7.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/7

tas-6 ta' Jannar 2015

li jawtorizza ċertu dikjarazzjonijiet sanitarji dwar l-ikel, ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula li d-dikjarazzjonijiet sanitarji dwar l-ikel huma pprojbiti ħlief meta tawtorizzahom il-Kummissjoni skont dan ir-Regolament u jkunu inklużi f'lista ta' dikjarazzjonijiet permessi.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 (2) li jistabbilixxi lista ta' dikjarazzjonijiet sanitarji permessi dwar l-ikel, ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet sanitarji għandhom iressquhom l-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA), minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”, għal valutazzjoni xjentifika, kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-informazzjoni.

(4)

Filwaqt li tqis l-opinjoni li tagħti l-Awtorità, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tad-dikjarazzjonijiet sanitarji.

(5)

Sabiex titrawwem l-innovazzjoni, id-dikjarazzjonijiet sanitarji li jkunu jistrieħu fuq evidenza xjentifika friska u/jew li jkun fihom talba għall-protezzjoni tad-dejta riżervata għandhom jgħaddu minn tip ta' awtorizzazzjoni mgħaġġla.

(6)

Wara li Aptonia ressqet applikazzjoni skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni fuq dikjarazzjoni sanitarja relatata mal-karboidrati glikaemiċi u l-irkupru tal-funzjonament normali tal-muskoli (kontrazzjoni) wara eżerċizzju iebes (il-Mistoqsija bin-numru EFSA-Q-2013-00234) (3). Id-dikjarazzjoni proposta mill-applikant kienet tgħid: “Il-karboidrati glikaemiċi jżidu l-kompletezza tal-glikoġenu fil-muskoli wara eżerċizzju iebes”.

(7)

Fil-25 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li, abbażi tad-dejta ppreżentata, instabet relazzjoni ta' kawża u effett bejn il-konsum tal-karboidrati glikaemiċi u l-effett mistqarr. Għaldaqstant, dikjarazzjoni sanitarja li tirrifletti din il-konklużjoni għandha titqies konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u għandha tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tad-dikjarazzjonijiet permessi li jistabbilixxi r-Regolament (UE) Nru 432/2012.

(8)

Wieħed mill-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 hu li jiżgura li d-dikjarazzjonijiet sanitarji jkunu veri, ċari, affidabbli u siewja għall-konsumatur, u li għal dan il-għan jitqiesu l-mod kif jitqiegħed il-kliem u l-preżentazzjoni. Għalhekk, meta l-kliem li juża l-applikant fid-dikjarazzjonijiet ikollu l-istess tifsira għall-konsumaturi bħal dak ta' dikjarazzjoni sanitarja awtorizzata, għax ikun juri l-istess relazzjoni li hemm bejn kategorija tal-ikel, tip ta' ikel jew xi wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet tal-użu li jelenka l-Anness ta' dan ir-Regolament.

(9)

Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ir-Reġistru tad-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li fih kull dikjarazzjoni sanitarja awtorizzata għandu jiġi aġġornat biex iqis dan ir-Regolament.

(10)

Meta ġiet biex tistabbilixxi l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni qieset il-kummenti li bagħtu l-applikanti u l-membri tal-pubbliku skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

(11)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(12)

L-Istati Membri ġew ikkonsultati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dikjarazzjoni sanitarja stabbilita fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tad-dikjarazzjonijiet permessi kif jistabbilixxi l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 hu emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta' Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1).

(3)  The EFSA Journal 2013;11(10):3409.


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 tiddaħħal din l-entrata f'ordni alfabetika:

Nutriment, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel

Dikjarazzjoni

Kundizzjonijiet għall-użu tad-dikjarazzjoni

Kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet għall-użu tal-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali

In-numru tal-EFSA Journal

Numru rilevanti tal-entrata fil-Lista Konsolidata mressqa lill-EFSA għall-valutazzjoni tagħha

“Il-karboidrati

Il-karboidrati jikkontribwixxu fl-irkupru tal-funzjonament normali tal-muskoli (kontrazzjoni) wara eżerċizzju fiżiku intensiv ħafna u/jew fit-tul li jikkawża għeja fil-muskoli u tnaqqis fil-ħażniet tal-glikoġenu fil-muskoli skeletriċi.

Id-dikjarazzjoni tista' tintuża biss għall-ikel li jipprovdi karboidrati li l-bniedem jimmetabolizza (ħlief il-polioli).

Il-konsumatur għandu jiġi mgħarraf li l-effett pożittiv jinkiseb bil-konsum tal-karboidrati, minn kull sors, jekk b'kollox jittieħdu 4 g għal kull kilogramma ta' piż tal-ġisem, b'dożi, fl-ewwel 4 sigħat u mhux wara 6 sigħat, wara eżerċizzju fiżiku intensiv ħafna u/jew fit-tul, li jikkawża għeja fil-muskoli u tnaqqis fil-ħażniet tal-glikoġenu fil-muskoli skeletriċi.

Id-dikjarazzjoni għandha tintuża biss għall-ikel maħsub għal adulti li jagħmlu eżerċizzju fiżiku intensiv ħafna u/jew fit-tul li jikkawża għeja fil-muskoli u tnaqqis fil-ħażniet tal-glikoġenu fil-muskoli skeletriċi.

2013;11(10):3409”