċenzjar biex jeżaminaw l-applikazzjoni. F'każ bħal dan il-ħlas tal-liċenzja ma għandux ikun diskriminatorju, jiġi effettivament impost fuq l-impriżi kollha li japplikaw għal liċenzja u jkun ibbażat fuq il-ħidma attwali tal-awtorità tal-liċenzjar. Jekk il-miżata tal-liċenzjar taqbeż EUR 5 000, l-awtorità tal-liċenzjar għandha tniżżel l-għadd ta' sigħat-persuni utilizzati u n-nefqa fin-nota tal-ħlas għall-miżata.

(10)

F'tentattiv biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn l-impriżi ferrovjarji, id-Direttiva 2012/34/UE ħassret ċerti arranġamenti li mhumiex kompatibbli mal-kundizzjonijiet imtejba tas-suq, biex permezz ta' hekk l-impriżi ferrovjarji għandhom jiġu assigurati jew jingħataw garanziji adegwati skont il-kundizzjonijiet tas-suq. L-awtoritajiet tal-liċenzjar għandhom jiġu mistiedna biex jivverifikaw l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet riveduti b'kooperazzjoni ma' awtoritajiet oħra tal-Istati Membri.

(11)

L-għoti ta' liċenzja lil impriża ferrovjarja ma għandux ikun kundizzjonali fuq dan iċ-ċertifikat tas-sikurezza msemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(12)

L-impriżi ferrovjarji ġodda huma kruċjali għall-kompetizzjoni, iżda jista' jkollhom diffikultajiet prattiċi biex jipprovdi rekord ta' qagħda finanzjarja tajba li jippermettilhom jistabbilixxu suppożizzjonijiet realistiċi għal perjod ta' 12 xahar fil-futur skont l-Artikolu 20(1) u (2) tad-Direttiva 2012/34/UE. Filwaqt li l-leġislaturi tal-UE ħolqu l-għażla ta' prova ssimplifikata għal ċerti trasportaturi tal-ajru iżgħar skont l-Artikolu 5(3) tar- Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-proċedura biex tinkiseb liċenzja tista' tqis dawn id-diffikultajiet prattiċi billi ttaffi l-proċedura biex tintwera qagħda finanzjarja tajba għall-impriżi ferrovjarji li japplikaw għal liċenzja.

(13)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2012/34/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dettalji għall-użu ta' mudell komuni għad-dokument tal-liċenzji. Jipprevedi wkoll ċerti aspetti tal-proċedura għall-għoti ta' liċenzja.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “dokument tal-liċenzja” tfisser il-mudell komuni mimli u ffirmat kif suppost, kif stipulat fl-Annessi I u II ta' dan ir-Regolament, li għandu jiġi ppreżentat lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea.

Artikolu 3

L-użu tal-mudell komuni għad-dokument tal-liċenzja

1.   Il-liċenzji maħruġa skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE għandhom jużaw il-format standard stabbilit fl-Anness I u II ta' dan ir-Regolament.

Fil-każ fejn tinħareġ liċenzja ġdida, l-awtorità tal-liċenzjar għandha tattribwixxi numru tan-notifika tal-liċenzji tal-UE skont is-sistema ta' numerazzjoni armonizzata, imsejjaħ Numru Ewropew għall-Identifikazzjoni (EIN), kif stabbilit fl-Appendiċi 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (5).

Kull darba li liċenzja tingħata, tiġi emendata b'mod rilevanti għad-dokument tal-liċenzja, tiġi sospiża, tiġi revokata jew tiġi mibdula b'liċenzja temporanja, l-awtorità tal-liċenzjar għandha tistabbilixxi dokument tal-liċenzja bbażat fuq dan il-format

2.   L-awtoritajiet tal-liċenzjar għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea b'konformità mal-Artikolu 24(8) tad-Direttiva 2012/34/UE billi jipprovdu kopja tad-dokument tal-liċenzja kif stipulat fil-protokoll tal-komunikazzjoni maqbula bejniethom.

3.   L-informazzjoni li tikkonċerna l-kopertura finanzjarja għar-responsabilità ċivili msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/34/UE għandu jissemma fl-Anness għad-dokument tal-liċenzja, billi jintuża l-format standard stabbilit fl-Anness II għal dan ir-Regolament. L-awtorità tal-liċenzjar għandha tehmeż anness mad-dokument tal-liċenzja. Dan l-anness għandu jingħata numru wieħed (1).

4.   Permezz tal-informazzjoni provduta fl-annessi dwar ir-responsabbiltà, kif stipulat fl-Anness II ma' dan ir-Regolament, l-awtorità tal-liċenzjar fi Stat Membru partikolari jew amministratur tal-infrastruttura jista' jiċċekkja jekk il-kopertura tar-responsabbiltà ċivili li tittieħed mill-impriża ferrovjarja u li tkun approvata minn awtoritajiet oħra tal-liċenzjar hix biżżejjed f'dan l-Istat Membru partikolari. Jekk l-awtorità tal-liċenzjar tiddetermina li l-livell ta' kopertura huwa insuffiċjenti, din tista' titlob lill-impriża ferrovjarja għal kopertura addizzjonali. L-impriża ferrovjarja għandha tipprovdi lill-awtorità tal-liċenzji l-informazzjoni mitluba dwar il-kopertura tagħha.

5.   Ladarba awtorità tal-liċenzjar tkun sodisfatta bil-kopertura, din għandha tinforma lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea dwar l-aġġornament tal-annessi eżistenti kkomunikata minn awtorità tal-liċenzji tal-istess Stat Membru jew iż-żieda ta' anness ulterjuri mal-liċenzja, billi jintuża l-format standard ta' dan l-Anness II u jiġu assenjati n-numri li jmiss (2, 3, 4, eċċ.) ma' dan l-anness.

6.   Kull anness dwar ir-responsabbiltà għandu jsemmi l-ammont, il-kamp ta' applikazzjoni, bħall-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku jew it-tip ta' servizzi, u d-data tal-bidu u, jekk ikun applikabbli, l-iskadenza tal-kopertura. Il-numru tan-notifika tal-liċenzja għandu jissemma f'kull anness biex tiġi stabbilita rabta ċara mal-impriża ferrovjarja liċenzjata. L-awtorità tal-liċenzjar għandha tistabbilixxi anness aġġornat meta tiġi infurmata dwar bidla fil-kopertura għal responsabbiltà ċivili u tikkomunikaw l-Anness lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea.

Artikolu 4

Miżati tal-liċenzjar

L-Istati Membri jistgħu jitolbu miżata tal-liċenzjar għall-eżami ta' kull applikazzjoni. Il-miżati tal-liċenzjar għandhom japplikaw b'mod nondiskriminatorju.

Artikolu 5

Ċerti aspetti pertinenti għar-rekwiżiti dwar il-kopertura tar-responsabbiltà ċivili u garanziji adegwati

1.   L-awtorità tal-liċenzjar għandha tippubblika l-livelli minimi obbligatorji ta' kopertura, inkluż fejn l-ammont ta' tali kopertura huwa stabbilit fil-liġi nazzjonali.

2.   L-awtorità tal-liċenzji ma tistax titlob kopertura li tidħol fis-seħħ qabel ma impriża ferrovjarja tibda l-operazzjonijiet tagħha.

3.   Minn sa mhux aktar mill-25 ta' Awwissu 2015, l-awtorità tal-liċenzjar li tkun ħarġet il-liċenzja għandha titlob mingħand l-impriżi ferrovjarji liċenzjati kollha evidenza dwar il-livell u l-kamp ta' applikazzjoni tal-kopertura eżistenti tagħhom għal responsabbiltajiet f'każ ta' inċidenti, sakemm dawn ma jkunux ikkuntrattaw impriża tal-assigurazzjoni jew l-awtorità diġà għandha din l-informazzjoni. Tista' wkoll titlob din l-evidenza minn impriżi ferrovjarji f'każ li għandha dubji dwar jekk il-kopertura tagħhom jilħaqx ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/34/UE.

4.   F'każ li l-intrapriża ma turix li hija assigurata b'mod adegwat, iżda li għandha garanziji adegwati biex tkun koperta, l-awtorità tal-liċenzjar, jekk ikun il-każ wara konsultazzjoni mal-korp regolatorju, għandha teżamina jekk il-kondizzjonijiet li taħthom l-impriża tkun kisbet garanziji bħal dawn jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet tas-suq li kien jinkiseb minn xi impriża oħra bl-istess livell ta' kapaċità finanzjarja u espożizzjoni għar-riskji.

5.   Jekk l-awtorità tal-liċenzjar tissospendi liċenzja skont l- Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, jew jagħti liċenzja temporanja skont l-Artikolu 24(3) tal-imsemmija Direttiva, din għandha tinforma lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li magħhom tkun taf li l-impriża ferrovjarja kellha kuntratti ta' servizzi. Jekk l-awtorità tal-liċenzjar għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta' garanziji għal kopertura tar-responsabbilitaijiet tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, hija tista' tittrażmetti l-informazzjoni meħtieġa lill-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll ta' dawn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Artikolu 6

Relazzjoni maċ-ċertifikati tas-sigurtà

1.   L-għoti ta' liċenzja ma jistax ikun kundizzjonali fuq jekk l-impriża tkunx fil-pussess taċ-ċertifikat tas-sikurezza msemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE.

2.   Jekk impriża hija fil-pussess ta' ċertifikat tas-sigurtà, l-awtorità tal-liċenzjar ma għandhiex tiċċekkja ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikati tas-sigurtà, meta tagħti l-liċenzja.

Artikolu 7

Ċerti aspetti tal-proċedura għall-għoti ta' liċenzja

1.   Fi żmien xahar mill-wasla tal-applikazzjoni, l-awtorità tal-liċenzjar għandha tinforma lill-impriża li l-fajl huwa komplut jew titlob għal informazzjoni komplementari. Dan il-limitu ta' żmien jista' jkun estiż b'ġimagħtejn taħt ċirkostanzi eċċezzjonali u l-impriża għandha tiġi infurmata b'dan. Ladarba tkun waslet informazzjoni kumplimentari, l-awtorità tal-liċenzjar għandha tinforma lill-impriża fi żmien massimu ta' xahar jekk il-fajl hux komplut.

2.   L-awtorità tal-liċenzjar tista' titlob biss id-dokumenti msemmija fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE jew dawk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-awtorità tal-liċenzjar għandha tippubblika lista tad-dokumenti kollha u l-kontenut tagħhom u ma għandhomx jitolbu dokumenti oħra mill-impriżi. Jekk il-lista tkun aġġornata u ppubblikata, l-impriżi jistgħu xorta joqogħdu fuq il-lista preċedenti rigward l-applikazzjonijiet li jkunu ssottomettew qabel l-aġġornament.

3.   Fir-rigward ta' impriżi bi dħul annwali ta' inqas minn EUR 5 miljun, mill-attivitajiet ferrovjarji, l-awtorità tal-liċenzjar tista' tikkunsidra r-rekwiżit rigward l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw l-obbligi attwali u potenzjali għal perjodu ta' 12-il xahar mill-bidu tal-operazzjonijiet skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2012/34/UE bħala ssodisfat, jekk l-impriża tista' turi li l-kapital nett tagħha jkun mill-inqas EUR 100 000 jew ammont miftiehem mal-korp regolatorju. L-awtorità tal-liċenzjar għandha tippubblika dan l-ammont.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mis-16 ta' Ġunju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

(2)  ĠU L 113, 20.4.2004, p. 37.

(3)  Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi bl-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE tad-9 ta' Novembru 2007 li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi previst fl-Artikoli 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE (ĠU L 305, 23.11.2007, p. 30).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).


ANNESS I

Format standard għad-dokument tal-liċenzja

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Format standard għall-anness dwar ir-responsabbiltà mal-liċenzja ferrovjarja

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni