21.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/30


LINJA GWIDA (UE) 2016/65 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Novembru 2015

dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikoli 9.2, 12.1, 14.3, 18.2, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f'operazzjonijiet ta' kreditu, inklużi l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta' kollateral għall-finijiet ta' operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60). (1)

(2)

Sabiex l-Eurosistema tiġi mħarsa kontra r-riskju ta' telf finanzjarju f'każ ta' inadempjenza ta' kontroparti, assi eliġibbli mmobilizzati bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri ta' kontroll tar-riskju stipulati fit-Titolu VI tal-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60).

(3)

L-implimentazzjoni ta' reviżjonijiet ta' haircuts fil-valutazzjoni għandha tibbenefika jekk id-dispożizzjonijiet relevanti jkunu jinsabu f'att legali separat. Dan għandu jippermetti li l-parametri tal-kontroll tar-riskji jiġi pprovdut b'mod kumpatt u kontenut fih innifsu u jippermetti li tkun aktar effiċjenti l-implimentazzjoni ta' emendi għall-qafas relevanti fil-pront ladarba d-deċiżjonijiet korrispondenti jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv.

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Haircuts fil-valutazzjoni applikati għal assi negozjabbli eliġibbli

1.   Skont it-Titolu VI tal-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), assi negozjabbli għandhom ikunu soġġetti għal haircuts fil-valutazzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(97) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), fil-livelli stipulati fit-Tabella 2 fl-Anness għal din il-Linja Gwida.

2.   Il-haircut fil-valutazzjoni għal assi speċifiku tiddependi fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-kategorija tal-haircut li għaliha jiġi allokat l-assi, kif iddefinit fl-Artikolu 2;

(b)

il-maturità residwa tal-assi;

(c)

l-istruttura tal-kupun tal-assi;

(d)

il-pass tal-kwalità tal-kreditu li għalih huwa allokat l-assi.

Artikolu 2

Determinazzjoni tal-kategoriji ta' haircut għal assi negozjabbli

Assi negozjabbli eliġibbli għandhom jiġu allokati għal waħda mill-ħames kategoriji ta' haircut, ibbażati fuq it-tip ta' emittent u/jew it-tip ta' assi, kif rifless fit-Tabella 1 fl-Anness għal din il-Linja Gwida:

(a)

Strumenti ta' dejn maħruġin minn gvernijiet ċentrali, ċertifikati ta' dejn tal-BĊE u ċertifikati ta' dejn maħruġin mill-BĊNi qabel id-data tal-adozzjoni tal-euro fl-Istat Membru rispettiv tagħhom li l-munita tiegħu hija l-euro huma inklużi fil-kategorija ta' haircut.

(b)

Strumenti ta' dejn maħruġin mill-gvern lokali u reġjonali, entitajiet ikklassifikati bħala aġenziji mill-Eurosistema, banek ta' żvilupp multilaterali u organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll bonds koperti jumbo, huma inklużi fil-kategorija ta' haircut II;

(c)

bonds koperti tradizzjonali, bonds koperti oħra u strumenti ta' dejn maħruġa minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji huma inklużi fil-kategorija ta' haircut III;

(d)

strumenti ta' dejn mhux assigurati maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu u minn korporazzjonijiet finanzjarji minbarra istituzzjonijiet ta' kreditu huma inklużi fil-kategorija ta' haircut IV;

(e)

titoli ggarantiti minn assi huma inklużi fil-kategorija V, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tal-emittent.

Artikolu 3

Haircuts fil-valutazzjoni għall-assi negozjabbli

1.   Il-haircuts fil-valutazzjoni għal assi negozjabbli allokati għall-kategoriji ta' haircut I sa IV għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta':

(a)

l-allokazzjoni tal-assi speċifiku għall-pass ta' kwalità tal-kreditu 1, 2 jew 3 kif iddettaljat fit-Tabella 2 fl-Anness għan din il-Linja Gwida;

(b)

il-maturità residwa tal-assi kif iddettaljata fil-paragrafi 3 u 4;

(c)

l-istruttura tal-kupun tal-assi kif iddettaljata fil-paragrafi 3 u 4.

2.   Assi negozjabbli allokati għall-kategorija ta' haircut V għandhom ikunu suġġetti għal haircut ta' valutazzjoni ta' 10 %, irrispettivament mill-maturità residwa jew l-istruttura tal-kupun.

3.   Għal assi b'kupuni żero jew fissi, il-maturità relevanti sabiex tiġi applikata l-haircut fil-valutazzjoni għandha tkun il-maturità residwa tal-assi.

4.   Għal assi b'kupuni varjabbli, il-haircut fil-valutazzjoni għandha tkun ugwali għall-haircut fil-valutazzjoni applikata għal assi negozjabbli b'kupun fiss b'maturità residwa minn żero sa sena, ħlief fil-każijiet li ġejjin u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2.

(a)

Kupuni varjabbli b'perijodi ta' risettjar ta' aktar minn sena għandhom jiġu ttrattati bħala kupuni b'rata fissa u l-maturità relevanti sabiex jiġi applikat il-haircut fil-valutazzjoni għandha tkun il-maturità residwa tal-assi.

(b)

Il-maturità residwa sabiex tiġi applikata l-haircut fil-valutazzjoni għal kupuni varjabbli li jkollhom indiċi ta' inflazzjoni taż-żona tal-euro bħala rata ta' referenza għandha tkun il-maturità residwa tal-assi.

(c)

Il-haircut fil-valutazzjoni applikata għal assi li jkollhom aktar minn tip wieħed ta' struttura ta' kupun għandhom jiddependu biss fuq l-istruttura tal-kupun fis-seħħ matul il-ħajja li jkun fadal tal-assi u għandha tkun ugwali għall-ogħla haircut applikabbli għal assi negozjabbli bl-istess maturità residwa u l-istess pass ta' kwalità tal-kreditu. Kull tip ta' struttura ta' kupun fis-seħħ matul il-ħajja li jkun fadal tal-assi jista' jiġi kkunsidrat għal dan l-iskop.

Artikolu 4

Haircuts fil-valutazzjoni addizzjonali applikati għal tipi speċifiċi ta' assi negozjabbli

Minbarra l-haircuts fil-valutazzjoni stipulati fl-Artikolu 3 ta' din il-Linja Gwida, il-haircuts fil-valutazzjoni addizzjonali li ġejjin għandhom japplikaw għal tipi speċifiċi ta' assi negozjabbli:

(a)

titoli ggarantiti minn assi, bonds koperti u strumenti tad-dejn mhux garantiti maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu li huma vvalutati teoretikament skont ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 134 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) għandhom ikunu suġġetti għal haircut fil-valutazzjoni addizzjonali fil-forma ta' tnaqqis fil-valutazzjoni ta' 5 %.

(b)

bonds koperti għall-użu proprju għandhom ikunu soġġetti għal haircut fil-valutazzjoni addizzjonali ta' (i) 8 % applikata għall-valur tal-istrumenti tad-dejn allokati għall-passi tal-kwalità tal-kreditu 1 u 2, u (ii) 12 % applikata għall-valur tal-istrumenti tad-dejn allokati għall-pass tal-kwalità tal-kreditu 3;

(c)

għall-finijiet tal-paragrafu (b), “użu proprju” għandha tfisser is-sottomissjoni jew l-użu minn kontroparti ta' bonds koperti li jkunu maħruġa jew iggarantiti mill-kontroparti nfisha jew minn xi entità oħra li magħha dik il-kontroparti jkollha rabtiet mill-qrib kif iddeterminat skont l-Artikolu 138 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(d)

jekk il-haircut fil-valutazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu (b) ma tkunx tista' tiġi applikata fir-rigward ta' sistema ta' ġestjoni ta' kollateral ta' BĊN, aġent tripartit, jew Titoli TARGET2 għal awtokollateralizzazzjoni, il-haircut fil-valutazzjoni addizzjonali għandha tiġi applikata f'dawk is-sistemi jew pjattaforma għall-valur tal-ħruġ sħiħ tal-bonds koperti li jistgħu jintużaw għal użu proprju.

Artikolu 5

Haircuts fil-valutazzjoni applikati għal assi mhux negozjabbli eliġibbli

1.   Pretensjonijiet ta' kreditu individwali b'rata fissa ta' ħlas ta' imgħax u pretensjonijiet ta' kreditu b'rata ta' ħlasijiet tal-imgħax marbuta mar-rata tal-inflazzjoni għandhom ikunu suġġetti għal haircuts fil-valutazzjoni speċifiċi ddeterminati skont il-maturità residwa, il-pass tal-kwalità tal-kreditu u l-metodoloġija tal-valutazzjoni applikata mill-BĊN, kif stabbilita fit-Tabella 3 fl-Anness għal din il-Linja Gwida.

2.   Pretensjonijiet ta' kreditu individwali b'rata ta' imgħax varjabbli għandhom ikunu suġġetti għall-haircut fil-valutazzjoni applikata għall-pretensjonijiet ta' kreditu b'rata ta' imgħax fissa kklassifikata bħala li għandha maturità residwa minn żero sa sena li jikkorrispondu mal-istess pass ta' kwalità tal-kreditu u l-istess metodoloġija ta' valutazzjoni kif applikata mill-BĊN. Ħlas ta' imgħax għandu jiġi ttrattat bħala ħlas b'rata varjabbli jekk ikun marbut ma' rata ta' imgħax ta' referenza u l-perijodu ta' risettjar li jikkorrespondi ma' dan il-ħlas ma jkunx itwal minn sena. Ħlasijiet ta' imgħax li għalihom il-perijodu ta' risettjar ikun itwal minn sena għandhom jiġu ttrattati bħala ħlasijiet b'rata fissa, bil-maturità rilevanti għall-haircut tkun il-maturità residwa tal-pretensjoni ta' kreditu.

3.   Il-haircut fil-valutazzjoni applikat għal talba ta' kreditu b'iktar minn tip wieħed ta' ħlas ta' imgħax għandu jiddependi biss minn ħlasijiet tal-imgħax matul il-ħajja li jkun fadal tat-talba ta' kreditu. Jekk ikun hemm aktar minn tip wieħed ta' ħlas ta' imgħax matul il-ħajja li jkun fadal tat-talba ta' kreditu, il-ħlasijiet tal-imgħax li jibqa' għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħlasijiet b'rata fissa, bil-maturità rilevanti għall-haircut tkun il-maturità residwa tat-talba ta' kreditu.

4.   Għal pretensjonijiet ta' kreditu b'kupun żero, għandha tapplika l-haircut fil-valutazzjoni korrispondenti tal-pretensjoni ta' kreditu b'imgħax fiss.

5.   Strumenti ta' dejn iggarantiti b'ipoteki bl-imnut mhux negozjabbli għandhom ikunu suġġetti għal haircut fil-valutazzjoni ta' 39,5 %.

6.   Depożiti għal terminu fiss m'għandhomx ikunu soġġetti għal haircuts fil-valutazzjoni.

7.   Kull pretensjoni ta' kreditu sottostanti inkluża fl-aggregazzjoni ta' kopertura ta' strument ta' dejn mhux negozjabbli ggarantiti bi pretensjonijiet ta' kreditu eliġibbli (iktar 'il quddiem “DECC”) għandha tkun soġġetta għal haircut ta' valutazzjoni applikata f'livell individwali skont ir-regoli stipulati fil-paragrafi 1 sa 4 iktar 'il fuq. Il-valur aggregat tal-pretensjonijiet ta' kreditu sottostanti inklużi fl-aggregazzjoni ta' kopertura wara l-applikazzjoni ta' haircuts fil-valutazzjoni għandu, f'kull mument, jibqa' ekwivalenti għal jew 'il fuq mill-valur tal-ammont prinċipali tad-DECC li jkun pendenti. Jekk il-valur aggregat jaqa' taħt il-livell minimu msemmi fis-sentenza preċedenti, id-DECC għandu jiġi vvalutat bħala żero.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-25 ta' Jannar 2016. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-5 ta' Jannar 2016.

Artikolu 7

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).


ANNESS

Tabella 1

Kategoriji ta' haircuts għal assi negozjabbli eliġibbli bbażati fuq it-tip ta' emittent u/jew it-tip ta' assi

Kategorija I

Kategorija II

Kategorija III

Kategorija IV

Kategorija V

strumenti ta' dejn maħruġa mill-gvernijiet ċentrali

ċertifikati ta' dejn tal-BĊE

ċertifikati ta' dejn maħruġa minn BĊNi qabel id-data tal-adozzjoni tal-euro fl-Istat Membru rispettiv

strumenti ta' dejn maħruġa minn gvernijiet lokali u reġjonali

strumenti ta' dejn maħruġa mill-entitajiet ikklassifikati bħala aġenziji mill-Eurosistema

strumenti ta' dejn maħruġa minn banek multilaterali tal-iżvilupp u organizzazzjonijiet internazzjonali

bonds koperti jumbo

bonds koperti tradizzjonali u bonds koperti oħra

strumenti ta' dejn maħruġa minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji

strumenti ta' dejn mhux garantiti maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu

strumenti ta' dejn mhux garantiti maħruġin minn korporazzjonijiet finanzjarji li ma jkunux istituzzjonijiet ta' kreditu

titoli ggarantiti minn assi


Tabella 2

Livelli ta' haircuts fil-valutazzjoni applikati għal assi negozjabbli eliġibbli

 

Kategoriji ta' haircuts

Kwalità tal-kreditu

Maturità residwa (snin) (*)

Kategorija I

Kategorija II

Kategorija III

Kategorija IV

Kategorija V

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

 

Passi 1 u 2

[0-1)

0,5

0,5

1,0

1,0

1,0

1,0

6,5

6,5

10,0

[1-3)

1,0

2,0

1,5

2,5

2,0

3,0

8,5

9,0

[3-5)

1,5

2,5

2,5

3,5

3,0

4,5

11,0

11,5

[5-7)

2,0

3,0

3,5

4,5

4,5

6,0

12,5

13,5

[7-10)

3,0

4,0

4,5

6,5

6,0

8,0

14,0

15,5

[10, ∞)

5,0

7,0

8,0

10,5

9,0

13,0

17,0

22,5

 

Kategoriji ta' haircuts

Kwalità tal-kreditu

Maturità residwa (snin) (*)

Kategorija I

Kategorija II

Kategorija III

Kategorija IV

Kategorija V

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

kupun fiss

kupun żero

 

Pass 3

[0-1)

6,0

6,0

7,0

7,0

8,0

8,0

13,0

13,0

Mhux eliġibbli

[1-3)

7,0

8,0

10,0

14,5

15,0

16,5

24,5

26,5

[3-5)

9,0

10,0

15,5

20,5

22,5

25,0

32,5

36,5

[5-7)

10,0

11,5

16,0

22,0

26,0

30,0

36,0

40,0

[7-10)

11,5

13,0

18,5

27,5

27,0

32,5

37,0

42,5

[10,∞)

13,0

16,0

22,5

33,0

27,5

35,0

37,5

44,0


Tabella 3

Livelli tal-haircuts fil-valutazzjoni applikati għall-pretensjonijiet ta' kreditu b'pagamenti ta' imgħax fiss

 

Metodoloġija ta' valutazzjoni

Kwalità tal-kreditu

Maturità residwa (snin) (**)

Pagament ta' imgħax fiss u valutazzjoni bbażata fuq prezz teoretiku assenjat mill-BĊN

Pagament fiss ta' imgħax u valutazzjoni bbażata skont l-ammont pendenti assenjat mill-BĊN

passi 1 u 2

[0-1)

10,0

12,0

[1-3)

12,0

16,0

[3-5)

14,0

21,0

[5-7)

17,0

27,0

[7-10)

22,0

35,0

[10, ∞)

30,0

45,0

 

Metodoloġija ta' valutazzjoni

Kwalità tal-kreditu

Maturità residwa (snin) (**)

Pagament ta' imgħax fiss u valutazzjoni bbażata fuq prezz teoretiku assenjat mill-BĊN

Pagament fiss ta' imgħax u valutazzjoni bbażata skont l-ammont pendenti assenjat mill-BĊN

stadju 3

[0-1)

17,0

19,0

[1-3)

29,0

34,0

[3-5)

37,0

46,0

[5-7)

39,0

52,0

[7-10)

40,0

58,0

[10, ∞)

42,0

65,0


(*)  i.e. [0-1) maturità residwa ta' inqas minn sena, [1-3) maturità residwa ta' sena jew aktar u inqas minn tliet snin, eċċ.

(**)  i.e. [0-1) maturità residwa ta' inqas minn sena, [1-3) maturità residwa ta' sena jew aktar u inqas minn tliet snin, eċċ.