7.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/34


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/10

tas-6 ta' Jannar 2015

dwar kriterji għall-applikanti għall-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 870/2014

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2012/34/UE jistipula l-possibbiltà għall-maniġers tal-infrastruttura li jistabbilixxu r-rekwiżiti fir-rigward tal-applikanti, li jiżguraw li jiġu ssalvagwardjati l-aspettattivi leġittimi tagħhom dwar id-dħul futur u l-użu tal-infrastruttura.

(2)

Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu adegwati, trasparenti u nondiskriminatorji. Dawn jistgħu jinkludu biss l-għoti ta' garanzija finanzjarja li ma għandhiex tkun aktar minn livell xieraq proporzjonali għal-livell ikkontemplat tal-attività, u l-iżgurar tal-kapaċità tal-applikant li jħejji offerti konformi għall-kapaċità infrastrutturali.

(3)

Il-garanziji finanzjarji jistgħu jieħdu l-forma ta' pagamenti bil-quddiem jew garanziji pprovduti mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

(4)

L-adegwatezza tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2012/34/UE għandha tqis il-fatt li l-infrastruttura ta' modi ta' trasport kompetittivi, bħat-trasport bit-triq u tal-ajru, il-bastimenti tal-baħar u l-passaġġi fuq l-ilma interni, ħafna drabi hija bla ħlas ta' imposti għall-utenti u b'hekk hija ħielsa wkoll minn garanziji finanzjarji fuqha. Sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn il-modi tat-trasport, il-garanziji finanzjarji għandhom ikunu limitati għall-minimu strettament neċessarju f'termini ta' livell u ta' tul ta' żmien.

(5)

Dawk il-garanziji finanzjarji huma adegwati biss jekk ikunu meħtieġa biex il-maniġer tal-infrastruttura jserraħ moħħu dwar id-dħul futur u l-użu tal-infrastruttura. Jekk jitqies li l-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jserrħu fuq il-kontrolli u s-sorveljanza tal-qagħda finanzjarja tajba tal-impriżi ferrovjarji skont il-proċedura għall-għoti ta' liċenzji skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE, u b'mod partikolari l-Artikolu 20 ta' dik id-Direttiva, il-ħtieġa għal garanziji finanzjarji tkompli tonqos.

(6)

Il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni japplika għal dawk il-garanziji, u għalhekk ma għandu jkun hemm l-ebda distinzjoni bejn ir-rekwiżiti ta' garanzija għal applikanti tas-settur pubbliku u privat.

(7)

Il-garanziji għandhom ikunu proporzjonali għal-livell ta' riskju ppreżentat mill-applikant għall-maniġer tal-infrastruttura fi stadji differenti tal-allokazzjoni tal-kapaċità. Ġeneralment, ir-riskju jitqies li huwa baxx sakemm il-kapaċità tkun tista' tiġi allokata mill-ġdid għal impriżi ferrovjarji oħrajn.

(8)

Garanzija li tintalab b'rabta mat-tħejjija ta' offerti konformi tista' biss titqies bħala adegwata, trasparenti u nondiskriminatorja jekk il-maniġer tal-infrastruttura jistabbilixxi regoli ċari u trasparenti għat-tħejjija ta' talba tal-kapaċità fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, u jekk toffri l-għodod ta' appoġġ meħtieġa lill-applikanti. Billi mhuwiex possibbli li tiġi ddeterminata b'mod oġġettiv il-kapaċità ta' tħejjija ta' offerti konformi qabel il-proċedura ta' applikazzjoni, kwalunkwe nuqqas ta' kapaċità jista' jiġi ddeterminat biss wara dik il-proċedura, fuq il-bażi ta' nuqqas ripetut li jitressqu dawk l-offerti jew li jingħata t-tagħrif meħtieġ lill-maniġer tal-infrastruttura. L-applikant huwa responsabbli għal dak in-nuqqas, li jfisser sanzjoni li tinvolvi l-esklużjoni tal-applikant mill-applikazzjoni għal mogħdija tal-ferrovija speċifika.

(9)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 870/2014 (2) bi żball, ġie adottat f'verżjoni oħra minflok f'dik li kienet irċeviet l-opinjoni pożittiva tal-Kumitat. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 870/2014 għandu għalhekk jitħassar.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2012/34/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għal garanziji finanzjarji li maniġer ta' infrastruttura jista' jitlob biex jiżgura li l-aspettattivi leġittimi tiegħu dwar id-dħul futur jiġu ssodisfati mingħajr ma jinqabeż livell proporzjonali għal-livell ta' attivitajiet ikkontemplati mill-applikant. Ir-rekwiżiti jinkludu b'mod partikolari l-kundizzjonijiet meta tista' tintalab garanzija jew pagament bil-quddiem u l-livell u t-tul ta' żmien ta' garanzija finanzjarja. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti dettalji fir-rigward tal-kriterji biex tiġi vvalutata l-kapaċità ta' applikant li jħejji offerti konformi għall-kapaċità infrastrutturali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandha tapplika din id-definizzjoni:

 

'garanzija finanzjarja' tfisser (a) pagamenti bil-quddiem biex jitnaqqsu u jiġu antiċipati obbligi futuri ta' ħlas tal-imposti fuq l-infrastruttura jew (b) arranġamenti kuntrattwali li permezz tagħhom istituzzjoni finanzjarja bħal bank, timpenja ruħha li tiżgura li pagamenti bħal dawn isiru fil-mument meta jkunu jridu jitħallsu.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għal garanziji finanzjarji

1.   L-applikant jista' jagħżel li jissodisfa talba għal garanzija finanzjarja permezz ta' pagament bil-quddiem jew arranġament kuntrattwali skont it-tifsira tal-Artikolu 2. Jekk applikant jipprovdi ħlas bil-quddiem għal imposti tal-infrastruttura, il-maniġer tal-infrastruttura ma jistax fl-istess ħin jitlob garanziji finanzjarji oħra għall-istess attivitajiet ikkontemplati.

2.   Maniġer tal-infrastruttura jista' jitlob lill-applikanti sabiex jipprovdu garanziji finanzjarji, fil-każ fejn il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-applikant tissuġġerixxi li dan jista' jkollu diffikultajiet fit-twettiq ta' pagamenti regolari għall-imposti tal-infrastruttura. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jsemmi tali klassifikazzjonijiet tal-kreditu fit-taqsima dwar il-prinċipji tat-tariffar tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tiegħu, jekk applikabbli. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jibbaża t-talba tiegħu għal garanzija finanzjarja fuq klassifikazzjonijiet li ma għandhomx aktar minn sentejn, ipprovduti minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew minn entità oħra tal-klassifikazzjoni professjonali jew tal-immarkar tal-kreditu.

3.   Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandux jitlob garanzija finanzjarja:

(a)

mill-impriża ferrovjarja nnominata jekk tkun diġà ngħatat jew tħallset garanzija finanzjarja mill-applikant, li mhuwiex impriża ferrovjarja, biex jiġu koperti pagamenti futuri għall-istess attivitajiet ikkontemplati;

(b)

jekk l-imposta tal-infrastruttura trid titħallas direttament lill-maniġer tal-infrastruttura minn awtorità kompetenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 4

Livell u tul ta' żmien tal-garanziji finanzjarji

1.   Il-livell ta' garanziji finanzjarji rigward applikant wieħed ma għandux jaqbeż l-ammont stmat ta' imposti mħallsa matul xahrejn ta' operazzjonijiet ferrovjarji mitluba.

2.   Maniġer tal-infrastruttura ma għandux jesiġi li garanzija finanzjarja tidħol fis-seħħ jew titħallas aktar minn għaxart ijiem qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih l-impriża ferrovjarja tibda l-operazzjonijiet ferrovjarji marbuta mal-imposti tal-infrastruttura li għandha tkopri din il-garanzija finanzjarja. Jekk il-kapaċità tiġi allokata wara dan iż-żmien, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jitlob il-garanzija finanzjarja b'avviż fi żmien qasir.

Artikolu 5

Kapaċità ta' preparazzjoni ta' offerti li jkunu konformi mal-kapaċità infrastrutturali

Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandux jiċħad applikazzjoni għal mogħdija ferrovjarja speċifika għar-raġuni li l-applikant ma jiggarantixxix il-kapaċità li tiġi ppreparata offerta li tkun konformi mal-kapaċità infrastrutturali, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2012/34/UE, ħlief jekk:

(a)

l-applikant ikun naqas milli jwieġeb żewġ talbiet sussegwenti li jeżiġu l-għoti tat-tagħrif nieqes jew ikun wieġeb ripetutament b'mod li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, imsemmija fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34/UE u fl-Anness IV ta' dik id-Direttiva rigward il-proċeduri ta' applikazzjoni għall-mogħdijiet tal-ferrovija, u

(b)

il-maniġer tal-infrastruttura jkun kapaċi juri b'talba tal-korp regolatorju u għas-sodisfazzjon ta' dan li jkun ħa l-passi raġjonevoli kollha biex isostni s-sottomissjoni korretta u f'waqtha tal-applikazzjonijiet.

Artikolu 6

Dispożizzjoni tranżitorja

Fejn meħtieġ, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jallinjaw id-dikjarazzjonijiet tan-netwerk tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għall-ewwel perjodu ta' skeda wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 870/2014 huwa mħassar.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mis-16 ta' Ġunju 2015 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7 li għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

(2)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 870/2014 tal-11 ta' Awwissu 2014 dwar kriterji għall-applikanti għall-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja (ĠU L 239, 12.8.2014, p. 11).

(3)  Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).