17.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 11/44


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/63

tal-21 ta' Ottubru 2014

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 103(7) u (8) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/59/UE titlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni effikaċi mill-awtorità tar-riżoluzzjoni tal-għodod u s-setgħat tar-riżoluzzjoni. Dawk l-arranġamenti finanzjarji ta' riżoluzzjoni għandu jkollhom riżorsi finanzjarji adegwati li jippermettu l-funzjonament effikaċi tal-qafas ta' riżoluzzjoni u għalhekk għandhom is-setgħa jiġbru kontribuzzjonijiet ex ante mingħand l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom inklużi fergħat fl-Unjoni (istituzzjonjiet).

(2)

L-Istati Membri huma obbligati jiġbru kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni mhux biss mingħand l-istituzzjonijiet, iżda skont l-Artikolu 103(1) ta' dik id-Direttiva mingħand il-fergħat fl-Unjoni wkoll. Il-fergħat fl-Unjoni huma koperti wkoll mis-setgħat lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 103(7) u (8) ta' dik id-Direttiva. Madankollu, b'kunsiderazzjoni tal-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li r-rekwiżiti prudenzjali u ta' superviżjoni tal-fergħat fl-Unjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, bosta metriċi tal-aġġustament tar-riskju stabbiliti f'dan ir-Regolament Delegat mhumiex adattati biex japplikaw direttament għall-fergħat fl-Unjoni. Għalhekk, filwaqt li l-fergħat tal-Unjoni ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jistgħu jkunu soġġetti għal reġim speċifiku żviluppat mill-Kummissjoni f'Att Delegat fil-futur.

(3)

Skont l-Artikoli 6, 15, 16, 95 u 96 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ċerti ditti ta' investiment li huma awtorizzati jwettqu biss servizzi u attivitajiet limitati mhumiex suġġetti jew jistgħu jiġu eżentati minn ċerti rekwiżiti ta' kapital u ta' likwidità. Konsegwentement, ħafna mill-metriċi tal-aġġustament tar-riskju li għandhom jiġu stipulati ma japplikawx għalihom. Filwaqt li l-Istati Membri huma suġġetti għall-obbligu li jiġbru kontribuzzjonijiet ex ante minn dawn id-ditti ta' investiment skont l-Artikolu 103(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, huwa xieraq li lill-Istati Membri titħallielhom is-setgħa jistabbilixxu l-aġġustament tar-riskju sabiex ma jkunx hemm piż sproporzjonat fuq dawn id-ditti. Dawn id-ditti tal-investiment għalhekk ma għandhomx jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(4)

Skont l-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, tul il-perjodu li jibda mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta' finanzjament tagħhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom. Matul dak il-perjodu ta' żmien, il-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta' finanzjament għandhom jinfirxu tul iż-żmien bl-aktar mod mifrux possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira, billi titqies il-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista' jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontributuri.

(5)

L-Artikolu 103(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jeħtieġ li l-kontribuzzjonijiet jinġabru mill-anqas darba fis-sena sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102 ta' dik id-Direttiva. Skont l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-kontribuzzjoni annwali tirrifletti d-daqs tal-istituzzjoni, peress li l-kontribuzzjoni tkun ibbażata fuq ammont fiss determinat fuq il-bażi tal-obbligazzjonijiet ta' dik l-istituzzjoni (kontribuzzjoni annwali bażika); it-tieni, tirrifletti l-livell ta' risku tal-attivitajiet rilevanti ta' istituzzjoni peress li l-kontribuzzjoni annwali bażika għandha tiġi aġġustata proporzjonalment mal-profil tar-riskju ta' dik l-istituzzjoni (l-aġġustament tar-riskju addizzjonali). Id-daqs ta' istituzzjoni jirrappreżenta l-ewwel indikatur tar-riskju li toħloq istituzzjoni. Akbar ma tkun l-istituzzjoni, aktar ikun probabbli li, fil-każ ta' diffikultà, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tqis li huwa fl-interess pubbliku li tirriżolvi dik l-istituzzjoni u li tuża l-arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni biex tiżgura l-applikazzjoni effikaċi tal-għodod tar-riżoluzzjoni.

(6)

Biex jiġi ċċarat kif l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jaġġustaw il-kontribuzzjonijiet fi proporzjon mal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-pilastri u l-indikaturi tar-riskju li għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, il-mekkaniżmu għall-applikazzjoni tal-aġġustament tar-riskju lill-kontribuzzjoni annwali bażika, u l-kontribuzzjoni annwali bażika, bħala l-punt inzjali għall-aġġustament tar-riskju. Dawk l-elementi li jkunu jissupplementaw il-kriterji tar-riskju previsti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE għandhom jiġu stabbiliti b'tali mod li jippreservaw kundizzjonijiet ekwi fost l-Istati Membri u suq intern b'saħħtu billi jiġu evitati diskrepanzi bejn l-approċċi tal-Istati Membri fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni rispettivi tagħhom. Dan jippermetti li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-istituzzjonijiet għal arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni jkunu komparabbli u prevedibbli għat-tipi kollha ta' banek, ħaġa li hija essenzjali biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.

(7)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprovdi li l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (il-Bord) stabbilit mill-Artikolu 42(1) ta' dak ir-Regolament, għall-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament u tad-Direttiva 2014/59/UE, jitqies bħala l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti meta l-Bord iwettaq kompiti u jeżerċita poteri li, skont dik id-Direttiva jitwettqu jew jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni. Meta jitqies li l-Artikolu 70(7) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jagħti s-setgħa lill-Bord biex jikkalkula l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni li se jissostitwixxi l-arranġamenti ta' finanzjament tal-Istati Membri parteċipanti fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni sa mill-1 ta' Jannar 2016 billi japplika dan ir-Regolament abbażi tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-kunċett ta' awtorità ta' riżoluzzjoni taħt dan ir-Regolament jinkludi wkoll il-Bord.

(8)

Il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet fil-livell individwali jwassal, fil-każ ta' gruppi, għall-għadd doppju ta' ċerti obbligazzjonijiet meta tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni annwali bażika tal-entitajiet differenti tal-grupp, peress li l-obbligazzjonijiet marbuta mal-ftehimiet li entitajiet tal-istess grupp jikkonkludu ma' xulxin ikunu, parti mill-obbligazzjonijiet totali li jitqiesu biex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni annwali bażika ta' kull entità tal-grupp. Għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni annwali bażika għandha tiġi speċifikata aktar f'każ ta' gruppi biex tirrifletti l-karattru interkonness tal-entitajiet tal-grupp u jiġi evitat l-għadd doppju tal-iskoperturi intragrupp. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn entitajiet li huma parti minn grupp u istituzzjonijiet li huma membri tal-istess SP jew li huma affiljati b'mod permanenti mal-istess korp ċentrali, għandu jiġi applikat l-istess trattament għal dawn tal-aħħar.

(9)

Għall-iskop tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika ta' entità ta' grupp, l-obbligazzjonijiet totali li jitqiesu ma jinkludux l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kwalunkwe kuntratt li dik l-entità tal-grupp tikkonkludi ma' kwalunkwe entità oħra li hija parti mill-istess grupp. Madankollu, din l-esklużjoni tkun possibbli biss meta kull entità ta' grupp tkun stabbilita fl-Unjoni, tkun inkluża fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa, tkun soġġetta għal proċeduri ta' evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju ċentralizzati u adattati, u jekk ma jkunx hemm impediment prattiċi jew legali materjali attwali jew previsti għar-ripagament tal-obbligazzjonijiet rilevanti meta dovuti. Dan għandu jevita li l-obbligazzjonijiet jiġu esklużi mill-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet jekk ma jkunx hemm garanziji li l-iskoperturi tas-self intragrupp ikunu koperti meta s-saħħa finanzjarja tal-grupp tmur għall-agħar. Barra minn hekk, biex jiġi evitat li l-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet intragrupp tagħti vantaġġ lill-entitajiet tal-grupp li jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, tali esklużjoni ma għandheix tippermetti lill-istituzzjonijiet konċernati li jibbenefikaw mis-sistema ta' kontribuzzjoni simplifikata mogħtija lill-istituzzjonijiet żgħar, meta, wara l-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet intragrupp, istituzzjoni tkun tikkwalifika għas-sistema simplifikata. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn entitajiet li huma parti minn grupp u istituzzjonijiet li huma membri tal-istess SP jew li huma affiljati b'mod permanenti mal-istess korp ċentrali, għandu jiġi applikat l-istess trattament għal dawn tal-aħħar.

(10)

B'deroga mir-regola li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għandu jsir fil-livell individwali, f'każ ta' korp ċentrali b'istituzzjonijiet ta' kreditu affiljati miegħu li huma eżentati għal kollox jew parzjalment mir-rekwiżiti prudenzjali fid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante japplikaw biss għall-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta' kreditu affiljati fis-sħuħija tagħhom fuq bażi konsolidata peress li s-solvenza u l-likwidità tal-korp ċentrali u tal-istituzzjonijiet affiljati kollha jkunu mmonitorjati fis-sħuħija tagħhom fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati ta' dawn l-istituzzjonijiet.

(11)

Id-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni annwali bażika tiġi wkoll speċifikata aktar fil-każ ta' infrastrutturi tas-swieq finanzjarji (FMIs). Xi FMIs bħal kontrapartijiet ċentrali (CCPs) jew depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) huma awtorizzati wkoll bħala istituzzjonijiet ta' kreditu. B'mod partikolari xi CSDs jipprovdu servizzi ta' tip bankarju li huma anċillari għall-attività tagħhom bħala infrastrutturi tas-suq. Kuntrarjament għal istituzzjonijiet ta' kreditu, is-CSDs ma jżommux depożiti koperti iżda l-iktar bilanċi għal dakinhar jew mil-lum għal għada li jirriżultaw mis-saldu ta' tranżazzjonijiet ta' titoli li huma jipprovdu għal istituzzjonijiet finanzjarji jew banek ċentrali. Ġeneralment dawn ma jirriżultawx f'bilanċi ta' flus li jistgħu jiġu assimilati fil-ġbir ta' fondi sabiex jitwettqu attivitajiet bankarji. Peress li s-servizzi ta' tip bankarju mwettqa mill-FMIs huma anċillari għall-attivitajiet prinċipali tagħhom ta' klerjar jew ta' saldu li għalihom dawn l-entitajiet huma soġġetti għal rekwiżiti prudenzjali stretti skont ir-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 (5) u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE, u peress li l-mudell kummerċjali tal-FMIs ma jinvolvix riskji komparabbli għal dawk ta' istituzzjoni ta' kreditu, huma biss l-obbligazzjonijiet relatati mal-attivitajiet ta' tip bankarju ta' dawk l-entitajiet li għandhom jitqiesu meta jiġi ddeterminat l-ammont ta' obbligazzjonijiet totali tagħhom għall-fini tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħhom.

(12)

Il-kontabilità tad-derivattivi fl-Unjoni mhijiex armonizzata fir-rigward tal-kontijiet individwali u għalhekk dan jista' jkollu implikazzjoni fuq l-ammont ta' obbligazzjonijiet li jitqiesu għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ta' kull bank. Il-metodoloġija tal-proporzjon tal-ingranaġġ imsemmija fl-Artikoli 429(6) u 429(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tapplika għall-banek kollha, u tiżgura li l-istess kuntratt ta' derivattivi, u b'mod partikolari l-innettjar bejn kuntratti tad-derivattivi, jitqiesu bl-istess mod irrispettivament mil-qafas kontabilistiku li huwa suġġett għalih il-bank. Għalhekk, biex jiġi żgurat trattament armonizzat tad-derivattivi fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni annwali bażika li jippermeti l-komparabilità tal-valwazzjoni tagħhom bejn l-istituzzjonijiet u għal kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni, id-derivattivi jiġu valwati skont l-Artikoli 429(6) u 429(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Madankollu, biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-valwazzjoni tad-derivattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandu jiġi previst li din il-valwazzjoni ma tistax twassal għal valur li jkun inqas minn 75 % tal-valur tad-derivattivi konċernati skont il-qafas kontabilistiku relevanti.

(13)

Xi istituzzjonijiet ta' kreditu huma banek promozzjonali li l-għan tagħhom huwa li jmexxi 'l quddiem l-objettivi tal-politika pubblika ta' gvern ċentrali jew reġjonali jew awtorità lokali ta' Stat Membru, prinċipalment billi jagħtu self promozzjonali fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt. Parzjalment is-selfiet li jagħtu dawn l-istituzzjonijiet ikunu, direttament jew indirettament, iggarantiti minn gvern ċentrali jew reġjonali jew l-awtorità lokali. Selfiet promozzjonali jingħataw fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt sabiex jiġu promossi l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni jew ta' gvern ċentrali jew reġjonali ta' Stat Membru. Is-selfiet promozzjonali xi drabi jingħataw permezz ta' istituzzjoni oħra bħala intermedjarja (self ittrasferit). F'każijiet bħal dawn, l-istituzzjoni ta' kreditu intermedjarja tirċievi selfiet promozzjonali minn banek tal-iżvilupp multilaterali jew entità mis-settur pubbliku u tagħtihom lil istituzzjonijiet ta' kreditu oħrajn li jipprovduhom lill-klijenti finali. Peress li l-istituzzjoni ta' kreditu intermedjarja titrasferixxi l-likwidità ta' dawk is-selfiet mill-bank promozzjonali lil istituzzjoni mutwanti jew istituzzjoni intermedjarja oħra, dawn l-obbligazzjonijiet ma għandhomx jiġu inklużi fit-total tal-obbligazzjonijiet li jridu jitqiesu għall-fini tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika.

(14)

L-Artikolu 103(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jitlob lill-istituzzjonijiet kollha biex jikkontribwixxu għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni. Madankollu, jeħtieġ jinstab bilanċ proporzjonat u ġust bejn l-obbligu ta' kwalunkwe istituzzjoni li tikkontribwixxi għal arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, u d-daqs, il-profil tar-riskju, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, l-interkonnettività tagħha ma' istituzzjonijiet oħra jew mas-sistema finanzjarja b'mod ġenerali, l-impatt tal-falliment tagħha fuq is-swieq finanzjarji, fuq istituzzjonijiet oħra, fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament jew fuq l-ekonomija usa', u għalhekk il-probabbiltà li l-istituzzjoni tidħol f'riżoluzzjoni u tagħmel użu mill-arranġament ta' finanzjament. Dawn l-elementi jitqiesu mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/59/UE, meta jiddeċiedu jekk ċerti istituzzjonijiet għandhomx jibbenefikaw minn obbligi simplifikati fir-rigward tar-rekwiżiti li jħejju pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni. Barra minn hekk, jitqies il-piż amministrattiv li jirriżulta għal ċerti istituzzjonijiet u awtoritajiet tar-riżoluzzjoni mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali meta jiġi vvalutat il-bilanċ ġust bejn il-konformità mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2014/59/UE u l-ispeċifiċitajiet tad-diversi istituzzjonijiet soġġetti għal dik id-Direttiva.

(15)

Istituzzjonijiet żgħar ġeneralment ma jkollhomx profil ta' riskju għoli, ta' spiss ikunu ta' riskju sistemiku iżgħar meta mqabbla ma' istituzzjonijiet kbar, u, f'ħafna każijiet, l-impatt tal-falliment tagħhom fuq l-ekonomija ġenerali jkun aktar baxx minn dak ta' istituzzjonijiet kbar. Fl-istess ħin, l-impatt potenzjali tal-falliment ta' istituzzjonijiet żgħar fuq l-istabbiltà finanzjarja ma jistax jiġi eskluż peress li anki l-istituzzjonijiet iż-żgħar jistgħu joħolqu riskju sistemiku minħabba r-rwol tagħhom fis-sistema bankarja usa', l-effetti kumulattivi tan-netwerks tagħhom, jew l-effett ta' kontaġju li jistgħu jinħolqu minħabba li tintilef il-fiduċja fis-sistema bankarja.

(16)

Waqt li jitqies li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-istituzzjonijiet iż-żgħar ma humiex riskjużi għas-sistema u huma inqas probabbli li jitpoġġew taħt riżoluzzjoni, u li għalhekk tonqos il-probabbiltà li jibbenefikaw minn arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, meta mqabbla ma' istituzzjonijiet kbar, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu ssimplifikati. Il-kontribuzzjonijiet annwali ta' istituzzjonijiet żgħar għandhom jikkonsistu f'somma waħda bbażata biss fuq il-kontribuzzjoni annwali bażika tagħhom, proporzjonalment mad-daqs tagħhom. Din il-metodoloġija għandha tippermetti sistema proporzjonata ta' kontribuzzjonijiet annwali peress li, meta tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni annwali ta' kull istituzzjoni, l-awtorità tar-riżoluzzjoni jkollha tikkonforma ma' livell fil-mira annwali tal-arranġament ta' finanzjament. Għalhekk, somma f'daqqa tirrifletti l-fatt li, f'ħafna każijiet, l-istituzzjonijiet żgħar huma inqas riskjużi u tippermetti aġġustament usa' tal-kontribuzzjoni tal-istituzzjonijiet il-kbar, li ġeneralment huma aktar sistemiċi, fi proporzjon mal-profil tar-riskju tagħhom.

(17)

Biex jiġi ddeterminat liema istituzzjonijiet jitqiesu żgħar, jintuża limitu massimu doppju fejn l-ewwel limitu massimu bbażat fuq obbligazzjonijiet totali (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti jkun ugwali jew anqas minn EUR 300 miljun, u t-tieni limitu massimu abbażi tal-assi totali ma jaqbiżx EUR 1 biljun. Dan tal-aħħar jevita li istituzzjonijiet akbar li jissodisfaw l-ewwel limitu massimu għall-ammont ta' obbligazzjonijiet jibbenefikaw mis-sistema simplifikata.

(18)

Issir distinzjoni fil-kategorija tal-istituzzjonijiet żgħar peress li xi wħud huma żgħar ħafna, filwaqt li oħrajn huma qrib il-limiti massimi li jippermettulhom jibbenefikaw mis-sistema simplifikata. Taħt l-istess sistema ta' somma f'daqqa, il-kontribuzzjonijiet annwali ta' istituzzjonijiet żgħar ħafna jkunu sproporzjonatament ogħla minn ta' dawk tal-istituzzjonijiet żgħar li huma qrib il-limiti massimi. Fl-istess ħin, għandu jiġi evitat li s-sistema simplifikata twassal għal differenza sproporzjonata f'termini ta' kontribuzzjonijiet annwali bejn l-akbar fost l-istituzzjonijiet iż-żgħar u l-istituzzjonijiet li ma jikkwalifikax għas-sistema simplifikata għax ikunu qabżu bi ftit il-limiti massimi. Biex jiġu evitati dawn l-effetti mhux mixtieqa huwa għalhekk xieraq li tiġi prevista sistema ta' diversi kategoriji ta' istituzzjonijiet żgħar li l-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom, jikkonsistu f'ammonti f'somma waħda differenti. Dan jippermetti żieda progressiva fil-kontribuzzjonijiet fis-sistema simplifikata, u bejn l-ogħla u l-anqas kontribuzzjoni f'somma f'daqqa skont il-metodu fejn il-kontribuzzjoni annwali bażika tkun aġġustata skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

(19)

Meta l-awtorità tar-riżoluzzjoni tiddetermina li istituzzjoni żgħira għandha profil ta' riskju għoli, l-awtorità ta' riżoluzzjoni jkollha l-kapaċità tiddeċiedi li l-istituzzjoni konċernata ma tibbenefikax aktar mis-sistema simplifikata, iżda l-kontribuzzjoni tagħha minflok tiġi kkalkolata skont il-metodu fejn il-kontribuzzjoni annwali bażika tiġi aġġustata skont il-fatturi tar-riskju aktar milli skont id-daqs tal-istituzzjoni.

(20)

L-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2014/59/UE mhux se jiġu rikapitalizzati bl-użu ta' arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni skont l-Artikoli 44 u 101 tad-Direttiva 2014/59/UE għaliex dawn jiġu stralċjati permezz ta' proċeduri nazzjonali ta' insolvenza, jew tipi oħra ta' proċeduri implimentati skont l-Artikoli 38, 40 jew 42 tad-Direttiva 2014/59/UE u jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom. Dawn il-proċeduri jiżguraw li l-kredituri ta' dawk l-istituzzjonijiet, inklużi d-detenturi ta' bonds koperti fejn rilevanti, iġarrbu t-telf b'mod li jissodisfa l-objettivi tar-riżoluzzjoni. Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni għandhom jirriflettu dawn l-ispeċifiċitajiet. L-arranġamenti tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni jistgħu, madankollu, jintużaw għal skopijiet oħra msemmija fl-Artikolu 101 tad-Direttiva 2014/59/UE. F'każ li kwalunkwe tali istituzzjoni tuża l-arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni għal kwalunkwe skop minn dawn, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun tista' tqabbel il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha koperti mill-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2014/59/UE ma' dak tal-istituzzjoni li tkun użat l-arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni u tapplika l-metodoloġija stabbilita f'dan l-Att Delegat lil dawk l-istituzzjonijiet li jippreżentaw profil ta' riskju simili jew ogħla minn dak tal-istituzzjonijiet li użaw l-arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni. Huwa wkoll xieraq li tiġi stabbilita lista ta' elementi li l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis meta tqabbel il-profili ta' riskju.

(21)

Sabiex tippermetti li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri jkollhom interpretazzjoni armonizzata tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE sabiex id-determinazzjoni tal-indikaturi tar-riskju tal-istituzzjonijiet għall-fini tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali lill-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni titwettaq bl-istess mod madwar l-Unjoni, għadd ta' pilastri tar-riskji, u indikaturi ta' riskju korrispondenti għal kull wieħed minn dawn il-pilastri tar-riskju, jiġu previsti, biex jitqiesu mill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni meta jivvalutaw il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet. Biex tiġi żgurata konsistenza mal-prattiki superviżorji, l-indikaturi tar-riskji għandhom jikkonsistu minn parametri referenzjarji regolatorji attwali diġà disponibbli jew fil-proċess li jiġu stabbiliti.

(22)

Meta l-leġiżlazzjoni rilevanti tipprevedi eżenzjoni li teżenta l-istituzzjonijiet milli jistabbilixxu xi indikaturi tar-riskji fil-livell tal-istituzzjoni, u sakemm, fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti jawtorizzaw l-applikazzjoni ta' dawn l-eżenzjonijiet, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jivvalutaw l-indikaturi rilevanti f'livell konsolidat jew subkonsolidat, kif applikabbli, sabiex ikunu konsistenti mal-prassi superviżorja u jiġi żgurat li gruppi li jagħmlu użu minn dawn l-eżenzjonijiet ma jkunux penalizzati għalxejn.

(23)

Sabiex l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jkun jista' jkollhom approċċ konsistenti dwar l-importanza tal-pilastri u l-indikaturi tar-riskji li għandhom iqisu biex jiġi ddeterminat il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, dan ir-Regolament għandu jiddetermina wkoll il-piż relattiv ta' kull pilastru u indikatur tar-riskji. Huwa importanti, madankollu, li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tingħatalhom biżżejjed flessibbiltà fil-valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet billi jkunu jistgħu jimmodulaw l-applikazzjoni tal-pilastri u l-indikaturi tar-riskji skont l-ispeċifiċitajiet ta' kull istituzzjoni. Peress li dan ma jistax jinkiseb esklussivament billi tiġi pprovduta firxa għall-valutazzjoni tal-profil tar-riskju, iżda jirrikjedi ċertu grad ta' diskrezzjoni biex jiġi deċiż dwar l-importanza ta' ċerti indikaturi tar-riskju fuq bażi ta' każ b'każ, il-piż ta' xi indikaturi tar-riskju għandu jkun biss indikattiv, jew tiġi stabbilita firxa fir-rigward tagħhom biex l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar ir-rilevanza ta' dawk l-indikaturi f'każ partikolari.

(24)

Meta tiġi ddeterminata l-importanza tal-indikaturi varji li jikkorrispondu għal pilastru partikolari, l-aggregazzjoni f'pilastri ssir permezz ta' medja aritmetika ponderata tal-indikaturi individwali. Fir-rigward tal-kalkolu tal-indikatur tar-riskju kompost finali li jikkorrispondi għal kull istituzzjoni, sabiex jiġu evitati effetti ta' kumpens bejn il-pilastri meta istituzzjoni li jkollha prestazzjoni moderatament tajba f'diversi pilastri u ħażina ħafna f'ieħor, ġeneralment tingħata punteġġ tan-nofs skont il-medja aritmetika tal-pilastri differenti, dan il-kalkolu jkun ibbażat fuq l-medja ġeometrika ponderata tal-pilastri individwali.

(25)

Il-firxa għall-valutazzjoni tal-grad ta' riskju li toħloq istituzzjoni tkun tali li tippermetti biżżejjed modulazzjoni tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet skont id-diversi pilastri u indikaturi tar-riskju stabbiliti f'dan ir-Regolament, filwaqt li toffri fl-istess ħin biżżejjed ċertezza u prevedibbiltà fir-rigward tal-ammonti annwali li l-istituzzjonijiet ikunu jridu jikkontribwixxu skont id-Direttiva 2014/59/UE u dan ir-Regolament.

(26)

Sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet jiġu effettivament imħallsa, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet u l-mezzi tal-pagament. B'mod partikolari, għal kontribuzzjonijiet li ma jitħallsux fi flus iżda f'impenji ta' pagamenti irrevokabbli f'konformità mal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59/UE, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat is-sehem tal-impenji irrevokabbli ta' pagament li kull istituzzjoni tista' tuża u t-tip ta' kollateral li huwa aċċettat biex jiggarantixxi dawn l-impenji irrevokabbli ta' pagament, sabiex l-awtorità ta' riżoluzzjoni tkun tista' tiżgura l-pagament reali meta teżegwixxi l-impenn irrevokabbli ta' pagament meta l-awtorità tar-riżoluzzjoni tiltaqa' ma' diffikultajiet biex teżegwixxi l-impenn irrevokabbli ta' pagament. Sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet annwali jiġu effettivament imħallsa, jeħtieġ li tiġi prevista setgħa speċifika għall-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni biex jimponu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra fuq istituzzjonijiet li jiksru r-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament għall-kalkolu u l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet bħan-nuqqas ta' konformità mal-obbligu li jipprovdu l-informazzjoni mitluba mill-awtorità ta' riżoluzzjoni. L-awtorità tar-riżoluzzjoni jkollha wkoll is-setgħa li timponi penali kuljum fuq istituzzjoni meta l-istituzzjoni konċernata tħallas biss parzjalment il-kontribuzzjoni annwali li tkun dovuta, jew meta ma tħallashiex, jew fejn dik l-istituzzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fin-notifika magħmula mill-awtorità ta' riżoluzzjoni. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu previsti obbligi speċifiċi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni.

(27)

Sabiex jiġi żgurat li l-aġġustament tar-riskju jkompli jirrifletti żviluppi fis-settur bankarju u għaldaqstant jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/59/UE fuq bażi kontinwa, abbażi tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-aġġustament tar-riskju għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali u, b'mod partikolari, l-adegwatezza tal-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju stabbilit f'dan ir-Regolament u l-ħtieġa għal żieda possibbli tal-limitu massimu tal-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju qabel l-1 ta' Ġunju 2016.

(28)

Billi skont l-Artikolu 130(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-obbligu tal-Istati Membri li jiġbru kontribuzzjonijiet annwali mingħand l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom japplika mill-1 ta' Jannar 2015, dan ir-Regolament għandu wkoll japplika mill-1 ta' Jannar 2015,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jispeċifikaw:

(a)

il-metodoloġija għall-kalkolu u għall-aġġustament tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, tal-kontribuzzjonijiet li jridu jitħallsu mill-istituzzjonijiet għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni;

(b)

l-obbligi tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-informazzjoni li jipprovdu għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u fir-rigward tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni;

(c)

miżuri biex tiġi żgurata l-verifika mill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni li l-kontribuzzjonijiet tħallsu korrettament.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 103(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u definiti fl-Artikolu 2(1)(23). Dan japplika wkoll għal korp ċentrali u l-istituzzjonijiet affiljati tiegħu fuq bażi konsolidata, meta l-istituzzjonijiet affiljati jkunu eżentati għal kollox jew parzjalment mir-rekwiżiti prudenzjali fil-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Kull referenza għal grupp għandha tinkludi korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha affiljati b'mod permanenti mal-korp ċentrali kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u s-sussidjarji tagħhom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u d-Direttiva 2014/59/UE. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijet li ġejjin jgħoddu wkoll:

(1)

“istituzzjonijiet” tfisser istituzzjonijiet ta' kreditu kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, jew ditti ta' investiment kif definit fil-punt (2) ta' dan l-Artikolu, kif ukoll korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha affiljati b'mod permanenti mal-korp ċentrali kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fis-sħuħija tagħhom fuq bażi konsolidata, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1);

(2)

“ditti tal-investiment” tfisser ditti tal-investiment kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, ħlief id-ditti tal-investiment li jaqgħu fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikolu 96(1)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew ditti tal-investiment li jwettqu l-attività numru tmienja (8) tal-Anness I, it-Taqsima A tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) iżda li ma jwettqux l-attivitajiet numru tlieta (3) jew sitta (6) tal-Anness I Taqsima A ta' dik id-Direttiva;

(3)

“livell annwali fil-mira” tfisser l-ammont totali ta' kontribuzzjonijiet annwali determinat għal kull perjodu kontributorju mill-awtorità tar-riżoluzzjoni biex jintlaħaq il-livell fil-mira msemmi fl-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(4)

“ftehim ta' finanzjament” tfisser arranġament għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva mill-awtorità ta' riżoluzzjoni tal-għodod u s-setgħat tar-riżoluzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 100(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(5)

“kontribuzzjoni annwali” tfisser l-ammont imsemmi fl-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59/UE miġbur mill-awtorità tar-riżoluzzjoni għall-arranġament nazzjonali ta' finanzjament matul il-perjodu ta' kontribuzzjoni minn kull istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament;

(6)

“perjodu kontributorju” tfisser sena kalendarja;

(7)

“awtorità ta' riżoluzzjoni” tfisser l-awtorità msemmija fil-punt (18) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, jew kull awtorità rilevanti oħra maħtura mill-Istati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 100(2) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(8)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti kif definit fl-Artikolu 4(1)(40) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(9)

“skemi ta' garanzija tad-depożiti” (SGD) tfisser skemi msemmija fil-punt (a), (b), jew (c) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/49/UE;

(10)

“depożiti koperti” tfisser depożiti msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/49/UE, esklużi bilanċi temporanji għoljin kif definit fl-Artikolu 6(2) ta' dik id-Direttiva;

(11)

“obbligazzjonijiet totali” tfisser obbligazzjonijiet totali kif definit fit-Taqsima 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE (9), jew kif definit skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(12)

“assi totali” tfisser l-assi totali kif definit fit-Taqsima 3 tad-Direttiva 86/635/KEE, jew kif definit skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1606/2002;

(13)

“Skopertura Totali għar-Riskju” (TRE) tfisser l-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kif definit fl-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(14)

“Proporzjon ta' Kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni” tfisser il-proporzjon kif imsemmi fl-Artikolu 92(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(15)

“MREL” tfisser ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli kif definit fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(16)

“fondi proprji” tfisser il-fondi proprji kif definit fil-punt (118) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(17)

“obbligazzjonijiet eliġibbli” tfisser obbligazzjonijiet u strumenti kapitali kif definit fil-punt (71) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(18)

“Proporzjon tal-Ingranaġġ” tfisser il-proporzjon tal-ingranaġġ kif definit fl-Artikolu 429 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(19)

“Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità” (LCR) tfisser il-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità kif definit fl-Artikolu 412 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u kif speċifikat aktar fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 (11);

(20)

“Proporzjon ta' Finanzjament Stabbli Nett” (NSFR) tfisser il-proporzjon ta' finanzjament stabbli nett kif rappurtat skont l-Artikolu 415 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(21)

“kontroparti ċentrali” (CCP) tfisser persuna ġuridika kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(22)

“derivattivi” tfisser derivattivi skont l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(23)

“depożitorju ċentrali tat-titoli” (CSD) tfisser persuna ġuridika kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 (12);

(24)

“saldu” tfisser it-tlestija ta' tranżazzjoni ta' titoli kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(25)

“ikklerjar” tfisser il-proċess li bih jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet kif definit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(26)

“l-infrastruttura tas-suq finanzjarju” tfisser, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, CCP kif imsemmi fil-punt 21 ta' dan l-Artikolu jew CSD kif imsemmi fil-punt 23 ta' dan l-Artikolu li huma awtorizzati bħala istituzzjonijiet skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(27)

“bank promozzjonali” tfisser kwalunkwe impriża jew entità stabbilita minn Stat Membru, gvern ċentrali jew reġjonali, li jagħti self promozzjonali fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt sabiex jippromwovi l-objettivi tal-politika pubblika ta' dak il-gvern, sakemm dak il-gvern ikollu obbligu li jipproteġi l-bażi ekonomika tal-impriża jew l-entità u jżomm l-vijabbiltà tagħha tul ħajjitha, jew li tal-anqas 90 % tal-fondi oriġinali tiegħu jew tas-self promozzjonali li jagħti jkun direttament jew indirettament garantit mill-gvern ċentrali jew reġjonali tal-Istat Membru;

(28)

“self promozzjonali” tfisser self minn bank promozzjonali jew permezz ta' bank intermedjarju, fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt sabiex jiġu promossi l-objettivi tal-politika pubblika ta' gvernijiet ċentrali jew reġjonali fi Stat Membru;

(29)

“istituzzjoni intermedjarja” tfisser istituzzjoni ta' kreditu li tintermedja self promozzjonali sakemm ma tagħtihx bħala kreditu lil konsumatur finali.

TAQSIMA 2

METODOLOĠIJA

Artikolu 4

Determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet annwali

1.   L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet annwali li jitħallsu minn kull istituzzjoni fi propozjon mal-profil tar-riskju tagħha abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni skont l-Artikolu 14 billi japplikaw il-metodoloġija stipulata f'din it-Taqsima.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-livell annwali fil-mira tal-arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni billi tqis il-livell fil-mira li jrid jintlaħaq sal-31 ta' Diċembru 2024 skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 102 tad-Direttiva 2014/59/UE u fuq il-bażi tal-ammont medju ta' depożiti koperti fis-sena preċedenti, kalkolat kull tliet xhur, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħha.

Artikolu 5

Aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjoni annwali bażika

1.   Il-kontribuzzjonijiet msemmija fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tiġi kkalkulata billi jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-obbligazzjonijiet intragrupp li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet bejn istituzzjoni u istituzzjoni li hija parti mill-istess grupp, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

kull istituzzjoni tkun stabbilita fl-Unjoni;

(ii)

kull istituzzjoni tkun inkluża fl-istess superviżjoni konsolidata skont l-Artikoli 6 sa 17 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi sħiħa u tkun soġġetta għal evalwazzjoni, kejl u proċeduri ta' kontroll tar-riskju ċentralizzati u xierqa. kif ukoll

(iii)

ma jkunx hemm impediment materjali, prattiku jew ġuridiku, attwali jew previst għar-ripagament tal-obbligazzjoni meta dovut;

(b)

l-obbligazzjonijiet maħluqa minn istituzzjoni, li tkun membru ta' IPS kif imsemmi fil-punt (8) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u li tkun ġiet awtorizzat mill-awtorità kompetenti biex tapplika l-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, permezz ta' ftehim konkluż ma' istituzzjoni oħra li hija membru tal-istess l-IPS;

(c)

fil-każ ta' kontroparti ċentrali stabbilita fi Stat Membru li tkun użat l-għażla fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-obbligazzjonijiet relatati ma' attivitajiet ta' kklerjar kif definit fl-Artikolu 2(3) ta' dak ir-Regolament, inkluż dawk li jirriżultaw minn kwalunkwe miżura li tieħu l-kontroparti ċentrali biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-marġini, għall-istabbiliment ta' fond tal-inadempjenza u biex iżżomm biżżejjed riżorsi finanzjarji prefinanzjati biex tkopri telf potenzjali bħala parti minn kaskata ta' inadempjenza skont dak ir-Regolament, kif ukoll biex tinvesti r-riżorsi finanzjarji tagħha skont l-Artikolu 47 ta' dak ir-Regolament;

(d)

f'każ ta' depożitarju ċentrali tat-titoli, l-obbligi relatati mal-attivitajiet ta' depożitarju ċentrali tat-titoli, inkluż obbligazzjonijiet lil parteċipanti jew fornituri ta' servizz ta' depożitorju ċentrali tat-titoli b'maturità ta' inqas minn sebat ijiem li jirriżultaw minn attivitajiet li għalihom ikun kiseb awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi anċillari tat-tip bankarju skont it-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, iżda li jeskludu obbligazzjonijiet oħra li jirriżultaw minn tali attivitajiet ta' tip bankarju;

(e)

fil-każ ta' ditti tal-investiment, l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minħabba li jżommu assi ta' klijenti jew flus ta' klijenti inklużi assi ta' klijenti jew flus ta' klijenti miżmuma f'isem UCITS kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jew tal-AIFs kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), dment li tali klijent ikun protett skont il-liġi applikabbli ta' insolvenza;

(f)

fil-każ ta' istituzzjonijiet li joperaw self promozzjonali, l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni intermedjarja lejn il-bank oriġinatur jew bank promozzjonali ieħor jew istituzzjoni intermedjarja oħra u l-obbligazzjonijiet tal-bank promozzjonali oriġinali lejn il-partijiet tal-finanzjament tiegħu, sakemm l-ammont ta' dawn l-obbligazzjonijiet ikun korrispost bis-self promozzjonali ta' dik l-istituzzjoni.

2.   L-obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) jitnaqqsu b'mod ugwali abbażi ta' kull tranżazzjoni mill-ammont tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjonijiet li jkunu partijiet fit-tranżazzjonijiet jew il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) u (b).

3.   Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, l-ammont medju annwali, ikkalkulat fuq bażi ta' kull tliet xhur, ta' obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 li jirriżultaw minn kuntratti derivattivi jiġu valwati skont l-Artikolu 429(6) u (7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Madanakollu, il-valur assenjat lill-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti derivattivi ma jistax ikun inqas minn 75 % tal-valur tal-istess obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kontabilità applikabbli għall-istituzzjoni konċernata għall-finijiet ta' rappurtar finanzjarju.

Jekk, skont l-istandards nazzjonali tal-kontabilità li japplikaw għal istituzzjoni, ma jkunx hemm miżura ta' kontabilità tal-iskopertura għal ċerti strumenti derivattivi peress li jkunu miżmuma barra l-karta bilanċjali, l-istituzzjoni għandha tirrapporta lill-awtorità tar-riżoluzzjoni s-somma tal-valuri ġusti pożittivi ta' dawn id-derivattivi bħala kost ta' sostituzzjoni u żżidhom mal-valuri kontabilistiċi tagħha fil-karta bilanċjali.

4.   Għall-fini ta' din it-Taqsima, l-obbligazzjonijiet totali msemmija fil-paragrafu 1 jeskludu l-valur kontabilistiku tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti derivattivi u jinkludu valur korrispondenti stabbilit skont il-paragrafu 3.

5.   Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet u rekwiżiti kollha msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 humiex issodisfati, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tibbaża fuq il-valutazzjonijiet rilevanti mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu għad-dispożizzjoni f'konformità mal-Artikolu 90 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 6

Pilastri u indikaturi tar-riskju

1.   L-awtorità tar-riżoluzzjoni tivvaluta l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet fuq il-bażi tar-riskju ta' dawn l-erba' pilastri:

(a)

Skopertura għar-riskju;

(b)

Stabbiltà u varjetà ta' sorsi ta' finanzjament;

(c)

L-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija;

(d)

Indikaturi tar-riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni.

2.   Il-pilastru tal-“Iskopertura għar-riskju” jikkonsisti minn dawn l-indikaturi tar-riskju:

(a)

Fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni f'eċċess tal-MREL;

(b)

Proporzjon ta' Ingranaġġ;

(c)

Proporzjon tal-Kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni;

(d)

Skopertura Totali għar-Riskju diviża bl-Assi Totali.

3.   Il-pilastru tal-“Istabbiltà u l-varjetà ta' sorsi ta' finanzjament” jikkonsisti mill-indikaturi tar-riskju li ġejjin:

(a)

Proporzjon ta' Finanzjament Stabbli Nett;

(b)

LCR.

4.   Il-pilastru tal-“Importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija” jikkonsisti mill-indikatur “Sehem mis-selfiet u d-depożiti interbankarji fl-Unjoni Ewropea, li jindika l-importanza tal-istituzzjoni għall-ekonomija tal-Istat Membru tal-istabbiliment”.

5.   Il-pilastru l-“indikaturi ta' riskju addizzjonali li jridu jiġu ddeterminati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni” jikkonsisti mill-indikaturi li ġejjin:

(a)

Attivitajiet ta' negozjar, skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà;

(b)

Sħubija fi Skema ta' Protezzjoni Istituzzjonali;

(c)

Daqs ta' għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti.

Meta tiddetermina d-diversi indikaturi tar-riskju fil-pilastru tal-“Indikaturi tar-riskju addizzjonali li jridu jiġu ddeterminati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni”, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis l-importanza ta' dawk l-indikaturi fid-dawl tal-probabbiltà li l-istituzzjoni konċernata tidħol f'riżoluzzjoni u tal-possibbiltà konsegwenti li tuża l-arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni fejn istituzzjoni tiġi riżolta.

6.   Meta tiddetermina l-indikaturi “Attivitajiet ta' negozjar, skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” msemmija fil-paragrafu 5(a), l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis l-elementi li ġejjin:

(a)

Iż-żieda fil-profil tar-riskju tal-istituzzjoni minħabba:

(i)

l-importanza ta' attivitajiet ta' negozjar meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta' fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi, u l-mudell kummerċjali kumplessiv;

(ii)

l-importanza tal-iskoperturi barra l-karta bilanċjali meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta' fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi;

(iii)

l-importanza tal-ammont ta' derivattivi meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta' fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi, u l-mudell kummerċjali kumplessiv;

(iv)

il-punt safejn skont il-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/59/UE l-mudell kummerċjali u struttura organizzazzjonali ta' istituzzjoni jitqiesu kumplessi.

(b)

It-tnaqqis fil-profil tar-riskju tal-istituzzjoni minħabba:

(i)

l-ammont relattiv ta' derivattivi li huma kklerjati permezz ta' kontroparti ċentrali (CCP);

(ii)

il-punt safejn skont il-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/59/UE istituzzjoni tista' tiġi riżolta fil-pront u mingħajr impedimenti legali.

7.   Meta jiġi ddeterminat l-indikatur imsemmi fil-paragrafu 5(b), l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis l-elementi li ġejjin:

(a)

jekk l-ammont ta' fondi li huma disponibbli mingħajr dewmien kemm għal rikapitalizzazzjoni kif ukoll għal finijiet ta' finanzjament tal-likwidità sabiex tiġi sostnuta l-istituzzjoni affettwata f'każ ta' problemi huwa kbir biżżejjed biex jippermetti għajnuna kredibbli u effettiva għal dik l-istituzzjoni;

(b)

il-grad ta' ċertezza legali jew kuntrattwali li l-fondi msemmija fil-punt (a) se jintużaw b'mod sħiħ qabel ma tkun tista' tintalab kwalunkwe għajnuna pubblika straordinarja.

8.   L-indikaturi tar-riskju msemmija fil-paragrafu 5(c) jingħatalu l-valur massimu tal-firxa msemmija f'Pass 3 tal-Anness I għal:

(a)

kwalunkwe istituzzjoni li tkun parti minn grupp li jkun tqiegħed taħt ristrutturazzjoni wara li jkun irċieva kwalunkwe fondi mill-Istat jew ekwivalenti bħal minn arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, u jkun għadu fil-perjodu tar-ristrutturazzjoni jew stralċ, ħlief għall-aħħar sentjen (2) tal-implimentazzjoni tal-pjan tar-ristrutturazzjoni;

(b)

kwalunkwe istituzzjoni li tkun likwidata, sa tmiem il-pjan tal-likwidazzjoni (sal-punt li tkun għadha responsabbli biex tħallas il-kontribuzzjoni).

Għandu jingħatalu l-valur minimu tal-firxa msemmija fil-Pass 3 tal-Anness I għall-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha.

9.   Għall-finijiet tal-paragrafi 6, 7 u 8, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tibbaża fuq il-valutazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fejn disponibbli.

Artikolu 7

Piż relattiv ta' kull pilastru u indikaturi tar-riskju

1.   Meta jiġi vvalutat il-profil tar-riskji ta' kull istituzzjoni, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tapplika l-piżijiet li ġejjin għall-pilastri tar-riskju:

(a)

Skopertura għar-riskju: 50 %;

(b)

Stabbiltà u varjetà ta' sorsi ta' finanzjament: 20 %;

(c)

L-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija: 10 %;

(d)

Indikaturi tar-riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni: 20 %.

2.   Il-piż relattiv ta' dawn l-indikaturi tar-riskju li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jivvalutaw biex jiddeterminaw il-pilastru tal-“Iskopertura għar-riskju” huma dawn li ġejjin:

(a)

Fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli miżmuma mill-istituzzjoni f'eċċess tal-MREL; 25 %;

(b)

Proporzjon ta' Ingranaġġ: 25 %;

(c)

Proporzjon tal-Kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni: 25 %;

(d)

Skopertura Totali għar-Riskju diviża bl-Assi Totali: 25 %.

3.   Kull indikatur tar-riskju fil-pilastru “stabbiltà u varjetà tas-sorsi ta' finanzjament” ikollu l-istess piż.

4.   Il-piż relattiv ta' kull indikatur li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jivvalutaw biex jiddeterminaw il-pilastru tal-“indikaturi tar-riskju addizzjonali” huma dawn li ġejjin:

(a)

Attivitajiet ta' negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà: 45 %;

(b)

Sħubija fi Skema ta' Protezzjoni Istituzzjonali: 45 %;

(c)

Daqs ta' għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti: 10 %.

Meta jiġi applikat l-indikatur imsemmi fil-punt (b), l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis il-piż relattiv tal-indikatur msemmija fil-punt (a).

Artikolu 8

Applikazzjoni ta' indikaturi ta' riskju f'każijiet speċifiċi

1.   Meta awtorità kompetenti tagħti eżenzjoni lil istituzzjoni skont l-Artikoli 8 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-indikatur msemmi fl-Artikolu 6(3)(b) ta' dan ir-Regolament jiġi applikat mill-awtorità tar-riżoluzzjoni fil-livell tas-subgrupp tal-likwidità. Il-punteġġ miksub minn dak l-indikatur fil-livell tas-subgrupp tal-likwidità jiġi attribwit lil kull istituzzjoni li hija parti mis-subgrupp tal-likwidità għall-fini li jiġi kkalkulat l-indikatur tar-riskju tal-istituzzjoni.

2.   Meta l-awtorità kompetenti tkun eżentat għal kollox l-applikazzjoni ta' rekwiżiti tal-kapital għal istituzzjoni fil-livell individwali skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-awtorità tar-riżoluzzjoni tkun ukoll eżentat għal kollox l-applikazzjoni fil-livell individwali tal-istess istituzzjoni tal-MREL skont l-Artikolu 45(12) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-indikatur msemmi fl-Artikolu 6(2)(a) ta' dan ir-Regolament jista' jiġi kkalkulat f'livell konsolidat. Il-punteġġ miksub minn dak l-indikatur fil-livell tas-subgrupp tal-likwidità jiġi attribwit lil kull istituzzjoni li tkun parti mill-grupp għall-finijiet li jiġi kkalkulat l-indikatur tar-riskju tal-istituzzjoni.

3.   Meta awtorità kompetenti tkun tat eżenzjoni lil istituzzjoni f'ċirkostanzi oħra definiti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-indikaturi rilevanti jistgħu jiġu kkalkulati f'livell konsolidat. Il-punteġġ miksub minn dawk l-indikaturi fil-livell konsolidat jiġi attribwit lil kull istituzzjoni li tkun parti mill-grupp għall-finijiet li jiġu kkalkulati l-indikaturi tar-riskju ta' dik l-istituzzjoni.

Artikolu 9

Applikazzjoni tal-aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjoni annwali bażika

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina l-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju addizzjonali għal kull istituzzjoni billi tgħaqqad l-indikaturi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6 skont il-formula u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-kontribuzzjoni annwali ta' kull istituzzjoni tiġi ddeterminata għal kull perjodu kontributorju mill-awtorità tar-riżoluzzjoni billi timmultiplika l-kontribuzzjoni annwali bażika bil-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju addizzjonali skont il-formula u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju jkollu firxa ta' bejn 0,8 u 1,5.

Artikolu 10

Kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet żgħar

1.   L-istituzzjonijiet li l-obbligazzjonijiet totali tagħhom, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, huma EUR 50 000 000 jew inqas, u li l-assi totali tagħhom huma inqas minn EUR 1 000 000 000, iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 1 000 bħala kontribuzzjoni annwali għal kull perjodu kontributorju.

2.   L-istituzzjonijiet li l-obbligazzjonijiet totali tagħhom, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, huma aktar minn EUR 50 000 000 iżda daqs jew inqas minn EUR 100 000 000, u li l-assi totali tagħhom huma inqas minn EUR 1 000 000 000 iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 2 000 bħala kontribuzzjoni annwali għal kull perjodu kontributorju.

3.   L-istituzzjonijiet li l-obbligazzjonijiet totali tagħhom, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, huma aktar minn EUR 100 000 000 iżda daqs jew inqas minn EUR 150 000 000, u li l-assi totali tagħhom huma inqas minn EUR 1 000 000 000 iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 7 000 bħala kontribuzzjoni annwali għal kull perjodu kontributorju.

4.   L-istituzzjonijiet li l-obbligazzjonijiet totali tagħhom, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, huma aktar minn EUR 150 000 000 iżda daqs jew inqas minn EUR 200 000 000, u li l-assi totali tagħhom huma inqas minn EUR 1 000 000 000 iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 15 000 bħala kontribuzzjoni annwali għal kull perjodu kontributorju.

5.   L-istituzzjonijiet li l-obbligazzjonijiet totali tagħhom, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, huma aktar minn EUR 200 000 000 iżda daqs jew inqas minn EUR 250 000 000, u li l-assi totali tagħhom huma inqas minn EUR 1 000 000 000 iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 26 000 bħala kontribuzzjoni annwali għal kull perjodu kontributorju.

6.   L-istituzzjonijiet li l-obbligazzjonijiet totali tagħhom, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, huma aktar minn EUR 250 000 000 iżda daqs jew inqas minn EUR 300 000 000, u li l-assi totali tagħhom huma inqas minn EUR 1 000 000 000 iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 50 000 bħala kontribuzzjoni annwali għal kull perjodu kontributorju.

7.   Bla ħsara għall-paragrafu 8, jekk l-istituzzjoni tipprovdi biżżejjed evidenza li l-ammont f'daqqa msemmi fil-paragrafi 1 sa 6 jkun ogħla mill-kontribuzzjoni kalkulata skont l-Artikolu 5, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tapplika l-inqas wieħed.

8.   Minkejja l-paragrafi 1 sa 6, awtorità tar-riżoluzzjoni tista' tadotta deċiżjoni motivata li tiddetermina li istituzzjoni għandha profil ta' riskju li jkun sproporzjonat mad-daqs żgħir tagħha u tapplika l-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 9 għal din l-istituzzjoni. Id-deċiżjoni tkun bażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-mudell kummerċjali tal-istituzzjoni;

(b)

l-informazzjoni rappurtata minn dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 14;

(c)

il-pilastri u l-indikaturi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6;

(d)

il-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti rigward il-profil tar-riskju ta' dik l-istituzzjoni.

9.   Il-paragrafi 1 sa 8 ma japplikawx għal dawk l-istituzzjonijiet li l-obbligazzjonijiet totali, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, huma daqs jew inqas minn EUR 300 000 000 wara li jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1).

10.   L-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) ma jitqisux meta jiġu applikati l-paragrafi 1 sa 9 għall-istituzzjonijiet li l-obbligazzjonijiet totali tagħhom, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, ikunu daqs jew inqas minn EUR 300 000 000 wara li jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1).

Artikolu 11

Kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet koperti mill-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2014/59/UE

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2014/59/UE jiġu kkalkulati skont l-Artikolu 9 bl-użu ta' 50 % tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħhom.

2.   F'każ li jintuża arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni għal xi istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2014/59/UE fi Stat Membru għal kwalunkwe fini msemmi fl-Artikolu 101 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tadotta deċiżjoni motivata li tiddetermina li l-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 9 japplikaw għal dawk l-istituzzjonijiet li jkollhom profil ta' riskju simili jew ogħla mill-profil tar-riskju tal-istituzzjoni li tkun użat l-arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 101 tad-Direttiva 2014/59/UE. Id-determinazzjoni tas-similarità tal-profil tar-riskju mill-awtorità ta' riżoluzzjoni għall-fini tad-deċiżjoni motivata tagħha tqis l-elementi li ġejjin kollha:

(a)

il-mudell kummerċjali ta' dik l-istituzzjoni;

(b)

l-informazzjoni rappurtata minn dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 14;

(c)

il-pilastri u l-indikaturi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6;

(d)

il-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti rigward il-profil tar-riskju ta' dik l-istituzzjoni.

Artikolu 12

Istituzzjonijiet taħt superviżjoni ġodda jew bidla fl-istatus

1.   Meta istituzzjoni tkun istituzzjoni taħt superviżjoni ġdida għal parti biss minn perjodu kontributorju, il-kontribuzzjoni parzjali tiġi ddeterminata billi tiġi applikata l-metodoloġija stabbilita fit-Taqsima 3 għall-ammont tal-kontribuzzjoni annwali tagħha kalkulat matul il-perjodu kontributorju sussegwenti b'referenza għall-għadd ta' xhur sħaħ mill-perjodu kontributorju li tulhom l-istituzzjoni tkun taħt superviżjoni.

2.   Bidla fl-istatus ta' istituzzjoni, inkluża istituzzjoni żgħira, matul il-perjodu kontributorju ma jkollha l-ebda effett fuq il-kontribuzzjoni annwali li trid titħallas f'dik is-sena partikolari.

Artikolu 13

Proċess tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet annwali

1.   L-awtorità tar-riżoluzzjoni tinnotifika lil kull istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 2 bid-deċiżjoni tagħha li tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali dovuta minn kull istituzzjoni mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju ta' kull sena.

2.   L-awtorità tar-riżoluzzjoni tinnotifika d-deċiżjoni b'xi wieħed minn dawn il-modi:

(a)

elettronikament jew b'mezz ta' komunikazzjoni komparabbli ieħor li jippermetti konferma tal-wasla;

(b)

bil-posta reġistrata b'forma ta' konferma tal-wasla.

3.   Id-deċiżjoni tispeċifika l-kundizzjoni u l-mezzi li bihom titħallas il-kontribuzzjoni annwali u s-sehem tal-impenji irrevokabbli ta' pagament imsemmija fl-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59/UE li kull istituzzjoni tista' tuża. L-awtorità tar-riżoluzzjoni taċċetta biss kollateral tat-tip u taħt kundizzjonijiet li jippermettu r-realizzabbiltà rapida anki fil-każ ta' deċiżjoni ta' riżoluzzjoni matul tmiem il-ġimgħa. Il-kollateral għandu jiġi valwat b'mod konservattiv biex jirrifletti deterjorament sinifikanti fil-kundizzjonijiet tas-suq.

4.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju ieħor disponibbli għall-awtorità tar-riżoluzzjoni, f'każ ta' pagament parzjali, nuqqas ta' pagament jew nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit stipulat fid-deċiżjoni, l-istituzzjoni konċernata tiġi soġġetta għal penali ta' kuljum fuq l-ammont pendenti tal-pagament parzjali.

L-imgħax fuq il-penali ta' kuljum ikun dovut fuq bażi ta' kuljum fuq l-ammont dovut b'rata ta' mgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taqa' d-data ta' skadenza tal-pagament miżjud bi tmien (8) punti perċentwali mid-data li fiha l-pagament parzjali kien dovut.

5.   Meta istituzzjoni tkun istituzzjoni taħt superviżjoni ġdida għal parti biss mill-perjodu kontributorju, il-kontribuzzjoni annwali parzjali tagħha tinġabar flimkien mal-kontribuzzjoni annwali dovuta għall-perjodu kontributorju sussegwenti.

TAQSIMA 3

ASPETTI AMMINISTRATTIVI U PENALI

Artikolu 14

Obbligi ta' rappurtar tal-istituzzjonijiet

1.   L-istituzzjonijiet jipprovdu lill-awtorità tar-riżoluzzjoni bl-aħħar rapporti finanzjarji annwali approvati disponibbli qabel il-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel il-perjodu kontributorju, flimkien mal-opinjoni sottomessa mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-awditjar, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

2.   L-istituzzjonijiet jipprovdu lill-awtorità ta' riżoluzzjoni mill-inqas l-informazzjoni msemmija fl-Anness II fuq il-livell ta' entità individwali.

3.   L-informazzjoni fl-Anness II, inkluża fir-rekwiżiti tar-rappurtar superviżorju stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (16) jew, fejn applikabbli, minn kwalunkwe rekwiżit ta' rappurtar superviżorju ieħor applikabbli għall-istituzzjoni skont il-liġi nazzjonali, tingħata lill-awtorità tar-riżoluzzjoni kif rapportata mill-istituzzjoni fl-aħħar rapport ta' superviżjoni relevanti sottomess lill-awtorità kompetenti dwar is-sena ta' referenza tar-rapport finanzjarju annwali msemmija fil-paragrafu 1.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 tingħata sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena fir-rigward tas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel, jew tas-sena finanzjarja relevanti applikabbli. Jekk il-31 Jannar ma tkunx ġurnata tax-xogħol, l-informazzjoni tingħata fil-jum tax-xogħol li jmiss.

5.   Meta l-informazzjoni jew id-dejta preżentata lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tkun soġġetta għal aġġornamenti jew korrezzjonijiet, dawn l-aġġornamenti jew il-korrezzjoni jiġu sottomessi lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni mingħajr dewmien bla bżonn.

6.   L-istituzzjonijiet jissottomettu l-informazzjoni msemmija fl-Anness II fil-formati u r-rappreżentazzjonijiet tad-dejta speċifikati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni.

7.   L-informazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 2 u 3 tkun soġġetta għar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali stabbiliti fl-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 15

Obbligu tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li jiskambjaw informazzjoni.

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu tad-denominatur previst fil-pilastru tar-riskju msemmi fl-Artikolu 7(1)(c), sal-15 ta' Frar ta' kull sena, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jipprovdu lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) bl-informazzjoni li jkunu rċievew mingħand l-istituzzjonijiet kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom relatati mal-obbligazzjonijiet u d-depożiti interbankarji msemmija fl-Anness I fil-livell aggregat.

2.   Sal-1 ta' Marzu ta' kull sena, l-EBA tikkomunika lil kull awtorità ta' riżoluzzjoni l-valur tad-denominatur tal-pilastru tar-riskju msemmi fl-Artikolu 7(1)(c).

Artikolu 16

Obbligi tar-rapportar tal-iskemi tal-garanzija tad-depożiti

1.   Sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, l-iskemi tal-garanzija tad-depożiti jipprovdu l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni bil-kalkolu tal-ammont medju ta' depożiti koperti fis-sena preċedenti, kalkolat kull tliet xhur, tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha li huma membri tagħhom.

2.   Din l-informazzjoni tingħata kemm fuq livell individwali kif ukoll aggregat tal-istituzzjonijiet ta' kreditu konċernati sabiex tippermetti lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jiddeterminaw il-livell annwali fil-mira tal-arranġament ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 4(2) u jiddeterminaw il-kontribuzzjoni annwali bażika ta' kull istituzzjoni skont l-Artikolu 5.

Artikolu 17

Infurzar

1.   Meta l-istituzzjonijiet ma jippreżentawx l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14 fi żmien il-perjodu previst f'dak l-Artikolu, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tuża stimi jew suppożizzjonijiet tagħha stess sabiex tikkalkula l-kontribuzzjoni annwali tal-istituzzjoni konċernata.

2.   Meta l-informazzjoni ma tingħatax sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tassenja lill-istituzzjoni konċernata l-ogħla multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju msemmi fl-Artikolu 9.

3.   Meta l-informazzjoni ppreżentata mill-istituzzjonijiet lill-awtorità ta' riżoluzzjoni tkun soġġetta għal rapporti mill-ġdid jew reviżjonijiet, l-awtorità ta' riżoluzzjoni taġġusta l-kontribuzzjoni annwali skont l-informazzjoni aġġornata meta tikkalkula l-kontribuzzjoni annwali ta' dik l-istituzzjoni għall-perjodu ta' kontribuzzjoni li jmiss.

4.   Kwalunkwe differenza bejn il-kontribuzzjoni annwali kalkulata u mħallsa fuq il-bażi tal-informazzjoni soġġetti għal rappurtar mill-ġdid jew reviżjoni u l-kontribuzzjoni annwali li suppost kellha titħallas wara l-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali tiġi saldata fl-ammont tal-kontribuzzjoni annwali dovuta għall-perjodu kontributorju li jmiss. Dan l-aġġustament isir billi jitnaqqsu jew jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet għall-perjodu kontributorju li jmiss.

Artikolu 18

Penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jimponu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra msemmija fl-Artikolu 110 tad-Direttiva 2014/59/UE fuq persuni jew entitajiet responsabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament.

TAQSIMA 4

ARRANĠAMENTI TA' KOOPERAZZJONI

Artikolu 19

Arranġamenti ta' kooperazzjoni

1.   Sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet jiġu effettivament imħallsal-awtoritajiet kompetenti jassistu lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni fit-twettiq ta' kwalunkwe kompitu skont dan ir-Regolament jekk din tal-aħħar jitlob hekk.

2.   Fuq talba, l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni bid-dettalji tal-kuntatt tal-istituzzjonijiet li jridu jiġu nnotifikati bid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 13 sa mhux aktar tard mill-1 ta' April ta' kull sena jew fil-jum tax-xogħol li jmiss jekk l-1 ta' April ma jkunx jum tax-xogħol. Dawn id-dettalji ta' kuntatt jirreferu għall-isem tal-persuna ġuridika, l-isem tal-persuna fiżika li tirrappreżenta lill-persuna ġuridika, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefon, in-numru tal-feks jew kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti l-identifikazzjoni ta' istituzzjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni kwalunkwe informazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkalkulaw il-kontribuzzjonijiet annwali, b'mod partikolari kwalunkwe informazzjoni relatata mal-aġġustament tar-riskju addizzjonali u kwalunkwe eżenzjonijiet rilevanti li l-awtoritajiet kompetenti jkunu taw lill-istituzzjonijiet skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013.

TAQSIMA 5

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali ġenerali

1.   Meta l-informazzjoni meħtieġa minn indikatur speċifiku kif imsemmi fl-Anness II ma tkunx inkluża fir-rekwiżit tar-rappurtar superviżorju applikabbli msemmi fl-Artikolu 14 għas-sena ta' referenza, dak l-indikatur tar-riskju ma japplikax qabel li dak ir-rekwiżit ta' rappurtar superviżorju jsir applikabbli. Il-piż tal-indikaturi tar-riskju disponibbli l-oħra jiddaħħlu fi skala mill-ġdid b'mod proporzjonali mal-piż tagħhom kif previst fl-Artikolu 7 sabiex is-somma tal-piżijiet tkun wieħed (1). Fl-2015 meta kwalunkwe informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 16 ma tkunx disponibbli għall-iskema tal-garanzija ta' depożitu sal-31 ta' Jannar għall-finijiet tal-kalkolu tal-mira annwali msemmija fl-Artikolu 4(2) jew tal-kontribuzzjoni annwali bażika ta' kull istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 5, wara notifika mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti, l-istituzzjonijiet tal-kreditu rilevanti jipprovdu lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni b'dik l-informazzjoni sa dik id-data. B'deroga mill-Artikolu 13(1), rigward il-kontribuzzjonijiet li jridu jitħallsu fl-2015, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jinnotifikaw lil kull istituzzjoni bid-deċiżjoni tagħhom li tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali li jridu jħallsu sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2015.

2.   B'deroga mill-Artikolu 13(4), u fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet li jridu jitħallsu fl-2015, l-ammont dovut skont id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 13(3) jitħallas sal-31 ta' Diċembru 2015.

3.   B'deroga mill-Artikolu 14(4), u fir-rigward tal-informazzjoni li trid tingħata lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fl-2015, l-informazzjoni msemmija f'dak il-paragrafu tingħata sal-1 ta' Settembru 2015 l-aktar tard.

4.   B'deroga mill-Artikolu 16(1), l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti jipprovdu lill-awtorità tar-riżoluzzjoni sal-1 ta' Settembru 2015 bl-informazzjoni dwar l-ammont ta' depożiti koperti mill-31 ta' Lulju 2015.

5.   Sa tmiem il-perjodu inizjali msemmi fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014/UE, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet li l-obbligazzjonijiet totali tagħhom, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, ikunu aktar minn EUR 300 000 000, u li l-assi totali jkun EUR 3 000 000 000 jew inqas, li jħallsu somma f'daqqa ta' EUR 50 000 għall-ewwel EUR 300 000 000 ta' obbligazzjonijiet totali, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom. Għal obbligazzjonijiet totali, bil-fondi proprji u d-depożiti koperti mnaqqsa minnhom, ta' aktar minn EUR 300 000 000, dawn l-istituzzjonijiet għandhom jikkontribwixxu skont l-Artikoli 4 sa 9 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(7)  Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

(8)  Direttiva Direttiva tal-Kunsill 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 fuq is-swieq f'istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE and 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li t]assar d-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(9)  Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).

(10)  Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-Interpretazzjoni 21 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjoni tar-Rapportar Finanzjarju (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

(11)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissuplimenta r-Regolament (UE) 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżit tal-kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(13)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(14)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u li jemenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(16)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' rapportar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1).


ANNESS I

(PROĊEDURA GĦALL-KALKOLU TAL-KONTRIBUZZJONIJIET ANNWALI TAL-ISTITUZZJONIJIET)

PASS 1

Kalkolu tal-Indikaturi mhux maħduma

L-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tikkalkula l-indikaturi li ġejjin billi tapplika l-miżuri li ġejjin:

Pilastru

Indikatur

Miżuri

Skopertura għar-riskju

Fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli miżmuma mill-istituzzjoni f'eċċess tal-MREL

Formula

Fejn, għall-finijiet ta' dan l-indikatur:

 

Fondi proprji tfisser is-somma ta' Kapital tal-Grad 1 u Grad 2 skont id-definizzjoni fil-punt (118) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

 

Obbligazzjonijiet eliġibbli tfisser is-somma tal-obbligazzjonijiet imsemmija fil-punt (71) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

 

L-obbligazzjonijiet totali kif definit fl-Artikolu 3(11) ta' dan ir-Regolament. L-obbligazzjonijiet derivattivi jiġu inklużi fit-total tal-obbligazzjonijiet fuq il-bażi li jingħata rikonoxximent sħiħ lid-drittijiet tal-innettjar tal-kontraparti.

 

MREL tfisser ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli kif definit fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Skopertura għar-riskju

Proporzjon tal-Ingranaġġ

Il-Proporzjon tal-Ingranaġġ kif definit fl-Artikolu 429 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u rapportat skont l-Anness X tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014.

Skopertura għar-riskju

Proporzjon tal-Kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni

Proporzjon tal-Kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni kif definit fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u rapportat skont l-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014.

Skopertura għar-riskju

TRE/Assi Totali

Formula

fejn:

 

TRE tfisser l-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju kif definit fl-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

 

L-assi totali kif definit fl-Artikolu 3(12) ta' dan ir-Regolament.

Stabbiltà u Varjetà tal-Finanzjament

Proporzjon ta' Finanzjament Stabbli Nett

Proporzjon ta' Finanzjament Stabbli Nett kif rapportat skont l-Artikolu 415 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Stabbiltà u Varjetà tal-Finanzjament

Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità

Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità skont l-Artikolu 415 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61.

L-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija

Sehem mis-self u depożiti interbankarji fl-UE

Formula

fejn:

 

Self interbankarju huwa definit bħala s-somma tal-ammonti miżmuma fil-kotba ta' self u avvanzi lil istituzzjonijiet ta' kreditu u korporazzjonijiet finanzjarji oħra kif stabbilit għall-finijiet tal-mudell numru 4.1, 4.2, 4.3 u 4.4 tal-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014.

 

Depożiti interbankarji huma definiti bħala l-ammonti miżmuma fil-kotba tad-depożiti ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u korporazzjonijiet finanzjarji oħra kif stabbilit għall-finijiet tal-mudell numru 8.1 tal-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014.

 

Self interbankarju u depożiti totali fl-UE huma t-total tal-aggregati tas-self u d-depożiti interbankarji miżmumin minn istituzzjonijiet f'kull Stat Membru kif kalkulat skont l-Artikolu 15.

PASS 2

Diskretizzazzjoni

1.

Fin-notazzjoni li ġejja, n istituzzjonijiet indiċi, i indikaturi indiċi fil-pilastri u j pilastri indiċi.

2.

Għal kull indikatur mhux maħdum li jirriżulta minn Pass 1, xij , ħlief għall-indikatur “daqs tal-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tikkalkula l-għadd ta' intervalli, kij , bħala l-eqreb numru sħiħ biex:

Formula
,

fejn:

N huwa n-numru ta' istituzzjonijiet, li jikkontribixxu fl-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, li jiġi kkalkulat l-indikatur għalihom;

Formula
;

Formula
;

Formula
.

3.

Għal kull indikatur, ħlief għall-indikatur “daqs tal-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tassenja l-istess numru ta' istituzzjonijiet għal kull intervall, u tibda billi tassenja lill-istituzzjonijiet bl-iżgħar valuri tal-indikatur mhux maħdum fl-ewwel interval. Fil-każ fejn in-numru ta' istituzzjonijiet ma jkunx jista' jiġi diviż eżattament bin-numru ta' intervalli, kull waħda mill-ewwel intervall r, li jibda mill-intervall li jkun fih l-istituzzjonijiet bl-inqas valuri tal-indikatur mhux maħdum, fejn r hija l-bqija tad-diviżjoni tan-numru ta' istituzzjonijiet, N, bin-numru ta' intervalli,, kij , jiġi assenjat istituzzjoni waħda addizzjonali.

4.

Għal kull indikatur, ħlief għall-indikatur “daqs tal-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tassenja lill-istituzzjonijiet kollha li jkunu f'intevall partikolari l-valur tal-ordni tal-intervall, magħduda mix-xellug lejn il-lemin, sabiex il-valur tal-indikatur diskretizzat ikun definit Iij,n = 1,…, kij .

5.

Dan il-Pass japplika għall-indikaturi elenkati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(5) biss jekk l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddeterminahom bħala varjabbli kontinwi.

PASS 3

Rigradazzjoni tal-Indikaturi

L-awtorità tar-riżoluzzjoni tirrigrada kull indikatur li jirriżulta minn Pass 2, Iij , fil-firxa 1-1 000 billi tapplika l-formula li ġejja:

Image 1
,

fejn l-argumenti tal-funzjonijiet minimi u massimi jkunu l-valuri tal-istituzzjonijiet kollha li jikkontribixxu fl-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, li jiġi kkalkulat l-indikatur għalihom.

PASS 4

Inklużjoni tal-Sinjal Assenjat

1.

L-awtorità tar-riżoluzzjoni tapplika dawn is-sinjali li ġejjin lill-indikaturi:

Pilastru

Indikatur

Sinjal

Skopertura għar-riskju

Fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli miżmuma mill-istituzzjoni f'eċċess tal-MREL

Skopertura għar-riskju

Proporzjon tal-Ingranaġġ

Skopertura għar-riskju

Proporzjon tal-Kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni

Skopertura għar-riskju

TRE/Assi Totali

+

Stabbiltà u Varjetà tal-Finanzjament

Proporzjon ta' Finanzjament Stabbli Nett

Stabbiltà u Varjetà tal-Finanzjament

Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità

L-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija

Sehem mis-self u depożiti interbankarji fl-UE

+

Indikaturi tar-riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità ta' riżoluzzjoni:

Sħubija tal-IPS

Indikaturi tar-riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità ta' riżoluzzjoni:

Daqs tal-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti.

+

Għall-indikaturi b'sinjal pożittiv, valuri ogħla jikkorrispondu għal livell ta' riskju ogħla ta' istituzzjoni. Għall-indikaturi b'sinjal negattiv, valuri ogħla jikkorrispondu għal livell ta' riskju iżgħar ta' istituzzjoni.

L-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina l-indikaturi l-attivitajiet tan-negozjar, skoperturi barra l-karta bilanċjali, id-derivattivi, il-kumplessità u r-riżolvibbiltà, u tispeċifika s-sinjali tagħhom skont dan.

2.

L-awtorità tar-riżoluzzjoni tapplika t-trasformazzjoni li ġejja għal kull indikatur rigradat li jirriżulta mill-Pass 3, RIij,n , sabiex tinkludi s-sinjal tiegħu:

TRI ij,n =

RIij,n

if sign = “–”

1 001 – RI ij,n

if sign = “+”

PASS 5

Kalkolu tal-Indikatur Maħdum

1.

L-awtorità tar-riżoluzzjoni tiġbor l-indikaturi i f'kull pilastru j permezz ta' medja aritmetika ponderata billi tuża l-formola li ġejja:

Formula
,

fejn:

 

wij hija l-piż tal-indikatur i fil-pilastru j kif definit mill-Artikolu 7;

 

Nj hija n-numru ta' indikaturi f'pilastru j.

2.

Sabiex jiġi kkalkulat l-indikatur maħdum, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiġbor il-pilastri j permezz ta' medja ġeometrika ponderata billi tuża l-formola li ġejja:

Formula
,

fejn:

 

Wj hija l-piż tal-pilastru j kif definit mill-Artikolu 7;

 

J huwa l-għadd ta' pilastri.

3.

L-awtorità tar-riżoluzzjoni tapplika t-trasformazzjoni li ġejja sabiex indikatur maħdum finali jiġi definit bħala li jieħu valuri ogħla għal istituzzjonijiet bi profili ta' riskju ogħla:

Formula
.

PASS 6

Kalkolu tal-Kontribuzzjonijiet Annwali

1.

L-awtorità tar-riżoluzzjoni tirrigrada l-indikatur maħdum finali li jirriżulta minn Pass 5, FCIn , fil-firxa definita fl-Artikolu 9 billi tapplika l-formula li ġejja:

Image 2
,

fejn l-argumenti tal-funzjonijiet minimi u massimi jkunu l-valuri tal-istituzzjonijiet kollha li jikkontribixxu fl-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, li għalihom jiġi kkalkulat l-indikatur maħdum finali.

2.

L-awtorità tar-riżoluzzjoni tikkalkula l-kontribuzzjoni annwali ta' kull istituzzjoni, n ħlief fir-rigward ta' istituzzjonijiet li huma soġġetti għall-Artikolu 10 u minbarra l-porzjon tal-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet f'somma f'daqqa li l-Istati Membri japplikaw għalih l-Artikolu 20(5), peress li:

Image 3
,

fejn:

 

p, q istituzzjonijiet indiċi;

 

Target hija livell annwali fil-mira kif determinat mill-awtorità ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 4(2), mingħajr is-somma tal-kontribuzzjonijiet ikkalkulata skont l-Artikolu 10 u mingħajr is-somma ta' kwalunkwe somma f'daqqa li tista' titħallas skont l-Artikolu 20(5);

 

Bn huwa l-ammont ta' obbligazzjonijiet (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti ta' istituzzjoni, kif aġġustat skont l-Artikolu 5 u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(5).


ANNESS II

DEJTA LI TRID TIĠI SOTTOMESSA LILL-AWTORITAJIET TAR-RIŻOLUZZJONI

Assi totali kif definit fl-Artikolu 3(12)

Obbligazzjonijiet Totali kif definit fl-Artikolu 3(11)

Obbligazzjonijiet koperti mill-punti (a), (b), (c), (d), (e), (f) tal-Artikolu 5(1)

Obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti derivattivi

Obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti derivattivi valwati skont l-Artikolu 5(3)

Depożiti koperti;

Skopertura Totali għar-Riskju

Fondi proprji

Propozjon tal-Kapital ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni

Obbligazzjonijiet eliġibbli

Proporzjon tal-ingranaġġ

Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità

Proporzjon ta' Finanzjament Stabbli Nett

Self interbankarju

Depożiti interbankarji