7.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/6

tal-31 ta' Ottubru 2014

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex iqis l-evoluzzjoni tal-massa tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fl-2011, l-2012 u l-2013

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-valur tal-massa medja użat għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 għal kull karozza ġdida tal-passiġġieri, irid jiġi aġġustat kull tliet snin biex iqis kull bidla fil-massa medja tal-vetturi l-ġodda rreġistrati fl-Unjoni.

(2)

Mill-monitoraġġ tal-massa fi stat operattiv tal-vetturi l-ġodda rreġistrati fis-snin kalendarji 2011, 2012 u 2013 huwa evidenti li l-massa medja żdiedet u li ċ-ċifra M0 imsemmija fil-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 għandha għalhekk tiġi aġġustata.

(3)

Eċċezzjonalment għal dan l-aġġustament, huwa xieraq li jitqies li l-kwalità tad-dejta mmonitorjata fis-snin 2011, 2012 u 2013 kienet differenti. Għalhekk, il-valur il-ġdid għandu jiġi ddeterminat billi jitiqiesu biss dawk il-valuri tal-massa li setgħu jiġu vverifikati mill-manifatturi kkonċernati, filwaqt li jiġu esklużi mill-kalkolu l-valuri li kienu ovvjament mhux korretti, jiġifieri l-valuri li huma aktar minn 2 840 kg jew anqas minn 500 kg, kif ukoll il-valuri relatati mal-vetturi li ma kinux jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 443/2009. Barra minn hekk, il-valur il-ġdid huwa bbażat fuq il-medja ponderata billi jitqies l-għadd ta' reġistrazzjonijiet ġodda f'kull sena ta' referenza.

(4)

F'dan l-isfond, il-valur M0 li jrid jiġi applikat mill-1 ta' Jannar 2016 għandu jiżdied b'20,4 kg minn 1 372,0 għal 1 392,4,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Mill-2016:

L-emissjoni speċifika ta' CO2 = 130 + a × (M – M0)

Fejn:

M

=

il-massa tal-vettura f'kilogrammi (kg)

M0

=

1 392,4

a

=

0,0457”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.