18.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/126


DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2392

tas-17 ta' Diċembru 2015

dwar ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam ma' rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti ta' ksur attwali jew potenzjali ta' dan ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1) u b'mod partikulari l-Artikolu 32(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Persuni li jirrappurtaw ksur attwali jew potenzjali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 (informaturi) lil-awtoritajiet kompetenti jistgħu jressqu informazzjoni ġdida għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u jassistu lil dawn tal-aħħar biex jidentifikaw u jimponu sanzjonijiet għal reati ta' abbuż tas-suq. Madankollu, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta dwar ksur jista' jiġi ostakolat minħabba biża' ta' ritaljazzjoni, diskriminazzjoni jew żvelar ta' dejta personali. Arranġamenti adegwati dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huma għalhekk meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni ġenerali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali ta' dawk li jiżvelaw l-informazzjoni u l-persuni akkużati. Persuni li konxjament jirrappurtaw informazzjoni ħażina jew li tiżgwida lill-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx jitqiesu bħala informaturi u għalhekk ma għandhomx igawdu mill-mekkaniżmi ta' protezzjoni.

(2)

Rappurtar anonimu għandu jkun permess mill-awtoritajiet kompetenti u l-mekkaniżmi ta' protezzjoni ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll meta informatur anonimu jiddeċiedi li jikxef l-identità tiegħu lill-awtorità kompetenti fi stadju aktar tard. L-informaturi għandhom ikunu ħielsa li jirrappurtaw jew permezz ta' proċeduri interni, fejn tali proċeduri jeżistu, jew direttament lill-awtorità kompetenti.

(3)

Membri tal-persunal dedikat tal-awtoritajiet kompetenti, li huma mħarrġa b'mod professjonali, inkluż dwar regoli applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta, jkunu neċessarji sabiex jittrattaw rapporti ta' ksur tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u biex jiżguraw komunikazzjoni mal-persuna li qiegħda tirrapporta, kif ukoll biex issegwu r-rapport b'mod xieraq.

(4)

Persuni li huma intenzjonati li jirrappurtaw ksur attwali jew potenzjali ta' Regolament (UE) Nru 596/2014 għandhom ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar jekk, kif u meta jirrappurtaw. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu pubblika u faċilment aċċessibli l-informazzjoni dwar il-mezzi ta' komunikazzjoni disponibbli mal-awtoritajiet kompetenti, dwar il-proċeduri applikabbli u dwar il-membri tal-persunal dedikat fi ħdan l-awtorità li jittrattaw rapporti ta' ksur. L-informazzjoni kollha dwar rapporti ta' ksur għandha tkun trasparenti, tinftiehem faċilment u affidabbli sabiex tippromwovi u mhux tiskoraġġixxi r-rappurtar ta' ksur.

(5)

Sabiex tkun possibbli komunikazzjoni effettiva mal-persunal dedikat tagħhom, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom fis-seħħ u jużaw diversi mezzi ta' komunikazzjoni li għandhom jkunu faċli biex jintużaw mill-utent u jippermettu komunikazzjoni bil-miktub u orali, kif ukoll elettronika u mhux elettronika.

(6)

Huwa importanti li l-proċeduri għall-protezzjoni tal-persuni li jaħdmu b'kuntratt ta' impjieg, irrispettivament min-natura tar-relazzjoni ta' xogħol tagħhom u jekk humiex imħallsa jew le, li jirrappurtaw jew jiġu akkużati bi ksur tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jipproteġu lil dawn il-persuni kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni jew tipi oħra ta' trattament inġust dirett jew indirett. Trattament inġust jista' jieħu forom differenti skont iċ-ċirkostanzi. Għalhekk każijiet individwali għandhom jiġu vvalutati permezz ta' regoli ta' riżoluzzjoni ta' tilwim jew proċeduri ġudizzjarji disponibbli skont il-liġi nazzjonali.

(7)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom proċeduri stabbiliti ta' protezzjoni adegwata għall-ipproċessar ta' rapporti ta' ksur u d-dejta personali tan-nies rrappurtati. Proċeduri bħal dawn għandhom jiżguraw li l-identità ta' kull min jirrapporta jew jiġi rrappurtat tkun protetta fl-istadji kollha tal-proċedura. Dan l-obbligu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-obbligu ta' żvelar ta' informazzjoni meta dan ikun meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali u suġġett għal salvagwardji adatti skont dawn il-liġijiet, inkluż fil-kuntest ta' investigazzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji jew biex tissalvagwardja l-libertajiet ta' oħrajn, inklużi d-drittijiet ta' difiża tal-persuna rappurtata.

(8)

Huwa ferm importanti u neċessarju li persunal dedikat tal-awtorità kompetenti u l-membri tal-persunal tal-awtorità kompetenti li jirċievu aċċess għall-informazzjoni pprovduta minn persuna li tirrapporta lill-awtorità kompetenti jikkonformaw mal-obbligu ta' segretezza professjonali u l-kunfidenzjalità meta jittrażmettu id-dejta kemm ġewwa kif ukoll barra mill-awtorità kompetenti, inkluż fejn awtorità kompetenti tiftaħ investigazzjoni jew inkjesta jew attivitajiet sussegwenti ta' infurzar b'rabta mar-rapport ta' ksur.

(9)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jżommu r-rekords xierqa kollha ta' rapporti ta' ksur u li kull rapport jista' jiġi rkuprat fl-awtorità kompetenti u li l-informazzjoni mwassla permezz ta' rapporti tista' tintuża bħala evidenza f'azzjonijiet ta' infurzar fejn xieraq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 95/46/KE.

(10)

Il-protezzjoni tad-dejta personali tal-persuna li tirrapporta u ta' dik li tiġi rrapportata hija kruċjali sabiex jiġi evitat trattament inġust jew danni għar-reputazzjoni minħabba l-iżvelar ta' dejta personali, partikolarment dejta li tikxef l-identità ta' persuna kkonċernata. Għalhekk, minbarra l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu proċeduri adegwati għall-protezzjoni tad-dejta li jkunu orjentati speċifikament lejn il-protezzjoni tal-persuna li tirrapporta u ta' dik li tiġi rrapportata li għandha tinkludi sistema sigura fl-awtorità kompetenti bi drittijiet ta' aċċess limitat għal persunal awtorizzat biss.

(11)

Trażmissjoni ta' dejta personali marbuta ma' rapporti ta' ksur mill-awtorità kompetenti tista' tkun meħtieġa biex jiġi evalwat rapport ta' ksur u biex titwettaq l-investigazzjoni meħtieġa u azzjonijiet ta' infurzar. Meta jittrażmettu dejta fl-awtorità kompetenti jew lil partijiet terzi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu l-kunfidenzjalità sa fejn l-aktar possibbli skont il-liġi nazzjonali.

(12)

Id-drittijiet tal-persuna rappurtata akkużata bi ksur tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandhom jiġu protetti sabiex jkunu evitati danni għar-reputazzjoni jew konsegwenzi negattivi oħra. Barra minn hekk, id-drittijiet tad-difiża u l-aċċess għal rimedji tal-persuna rappurtata għandhom jiġu rrispettati b'mod sħiħ f'kull stadju tal-proċedura wara r-rapport. L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-dritt ta' difiża tal-persuna rappurtata, inkluż id-dritt għal aċċess għall-fajl, id-dritt għal smigħ xieraq u d-dritt li tfittex rimedju effettiv kontra deċiżjoni li tikkonċerna persuna rappurtata skont il-proċeduri applikabbli stabbiliti mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta' investigazzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti.

(13)

Reviżjoni regolari u tal-inqas biannwali (darba kull sentejn) tal-proċeduri tal-awtoritajiet kompetenti għandha tiggarantixxi li dawn il-proċeduri jkunu adegwati u tal-ogħla livell, u b'hekk jkunu qegħdin iservu l-iskop tagħhom. Għal dan l-għan, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti jevalwaw l-esperjenzi tagħhom u jaqsmu esperjenzi u prattiki tajba ma' awtoritajiet kompetenti oħra.

(14)

Minħabba li regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tal-informaturi jagħmluha aktar diffiċli għall-Istati Membri biex jiżguraw kompatibilità u tħaddim tajjeb mas-sistemi nazzjonali tagħhom, inklużi aspetti istituzzjonali, proċedurali u amministrattivi, ċerta flessibilità hija meħtieġa għall-att ta' implimentazzjoni. Tali flessibbiltà tkun tista' tinkiseb l-aħjar permezz ta' direttiva, aktar milli b'regolament u għalhekk direttiva tidher li hija l-aktar strument xieraq sabiex jippermetti lill-Istati Membri sabiex jadattaw ir-reġim ta' rapportar ta' ksur b'mod effiċjenti fis-sistemi nazzjonali tagħhom inkluż il-qafas istituzzjonali.

(15)

Minħabba l-fatt li r-Regolament (UE) Nru 596/2014 jidħol fis-seħħ fit-3 ta' Lulju 2016, huwa xieraq li l-Istati Membri jittrasponu u japplikaw dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva mit-3 ta' Lulju 2016.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropej tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

IS-SUĠĠETT U D-DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Is-Suġġett

Din id-Direttiva tistabillixxi regoli li jispeċifikaw il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, li jinkludi l-arranġamenti għar-rappurtar u għas-segwitu ta' rapporti, u miżuri għall-protezzjoni tal-persuni li jaħdmu b'kuntratt ta' impjieg u miżuri għall-protezzjoni tad-dejta personali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(1)

“persuna li qed tirrapporta” tfisser persuna li tirrapporta ksur attwali jew potenzjali tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 lill-awtorità kompetenti;

(2)

“persuna rrapurtata” tfisser persuna li tkun akkużata li wettqet, jew li għandha l-intenzjoni li twettaq, ksur tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 mill-persuna li qed tirrapporta;

(3)

“rapport ta' ksur” tfisser rapport preżentat mill-persuna li qed tirrapporta lill-awtorità kompetenti rigward ksur attwali jew potenzjali tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

KAPITOLU II

PROĊEDURI TA' KIF GĦANDHOM JASLU R-RAPPORTI DWAR KSUR U GĦAS-SEGWITU TAGĦHOM

Artikolu 3

Membri tal-persunal dedikat

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom membri tal-persunal dedikat għat-trattament ta' rapporti ta' ksur (“membri tal-persunal dedikat”). Il-membri tal-persunal dedikat għandhom ikunu mħarrġa apposta għall-iskopijiet tat-trattament ta' rapporti ta' ksur.

2.   Il-membri tal-persunal dedikat għandhom jeżerċitaw l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

jipprovdu lil kwalunkwe persuna interessata b'informazzjoni dwar il-proċeduri għar-rappurtar ta' ksur;

(b)

jirċievu u jsegwu rapporti ta' ksur;

(c)

jżommu kuntatt mal-persuna li qed tirrapporta meta din tal-aħħar tkun identifikat ruħha.

Artikolu 4

Proċeduri ta' kif għandhom jaslu r-rapporti ta' ksur u għas-segwitu tagħhom

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw fuq il-websajts tagħhom b'mod separat, faċilment identifikabbli u aċċessibbli taqsima għall-informazzjoni dwar it-twassil ta' rapporti ta' ksur stabbilit fil-paragrafu 2.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-mezzi ta' komunikazzjoni biex jirċievu u jsegwu r-rapporti ta' ksur u biex jikkuntattjaw lil membri tal-persunal dedikat f'konformità mal-Artikolu 6(1), jinkludu:

(1)

in-numri tat-telefown, b'indikazzjoni dwar jekk il-konverżazzjonijiet humiex rreġistrati jew mhux irreġistrati meta jiġu wżati dawk linji tat-telefown;

(2)

indirizzi postali u elettroniċi apposta, li jkunu siguri u li jiżguraw il-kunfidenzjalità, sabiex jkunu ikkuntatjati membri tal-persunal dedikati;

(b)

il-proċeduri applikabbli għal rapporti ta' ksur imsemmija fl-Artikolu 5;

(c)

ir-reġim ta' kunfidenzjalità applikabbli għal rapporti ta' ksur f'konformità mal-proċeduri applikabbli għal rapporti ta' ksur imsemmija fl-Artikolu 5;

(d)

il-proċeduri għall-protezzjoni ta' persuni li jaħdmu b'kuntratt ta' impjieg;

(e)

dikjarazzjoni li tispjega b'mod ċar li persuni li jqiegħdu informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 m'għandhomx jitqiesu li jkunu qiegħdin jiksru xi restrizzjoni dwar l-iżvelar tal-informazzjoni imposta b'kuntratt jew b'xi dispożizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva, u m'għandhomx jkunu involuti fl-ebda tip ta' responsabbiltà relatata ma' dan l-iżvelar.

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippubblikaw fuq il-websajts tagħhom informazzjoni aktar dettaljata dwar it-twassil u s-segwitu ta' ksur stipulati fil-paragrafi 2.

Artikolu 5

Proċeduri applikabbli għar-rapporti ta' ksur

1.   Il-proċeduri applikabbli għar-rapporti ta' ksur imsemmija fl-Artikolu 4(2)(b) għandhom jindikaw b'mod ċar l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

li r-rapporti ta' ksur jistgħu wkoll jiġu ppreżentati b'mod anonimu;

(b)

il-mod li bih l-awtorità kompetenti tista' titlob lill-persuna li qed tirrapporta biex tiċċara l-informazzjoni rrappurtata jew biex tipprovdi aktar informazzjoni li tkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li qed tirrapporta;

(c)

it-tip, il-kontenut u l-perjodu ta' żmien meħtieġ għal-feedback dwar ir-riżultati tar-rapport ta' ksur li persuna li qed tirrapporta tista' tistenna wara r-rappurtar;

(d)

ir-reġim ta' kunfidenzjalità applikabbli għal rapporti ta' ksur, inkluż deskrizzjoni dettaljata taċ-ċirkostanzi li taħthom dejta kunfidenzjali tal-persuna li qed tirrapporta tista' tiġi żvelata f'konformità mal-Artikoli 27, 28 u 29 tar- Regolament (UE) Nru 596/2014.

2.   Id-deskrizzjoni dettaljata msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tiżgura l-għarfien tal-persuna li qed tirrapporta dwar każijiet eċċezzjonali li fihom il-kunfidenzjalità tad-dejta ma tistax tiġi żgurata, inkluż fejn l-iżvelar ta' dejta huwa obbligu meħtieġ u proporzjonat skont liġi tal-Unjoni jew nazzjonali fil-kuntest ta' investigazzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti jew biex tissalvagwardja l-libertajiet ta' oħrajn inkluż id-dritt ta' difiża tal-persuna rappurtata, u f'kull każ suġġett għal salvagwardji xierqa skont dawn il-liġijiet.

Artikolu 6

Mezzi ta' komunikazzjoni dedikati

1.   Ll-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti u awtonomi, li huma kemm siguri u kif ukoll jiżguraw il-kunfidenzjalità, biex jirċievu u jsegwu ir-rappurtar ta' ksur (“mezzi ta' komunikazzjoni dedikati”).

2.   Mezzi ta' komunikazzjoni dedikati għandhom jitqiesu indipendenti u awtonomi, bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

huma separati mill-mezzi ta' komunikazzjoni ġenerali tal-awtorità kompetenti, inklużi dawk li permezz tagħhom l-awtorità kompetenti tikkomunika internament u mal-partijiet terzi fl-andament normali tan-negozju tagħha;

(b)

huma mfassla, stabbiliti u operati b'mod li jiżgura l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u jipprevjeni l-aċċess għal membri tal-persunal mhux awtorizzati tal-awtorità kompetenti;

(c)

jippermettu l-ħażna ta' informazzjoni durabbli f'konformità mal-Artikolu 7 biex jippermettu għal aktar investigazzjonijiet.

3.   Il-mezzi ta' komunikazzjoni dedikati għandhom jippermettu r-rappurtar ta' ksur attwali jew potenzjali f'tal-inqas f'kull metodu minn dawn li ġejjin:

(a)

rapport bil-miktub ta' ksur f'format elettroniku jew bil-miktub;

(b)

rapport orali ta' ksur permezz tal-linji tat-telefown, kemm jekk irreġistrati jew mhux irreġistrati;

(c)

laqgħa fiżika mal-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 lil-persuna li qed tirrapporta qabel ma tirċievi r-rapport ta' ksur, jew mhux aktar tard mill-mument meta tirċievih.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li rapport ta' ksur riċevut b'mezzi oħra li mhumiex il-mezzi ta' komunikazzjoni dedikati msemmija f'dan l-Artikolu jkun minnufih mgħoddi mingħajr modifika lil-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti bl-użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni dedikati.

Artikolu 7

Iż-żamma ta' rekords tar-rapporti riċevuti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jżommu rekords ta' kull rapport ta' ksur riċevut.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrikonoxxu l-wasla ta' rapporti ta' ksur bil-miktub permezz tal-indirizz postali jew l-indirizz elettroniku indikat mill-persuna li qed tirrapporta, sakemm il-persuna li qed tirrapporta espliċitament ma titlobx mod ieħor jew l-awtorità kompetenti raġonevolment ma taħsibx li r-rikonoxximent tal-wasla ta' rapport bil-miktub ikollu r-riskju li jippreġudika l-protezzjoni tal-identità' tal-persuna li qed tirrapporta.

3.   Fejn linja tat-telefown reġistarta tiġi użata għar-rappurtar ta' ksur, l-awtorità kompetenti għandu jkollha d-dritt li tiddokumenta r-rapportar orali fil-forma ta':

(a)

reġistrazzjoni awdjo tal-konverżazzjoni f' forma li tista' tiġi irkuprata u li hi durabbli, jew

(b)

traskrizzjoni preċiża u kompleta tal-konverżazzjoni ppreparata mill-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti. F'każijiet fejn il-persuna li qed tirrapporta tkun żvelat l-identità tagħha, l-awtorità kompetenti għandha toffri l-possibbiltà lill-persuna li qed tirrapporta li tivverifika, tikkoreġi u taqbel mat-traskrizzjoni tat-telefonata billi tiffirmha.

4.   Meta linja tat-telefon mhux reġistrata tiġi użata għar-rappurtar ta' ksur, l-awtorità kompetenti għandha jkollha d-dritt li tiddokumenta r-rapportar orali fil-forma ta' minuti preċiżi tal-konversazzjoni preparati mill-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti. F'każijiet fejn il-persuna li qed tirrapporta tkun żvelat l-identità tagħha, l-awtorità kompetenti għandha toffri l-possibbiltà lill-persuna li qed tirrapporta li tivverifika, tikkoreġi u taqbel mal-minuti tat-telefonata billi tiffirmahom.

5.   Meta persuna titlob laqgħa fiżika mal-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti biex tirrapporta ksur skont l-Artikolu 6(3)(c), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li rekords kompluti u akkurati tal-laqgħa huma miżmuma f'forma li tista' tiġi rkuprata u li hi durabbli. Awtorità kompetenti għandha jkollha d-dritt li tiddokumenta r-rekords tal-laqgħa fiżika fil-forma ta':

(a)

reġistrazzjoni awdjo tal-konverżazzjoni f' forma li tista' tiġi irkuprata u li hi durabbli; jew

(b)

minuti preċiżi tal-laqgħa preparati mill-membri tal-persunal dedikat tal-awtorità kompetenti. F'każijiet fejn il-persuna li qed tirrapporta tkun żvelat l-identità tagħha, l-awtorità kompetenti għandha toffri l-possibbiltà lill-persuna li qed tirrapporta li tivverifika, tikkoreġi u taqbel mal-minuti tal-laqgħa billi tiffirmahom.

Artikolu 8

Protezzjoni ta' persuni li jaħdmu b'kuntratt ta' impjieg

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri li jiżguraw skambju effettiv ta' informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe awtorità rilevanti oħra involuta fil-protezzjoni ta' persuni li jaħdmu b'kuntratt ta' impjieg, li jirrappurtaw ksur tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 lill-awtorità kompetenti jew jiġu akkużati b' tali ksur, kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni jew tipi oħrajn ta' trattamenti inġusti, li jkunu ġejja mir-rapportar ta' ksur tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew b'konnessjoni miegħu.

2.   Il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw mill-inqas dan li ġej:

(a)

persuni li qed jirrappurtaw ikollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva u parir dwar ir-rimedji u l-proċeduri disponibbli taħt il-liġi nazzjonali li jipproteġuhom kontra trattament inġust, inkluż dwar il-proċeduri għal talba ta' kumpens fi flus;

(b)

persuni li qed jirrappurtaw ikollhom aċċess għal għajnuna mill-awtoritajiet kompetenti quddiem kwalunkwe awtorità rilevanti involuta fil-protezzjoni tagħhom kontra trattament inġust, inkluż billi tiċċertifika l-kundizzjoni tal-informatur tal-persuna li qed tirrapporta f'tilwim dwar l-impjieg.

Artikolu 9

Proċeduri tal-protezzjoni tad-dejta personali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jżommu r-rekords imsemmija fl-Artikolu 7 f'sistema kunfidenzjali u sigura.

2.   Aċċess għas-sistema msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għal restrizzjonijiet li jiżguraw li d-dejta maħżuna fiha hija disponibbli biss għall-membri tal-persunal tal-awtorità kompetenti li għalihom l-aċċess għal din id-dejta huwa meħtieġ biex iwettqu d-dmirijiet professjonali tagħhom.

Artikolu 10

Trażmissjoni tad-dejta barra u ġewwa l-awtorità kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom fis-seħħ proċeduri adegwati għat-trażmissjoni ta' dejta personali tal-persuna li qed tirrapporta u l-persuna rappurtata ġewwa u barra mill-awtorità kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trażmissjoni ta' dejta relatata ma' rapport ta' ksur fi ħdan l-awtorità kompetenti jew barra minnha ma tiżvelax, direttament jew indirettament, l-identità tal-persuna li qed tirrapporta jew dik tal-persuna rappurtata jew kull referenza oħra għal ċirkostanzi li jippermettu li l-identità tal-persuna li qed tirrapporta jew il-persuna rappurtata tiġi dedotta, sakemm din it-trażmissjoni ma tkunx konformi mar-regoli ta' kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 5(1(d).

Artikolu 11

Proċeduri għal protezzjoni tal-persuna rappurtata

1.   Fejn l-identità ta' persuni rappurtati mhiex magħrufa mill-pubbliku, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-identità tagħhom tkun imħarsa minn tal-inqas bl-istess mod bħall-persuni li jkunu qed jiġu investigati mill-awtorità kompetenti.

2.   Il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 9 għandhom japplikaw ukoll għall-protezzjoni tal-identità ta' persuni rappurtati.

Artikolu 12

Rieżami tal-proċeduri mill-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirreżaminaw l-proċeduri tagħhom biex jirċievu rapporti ta' ksur u għas-segwitu tagħhom regolarment, u mill-inqas darba kull sentejn. Fir-rieżami ta' dawn il-proċeduri l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-esperjenza tagħhom u dik ta' awtoritajiet kompetenti oħra u jadattaw il-proċeduri tagħhom kif xieraq u skont l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mit-3 ta' Lulju 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mit-3 ta' Lulju 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.