30.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/140

tad-29 ta' Jannar 2015

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tal-kompartiment sterili tal-ekwipaġġ tat-titjira u li jikkoreġi dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-operaturi u l-persunal involuti fl-operat ta' ċerti inġenji tal-ajru jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fil-punt 8.b tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2) jistabbilixxi kundizzjonijiet biex l-operat tal-inġenji tal-ajru jsir b'sikurezza.

(3)

Sabiex jiġu indirizzati r-riskji marbuta mal-potenzjal ta' żbalji minħabba li l-ekwipaġġ tat-titjira jiġi disturbat jew distratt waqt ċerti fażijiet tat-titjira, l-operaturi għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw li l-membri tal-ekwipaġġ ma jkunux meħtieġa jwettqu attivitajiet waqt il-fażijiet kritiċi tat-titjira, għajr dawk l-attivitajiet meħtieġa biex l-inġenju tal-ajru jiġi operat b'sikurezza.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 jimponi limitu fuq l-għadd ta' persuni li jistgħu jinġarru abbord waqt operazzjonijiet speċjalizzati. Madankollu, dak il-limitu mhux iġġustifikat minn raġunijiet ta' sikurezza. Għalhekk, l-Artikolu 5(7) għandu jiġi adattat.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 71/2014 (3) daħħal Artikolu 9a fir-Regolament (UE) Nru 965/2012. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 83/2014 (4) sussegwentement reġa' daħħal Artikolu 9a ieħor, li fil-fatt kellu jkollu n-numru 9b. Biex it-test ikun iktar ċar u għal raġunijiet ta' ċertezza legali, dak l-Artikolu 9a mdaħħal mir-Regolament (UE) Nru 83/2014 għandu jiġi sostitwit u nnumerat tajjeb.

(6)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, u biex ikun hemm koerenza mat-termini użati fir-Regolament (KE) Nru 216/2008, jeħtieġ li, f'ċerti lingwi, jiġu korretti xi termini użati fir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(7)

Għalhekk, b'konsegwenza, ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 għandu jiġi emendatu kkoreġut.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni (5) maħruġa mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni skont l-Artikoli 17(2)(b) u 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   L-operaturi ta' ajruplani u ta' ħelikopters ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, kif ukoll ta' blalen tal-arja u glajders involuti f'operazzjonijiet mhux kummerċjali għandhom joperaw l-inġenju tal-ajru skont id-dispożizzjonijiet speċifikati fl-Anness VII.”

;

(b)

fil-paragrafu 5, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

ajruplani u ħelikopters oħrajn kif ukoll blalen tal-ajru u glajders skont id-dispożizzjonijiet speċifikati fl-Anness VII.”

;

(c)

fil-paragrafu 7, it-tieni sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“Ħlief għall-membri tal-ekwipaġġ, ma għandhomx jinġarru abbord persuni għajr dawk li huma indispendabbli għall-missjoni.”.

2.

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“2.   B'deroga mill-Artikolu 5(1), l-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, fil-każ ta' ajruplani, jitħaddmu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 7633 tal-14 ta' Ottubru 2009 meta jintużaw f'operazzjonijiet CAT.”

;

(b)

fil-paragrafu 4a, il-frażi introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“4a.   B'deroga mill-Artikolu 5(1) u (6) l-operazzjonijiet li ġejjin b' ajruplani u ħelikopters ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, blalen tal-ajru u glajders jistgħu jsiru skont l-Anness VII:”

.

3.

L-Artikolu 9a kif imdaħħal mir-Regolament (UE) Nru 83/2014 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 9b

Reviżjoni

L-Aġenzija għandha twettaq analiżi kontinwa tal-effikaċja tad-dispożizzjonijiet dwar il-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ li jinsabu fl-Annessi II u III. L-Aġenzija għandha tipproduċi l-ewwel rapport dwar ir-riżultati ta' dik l-analiżi mhux aktar tard mit-18 ta' Frar 2019.

Dik l-analiżi għandha tinvolvi l-għarfien espert xjentifiku u għandha tkun imsejsa fuq dejta operattiva miġbura, bl-għajnuna tal-Istati Membri, fuq tul ta' żmien wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-analiżi, għandha tevalwa l-impatt ta' mill-inqas dan li ġej fuq il-viġilanza tal-ekwipaġġ tal-ajru:

(a)

xogħol ta' aktar minn 13-il siegħa fl-aktar ħin favorevoli tal-jum;

(b)

xogħol ta' aktar minn 10 sigħat fl-inqas ħin favorevoli tal-jum;

(c)

xogħol ta' aktar minn 11-il siegħa fil-każ ta' membri tal-ekwipaġġ fi stat mhux magħruf ta' akklimatizzazzjoni;

(d)

xogħol li jinkludi livell għoli ta' setturi (aktar minn 6);

(e)

xogħol fuq sejħa bħal dmir bħal fil-każ ta' standby jew ta' riżerva segwit bi dmirijiet ta' titjira; kif ukoll

(f)

skedi ta' ħinijiet irregolari.”

.

4.

L-Annessi I, III, IV, VI u VIII huma emendati skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Article 2

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa korrett kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6(7) jinbidel b'dan li ġej:

“7.   B'deroga minn SPA.PBN.100 PBN tal-Anness V, operazzjonijiet mhux kummerċjali b'ajruplani, ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, fi spazju tal-ajru magħżul, fuq rotot jew skont il-proċeduri fejn hija stabbilita speċifikazzjoni ta' navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni (PBN) għandhom ikomplu jiġu operati skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri sakemm jiġu adottati u japplikaw ir-regoli ta' implimentazzjoni relatati.”

;

(2)

L-Annessi II, III, IV, VII u VIII huma korretti skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-punt (3) tal-Artikolu 1 japplika mit-18 ta' Frar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 71/2014 tas-27 ta' Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 23, 28.1.2014, p. 27).

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 83/2014 tad-29 ta' Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 28, 31.1.2014, p. 17).

(5)  L-Opinjoni Nru 05/2013 tal-10 ta' Ġunju 2013 tal-Aġenzija għas-Sikurezza fl-Avjazzjoni dwar Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi Regoli ta' Implimentazzjoni għal proċeduri sterili tal-kabina tal-piloti.


ANNESS I

L-Annessi I, III, IV VI u VIII għar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness I jiżdied il-punt (109a) li ġej:

“(109a)

‘Kompartiment sterili tal-ekwipaġġ tat-titjira’ ifisser kwalunkwe perjodu ta' ħin li fih il-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira ma jkunux disturbati jew distratti, ħlief għal kwistjonijiet li jkunu kritiċi għas-sikurezza tal-operat tal-inġenju tal-ajru jew għas-sikurezza tal-okkupanti.”

.

(2)

Fl-Anness III (PARTI-ORO):

(a)

fil-punt ORO.GEN.110, il-punt (f) jinbidel b'dan li ġej:

“(f)

L-operatur għandu jistabbilixxi l-proċeduri u l-istruzzjonijiet biex jiġi operat b'mod sikur kull tip ta' inġenju tal-ajru, li jkun fihom il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-persunal ta' fuq l-art u tal-membri tal-ekwipaġġ għal kull tip ta' operazzjoni fuq l-art u fl-ajru. Dawk il-proċeduri u l-istruzzjonijiet ma għandhomx jeħtieġu li l-membri tal-ekwipaġġ iwettqu xi attività matul il-fażijiet kritiċi tat-titjira għajr dawk meħtieġa biex l-inġenju tal-ajru jiġi operat b'mod sikur. Għandhom jiġu inklużi wkoll il-proċeduri u l-istruzzjonijiet għall-kompartiment sterili tal-ekwipaġġ tat-titjira.”

;

(b)

fil-punt ORO.MLR.105, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

Għandha tiġi stabbilita lista tat-tagħmir minimu (MEL) kif speċifikat fil-punt 8.a.3. tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, imsejsa fuq il-lista rilevanti ta' tagħmir minimu ta' referenza (MMEL), kif iddefinit fid-dejta stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012. Jekk ma tkunx ġiet stabbilita MMEL bħala parti mid-dejta ta' operat xieraq, l-MEL tista' tissejjes fuq l-MMEL rilevanti aċċettata bħala applikabbli mill-Istat tal-Operatur jew mir-Reġistru.”

.

(3)

Fl-Anness IV (il-Parti-CAT) jiddaħħal il-punt li ġej:

“CAT.GEN.MPA.124   Taxiing tal-inġenji tal-ajru

L-operatur għandu jistabbilixxi proċeduri għat-taxiing tal-inġenji tal-ajru sabiex jiżgura operat b'mod sikur u sabiex tiżdied is-sikurezza tar-runway.”

.

(4)

Fl-Anness VI (il-Parti-NCC) jiddaħħal il-punt li ġej:

“NCC.GEN.119   Taxiing tal-inġenji tal-ajru

L-operatur għandu jistabbilixxi proċeduri għat-taxiing sabiex jiżgura operat b'mod sikur u tiżdied is-sikurezza tar-runway.”

.

(5)

Fl-Anness VIII (il-Parti-SPO) jiddaħħal il-punt li ġej:

“SPO.GEN.119   Taxiing tal-inġenji tal-ajru

L-operatur għandu jistabbilixxi proċeduri għat-taxiing tal-inġenji tal-ajru sabiex jiżgura operat b'mod sikur u sabiex tiżdied is-sikurezza tar-runway.”


ANNESS II

L-Annessi II, III, IV, VII u VIII għar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huma korretti kif ġej:

(1)

Fl-Anness II:

(a)

il-punt ARO.GEN.220(a)(8) jinbidel b'dan li ġej:

“(8)

sorveljanza tal-operazzjonijiet b'inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna minn operaturi mhux kummerċjali;”

;

(b)

il-punt ARO.GEN.300(a)(3) jinbidel b'dan li ġej:

“(3)

il-konformità kontinwa mar-rekwiżiti applikabbli ta' operaturi mhux kummerċjali ta' inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna; kif ukoll”

.

(2)

Fl-Anness III:

(a)

il-punt ORO.GEN.110(k)(ii) jinbidel b'dan li ġej:

“(ii)

ħelikopters ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, b'magna waħda, b'MOPSC ta' 5 jew inqas,”

;

(b)

il-punt ORO.FC.005(b)(2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2)

operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru ta' passiġġieri li jsiru skont il-VFR binhar, li jibdew u jintemmu fl-istess ajrudrom jew sit tal-operat u fi ħdan żona lokali speċifikata mill-awtorità kompetenti, b'

ajruplani b'magna waħda li jaħdmu bl-iskrejjen b'massa massima ta' tlugħ iċċertifikata ta' 5 700 kg jew inqas u b'MOPSC ta' 5; jew

ħelikopters ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, b'magna waħda, u b'MOPSC ta' 5.”

;

(c)

il-punt ORO.FC.105(d)(2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2)

operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru ta' passiġġieri li jsiru skont il-VFR binhar, li jibdew u jintemmu fl-istess ajrudrom jew sit tal-operat u fi ħdan żona lokali speċifikata mill-awtorità kompetenti, b'ħelikopters ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, b'magna waħda, b'MOPSC ta' 5.”

;

(d)

il-punt ORO.FC.230(b)(4) jinbidel b'dan li ġej:

“(4)

Il-membru tal-ekwipaġġ tat-titjira involut f'operazzjonijiet matul il-jum u fuq rotot innavigati b'referenza għal għeliem viżwali li jitwettqu b'ħelikopters ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, jista' jwettaq il-kontroll tal-ħiliet organizzat mill-operatur f'wieħed biss mit-tipi rilevanti li dan għandu fil-pussess tiegħu. Il-kontroll tal-ħiliet organizzat mill-operatur għandu jitwettaq kull darba fuq it-tip li jkun ilu ma jintuża l-iżjed għall-kontroll tal-ħiliet. It-tipi ta' ħelikopters rilevanti li jistgħu jinġabru fi grupp wieħed għall-għanijiet tal-kontroll tal-ħiliet organizzat mill-operatur għandhom jiġu inklużi fil-manwal tal-operat.”

;

(e)

il-punt ORO.FC.230(b)(5) jinbidel b'dan li ġej:

“(5)

Minkejja l-punt ORO.FC.145(a)(2), għal operazzjonijiet li jitwettqu matul il-jum u fuq rotot innavigati b'referenza għal għeliem ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, u għal ajruplani tal-kategorija tal-prestazzjoni B, il-kontroll jista' jitwettaq minn kmandant ikkwalifikat b'mod xieraq maħtur mill-operatur, li jkun tħarreġ fil-kunċetti tas-CRM u fil-valutazzjoni tal-ħiliet tas-CRM. L-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar il-persuni maħtura.”

.

(3)

Fl-Anness IV:

(a)

fil-punt CAT.GEN.MPA.180(b), il-frażi introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Minkejja l-punt (a), għall-operazzjonijiet ta' titjir skont ir-regoli tat-titjir viżwali (VFR) li jsiru binhar bl-użu ta' inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, li jitilqu minn ajrudrom u jinżlu fl-istess ajrudrom jew fl-istess sit tal-operat fi żmien 24 siegħa, jew li jibqgħu fil-limiti ta' żona lokali speċifikata fil-manwal tal-operat, id-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin jistgħu jinżammu fl-ajrudrom jew fis-sit tal-operat minflok:”

;

(b)

il-punt CAT.OP.MPA.100(b)(1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1)

operazzjonijiet ta' titjir skont il-VFR li jsiru binhar, b'ajruplani ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna;”

;

(c)

il-punt CAT.OP.MPA.105(b)(1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1)

ajruplani ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna; u”

;

(d)

il-punt CAT.OP.MPA.130(a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

Ħlief għall-operazzjonijiet ta' titjir skont il-VFR b'ajruplani ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, l-operatur għandu jistabbilixxi l-proċeduri operattivi xierqa ta' tluq u ta' nżul/avviċinament għal kull tip ta' ajruplan, filwaqt li jqis il-ħtieġa li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti tal-istorbju maħluq mill-inġenju tal-ajru.”

;

(e)

il-punt CAT.OP.MPA.135(c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

il-punt (a)(1) m'għandux japplika għall-operazzjonijiet ta' titjir skont il-VFR li jsiru binhar, b'inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, fuq titjiriet li jitilqu minn ajrudrom u jinżlu fl-istess ajrudrom jew fl-istess sit tal-operat.”

;

(f)

il-punt CAT.OP.MPA.175(c)(1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1)

b'ajruplani ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, li jitilqu minn ajrudrom u jinżlu fl-istess ajrudrom jew fl-istess sit tal-operat; jew”

.

(4)

Fl-Anness VII:

(a)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“OPERAZZJONIJIET MHUX KUMMERĊJALI BL-AJRU B'INĠENJI TAL-AJRU ĦLIEF INĠENJI TAL-AJRU KUMPLESSI MĦADDMIN B'MAGNA”

;

(b)

il-punt NCO.SPEC.100 jinbidel b'dan li ġej:

“NCO.SPEC.100   Kamp ta' applikazzjoni

Din is-subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu segwiti mill-bdot fil-kmand li jwettaq operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati b'inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna.”

.

(5)

Fl-Anness VIII:

(a)

il-punt SPO.GEN.005(b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

Minkejja l-punt (a), operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati b'inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna għandhom jikkonformaw mal-Anness VII (il-Parti-NCO).”

;

(b)

fil-punt SPO.GEN.005(c), il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“(c)

Minkejja l-punt (a), l-operazzjonijiet li ġejjin b'inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna jistgħu jsiru skont l-Anness VII (il-Parti-NCO):”

;

(c)

il-punt SPO.IDE.A.160(c) jinbidel b'dan ġej:

“(c)

għall-ajruplani ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, b'ċinturin tas-sikurezza li jkollu sistema ta' restrizzjoni għan-naħa ta' fuq tat-torso f'kull sit tal-ekwipaġġ tat-titjira, li jkun jinfetaħ permezz ta' molla waħda.”

;

(d)

fil-punt SPO.IDE.H.195, it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Titjir fuq l-ilma — il-ħelikopters ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna”

;

(e)

fil-punt SPO.IDE.H.203, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“Ħelikopters kumplessi mħaddmin b'magna, li jitħaddmu f'titjira fuq l-ilma f'ambjent ostili b'distanza mill-art ta' aktar minn 10 minuti ta' titjir b'veloċita normali u ħelikopters, ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, li jtiru fuq l-ilma f'ambjent ostili f'distanza ta' iktar minn 50 mil nawtiku mill-art. għandhom ikunu:”

.