28.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/1


DIRETTIVA (UE) 2015/2193 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Novembru 2015

dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“il-Programm ta' Azzjoni”) jirrikonoxxi li l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa fl-arja tnaqqsu b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, iżda li fl-istess ħin il-livelli tat-tniġġis tal-arja għadhom problema f'bosta partijiet tal-Ewropa, u li ċ-ċittadini tal-Unjoni għadhom esposti għal sustanzi li jniġġsu l-arja, li potenzjalment jistgħu jikkompromettu s-saħħa u l-benessri tagħhom. Skont il-Programm ta' Azzjoni, l-ekosistemi għadhom ibatu minħabba eċċess ta' depożiti ta' nitroġenu u kubrit marbutin mal-emissjonijiet tat-trasport, tal-prattiki agrikoli mhux sostenibbli, u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. F'ħafna żoni tal-Unjoni, il-livell tat-tniġġis tal-arja għadu għola mill-limiti ffissati mill-Unjoni, u l-istandards tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja għadhom mhux qed jirrispettaw il-miri stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

(2)

Biex ikun żgurat ambjent tajjeb għal kulħadd, il-Pjan ta' Azzjoni jitlob li l-miżuri lokali jkunu komplementati b'politika xierqa kemm fil-livell nazzjonali, kif ukoll f'dak tal-Unjoni. B'mod partikolari jitlob li jissaħħu l-isforzi biex ikun hemm konformità sħiħa mal-leġislazzjoni dwar il-kwalità tal-arja tal-Unjoni u biex jiġu ddefiniti l-miri u l-azzjonijiet strateġiċi lil hinn mill-2020.

(3)

Il-valutazzjonijiet xjentifiċi juru li t-telf medju mit-tul tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni minħabba t-tniġġis tal-arja huwa tmien xhur.

(4)

L-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa li joħorġu mill-kombustjoni tal-karburanti fl-impjanti tal-kombustjoni medji, b'mod ġenerali mhumiex irregolati fil-livell tal-Unjoni minkejja li dejjem qegħdin iżidu aktar mat-tniġġis tal-arja, b'mod partikolari minħabba żieda fl-użu tal-bijomassa bħala karburant, minħabba l-politika dwar il-klima u l-enerġija.

(5)

Il-kombustjoni tal-karburanti f'ċerti impjanti u apparat tal-kombustjoni żgħar hija koperta minn miżuri ta' implimentazzjoni kif imsemmi fid-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Hemm bżonn miżuri ulterjuri urġenti fil-qafas tad-Direttiva 2009/125/KE sabiex jiġi kopert il-kumplament tal-lakuna leġislattiva. Il-kombustjoni tal-karburant fl-impjanti tal-kombustjoni kbar hija koperta mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) mis-7 ta' Jannar 2013, filwaqt li d-Direttiva 2001/80KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għadha tapplika għall-impjanti tal-kombustjoni l-kbar, koperti mill-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2010/75/UE sal-31 ta' Diċembru 2015.

(6)

Il-Kummissjoni kkonkludiet, fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2013 dwar l-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 30(9) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali li jittratta l-emissjonijiet mit-trobbija intensiva tal-bhejjem u mill-impjanti ta' kombustjoni li, ġie muri potenzjal ċar ta' tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni ta' karburanti mill-impjanti tal-kombustjoni medji.

(7)

L-obbligi internazzjonali tal-Unjoni dwar it-tniġġis tal-arja, li huma maħsuba biex jitnaqqsu l-aċidifikazzjoni, l-ewtrifikazzjoni, l-ożonu troposferiku u l-emissjonijiet ta' partikolati ġew miftehma skont il-Protokoll ta' Gothenburg tal-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila, li ġie emendat fl-2012 biex jissaħħu l-impenji eżistenti ta' tnaqqis tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu, tal-ammonja u tal-komposti organiċi volatili, u biex jiddaħħlu impenji ta' tnaqqis ġodda għall-materja partikolata fina (PM 2.5), li għandhom jintlaħqu mill-2020 'il quddiem.

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta' Diċembru 2013 intitolat 'Programm ta' Arja Nadifa għall-Ewropa' titlob azzjoni għall-kontroll tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja mill-impjanti tal-kombustjoni medji, u b'hekk tikkompleta l-qafas regolatorju għas-settur tal-kombustjoni. Il-Programm ta' Arja Nadifa tikkompleta l-aġenda għat-tnaqqis tat-tniġġis għall-2020 stabbilita fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2005 intitolata 'l-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja', u tiżviluppa l-miri tat-tnaqqis tal-impatti għall-perjodu li jwassal sal-2030. Biex jinkisbu dawk il-miri strateġiċi kollha għandha tiġi stabbilita aġenda regolatorja li tinkludi miżuri għall-kontroll tal-emissjonijiet mill-impjanti tal-kombustjoni medji.

(9)

L-impjanti tal-kombustjoni medji għandhom jiġu żviluppati u mħaddma b'tali mod li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika. Tali kunsiderazzjonijiet bħal u kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, il-possibbiltajiet tekniċi u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti għandhom jitqiesu b'mod partikolari f'każ ta' interventi għall-modernizzazzjonji tal-impjanti tal-kombustjoni medji jew meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar investimenti kbar.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li t-tħaddim ta' impjant tal-kombustjoni medju ma jwassalx għad-deterjorament tal-kwalità tal-arja, il-miżuri meħuda sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u t-trab fl-arja ma għandhomx jirriżultaw f'żieda fl-emissjonijiet ta' tipi oħra ta' sustanzi niġġiesa, bħall-monossidu tal-karbonju.

(11)

L-impjanti tal-kombustjoni medji li huma diġà soġġetti għar-rekwiżiti minimi applikabbli fl-Unjoni kollha, bħalma huma l-impjanti li għalihom tapplika regola ta' aggregazzjoni skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2010/75/UE, jew l-impjanti li jinċineraw jew jikkoinċineraw skart solidu jew likwidu u li għalhekk huma koperti mill-Kapitolu IV ta' dik id-Direttiva, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(12)

Ċerti impjanti tal-kombustjoni medji oħrajn ukoll għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, abbażi tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom jew tal-użu tagħhom f'attivitajiet partikolari.

(13)

Peress li l-impjanti tal-kombustjoni medji li jaħarqu karburanti tar-raffineriji fir-raffineriji waħidhom jew ma' karburanti oħrajn għall-produzzjoni ta' enerġija fir-raffineriji taż-żejt minerali u tal-gass, u l-bojlers ta' rkupru fl-installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-polpa, huma soġġetti għal livelli ta' emissjonijiet assoċjati mal-aqwa mezzi tekniċi disponibbli (BAT) stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-BATdiġà stabbiliti fid-Direttiva 2010/75/UE, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal impjanti bħal dawn.

(14)

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impjanti tal-kombustjoni, inkluża taħlita ta' żewġ impjanti tal-kombustjoni medji jew aktar, b'qawwa termika nominali totali ta' 1 MW jew aktar, iżda inqas minn 50 MW. Impjanti tal-kombustjoni individwali b'qawwa termika nominali ta' inqas minn 1 MW ma għandhomx jitqiesu għall-fini tal-kalkolu tal-qawwa termika nominali ta' taħlita ta' impjanti tal-kombustjoni. Sabiex tiġi evitata lakuna regolatorji, din id-Direttiva għandha tapplika ukoll għal taħlita ta' impjanti tal-kombustjoni medji ġodda fejn it-total ta' qawwa termika nominali jkun ugwali għal jew aktar minn 50 MW, mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu III tad-Direttiva 2010/75/UE.

(15)

Biex ikun żgurat il-kontroll tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tat-trab fl-arja, kull impjant tal-kombustjoni medju għandu jaħdem biss jekk ikun inħariġlu permess jew jekk ikun ġie rreġistrat mill-awtorità kompetenti abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-operatur.

(16)

Biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet fl-arja mill-impjanti tal-kombustjoni medji, għandhom jiġu stabbiliti f'din id-Direttiva l-valuri limitu tal-emissjonijiet u r-rekwiżiti tal-monitoraġġ.

(17)

Il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness II ma għandhomx japplikaw għall-impjanti tal-kombustjoni medji li jinsabu fil-Gżejjer Kanarji, fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, l-Azores u Madeira, minħabba l-kwistjonijiet tekniċi u loġistiċi assoċjati mal-pożizzjoni ġeografika iżolata ta' tali impjanti. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu valuri limitu tal-emissjonijiet għal tali impjanti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom fl-arja u r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

(18)

Biex l-impjanti tal-kombustjoni eżistenti jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw teknikament għar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom japplikaw għal dawk l-impjanti wara perjodu fiss mid-data tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(19)

Fil-kuntest ta' ċerti ċirkustanzi speċifiċi fejn l-applikazzjoni ta' valuri limitu tal-emissjonijiet twassal għal spejjeż għolja b'mod sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji ambjentali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw lill-impjanti tal-kombustjoni medji li jintużaw f'każijiet ta' emerġenza u mħaddma matul perjodi limitati ta' żmien mill-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati f'din id-Direttiva.

(20)

Minħabba n-nuqqasijiet infrastrutturali li jħabbtu wiċċhom magħhom l-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti li huma parti minn sistemi iżolati żgħar (SIS) jew sistemi iżolati mikro (MIS) u l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-interkonnessjoni tagħhom, tali impjanti għandhom jingħataw aktar żmien biex jadattaw għall-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

(21)

Fid-dawl tal-benefiċċji kumplessivi tat-tisħin distrettwali f'termini ta' kontribut għat- tnaqqis fl-użu domestiku ta' karburanti li jikkawżaw livelli għolja ta' tniġġis fl-arja, u f'termini ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika u tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2, għandu jkun possibli għall-Istati Membri li jagħtu aktar żmien lill-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti li jipprovdu ammont sostanzjali mill-produzzjoni termika utli tagħhom lil netwerk pubbliku għat-tisħin distrettwali, biex jadattaw għall-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati f'din id-Direttiva.

(22)

Fid-dawl tal-investimenti reċenti f'impjanti tal-bijomassa bil-għan li jiżdied l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u li diġà wasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa, u sabiex jittieħed kont taċ-ċikli ta' investiment relatati, għandu jkun possibli għall-Istati Membri li jagħtu lil tali impjanti aktar żmien biex jadattaw għall-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati f'din id-Direttiva.

(23)

Fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-istazzjonijiet tal-kompressuri tal-gass għall-affidabbiltà u s-sikurezza tal-operat tan-networks nazzjonali tat-trażmissjoni tal-gass u r-restrizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-aġġornament tagħhom, għandu jkun possibli għall-Istati Membri li jagħtu aktar żmien l-impjanti tal-kombustjoni medji li jħaddmu dawn l-istazzjonijiet biex jadattaw għall-valuri limitu tal-emissjonijiet għall-ossidi tan-nitroġenu stipulati f'din id-Direttiva.

(24)

Skont l-Artikolu 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti. Tali miżuri jistgħu jkunu meħtieġa, pereżempju, f'żoni li ma jikkonformawx mal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja. F'dawk il- każijiet, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li japplikaw valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti mir-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva bħala parti mill-iżvilupp tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja skont id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Tali valutazzjonijiet għandhom iqisu l-eżitu ta' skambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prestazzjoni ta' tnaqqis tal-emissjonijiet li tista' tinkiseb bl-aqwa teknoloġiji disponibbli u emerġenti. Il-Kummissjoni għandha torganizza dan l-iskambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri, l-industriji kkonċernati, inklużi l-operaturi u l-fornituri tat-teknoloġija, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi dawk li jippromwovu l-ħarsien tal-ambjent.

(25)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ta' impjant tal-kombustjoni medju jieħu l-miżuri meħtieġa fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema biex jivverifikaw il-konformità tal-impjanti tal-kombustjoni medji mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

(26)

Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi ta' din id-Direttiva, l-ispezzjonijiet għandhom, kemm jista' jkun, ikunu kkoordinati ma' dawk meħtieġa fil-qafas ta' leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, kif ikun xieraq.

(27)

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jikkonċernaw aċċess għall-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu applikati b'tali mod li jiżguraw l-effett sħiħ tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(28)

Biex ikun limitat il-piż għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju li jħaddmu impjanti tal-kombustjoni medji, l-obbligi amministrattivi fuq l-operaturi dwar l-għoti ta' informazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jevitaw duplikazzjoni filwaqt li jibqgħu jippermettu l-verifika effettiva tal-konformità mill-awtorità kompetenti.

(29)

Biex tkun żgurata l-konsistenza u l-koerenza tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u biex jiġi nkoraġġut l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tiżviluppa għodda elettronika għar-rappurtar li tkun disponibbli wkoll għall-użu intern mill-Istati Membri biex jagħmlu r-rapporti nazzjonali u biex jorganizzaw id-data tagħhom.

(30)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa li temenda l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness II għal impjanti tal-kombustjoni medji ġodda, abbażi ta' teknoloġiji l-iżjed reċenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-ħtieġa li tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet speċifiċi għal sustanzi oħra li jniġġsu, bħalma hu l-monossidu tal-karbonju, u possibbilment, standards ta' effiċjenza enerġetika minimi oħrajn.

(31)

Biex ikun possibbli l-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE biex taġġusta d-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-konformità stipulati fil-punt 2 tal-Parti 2 tal-Anness III. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti, matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(32)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u jiġu ssimplifikati u razzjonalizzati l-obbligi ta' rappurtar tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ta' formati tekniċi għar-rappurtar. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(33)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-titjib tal-kwalità ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(34)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). B'mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tal-Karta dwar il-protezzjoni ambjentali.

(35)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (11), l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli għall-kontroll tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit (SO2), tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u tat-trab fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji, u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja u r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent minn dawn l-emissjonijiet.

Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju (CO).

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impjanti tal-kombustjoni b'qawwa termika nominali ta' 1 MW jew aktar, iżda inqas minn 50 MW (“impjanti tal-kombustjoni medji”), irrispettivament mit-tip ta' karburant li jużaw.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal taħlita ta' impjanti tal-kombustjoni medji ġodda skont l-Artikolu 4, inkluż taħlita li fiha l-qawwa termika nominali totali tkun ugwali għal jew aktar minn 50 MW, sakemm it-taħlita ma tikkostitwixxix impjant tal-kombustjoni kopert mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2010/75/UE.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)

impjanti tal-kombustjoni koperti mill-Kapitolu III jew il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2010/75/UE;

(b)

impjanti tal-kombustjoni koperti mid-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(c)

impjanti tal-kombustjoni installati fl-irziezet b'qawwa termika nominali totali ta' anqas minn jew daqs 5 MW, li bħala karburant jużaw esklużivament demel tat-tjur mhux ipproċessat, kif imsemmi fl-Artikolu 9(a) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(d)

impjanti tal-kombustjoni fejn il-prodotti gassużi tal-kombustjoni jintużaw għat-tisħin dirett, it-tnixxif jew kwalunkwe trattament ieħor ta' oġġetti jew materjali;

(e)

impjanti tal-kombustjoni fejn il-prodotti gassużi tal-kombustjoni jintużaw għat-tisħin dirett li jaħdem bil-gass u li jintuża biex isaħħan l-ispazji interni għall-iskop tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

(f)

impjanti ta' wara l-kombustjoni maħsubin biex jippurifikaw il-gassijiet residwi li jirriżultaw mill-proċessi industrijali permezz tal-kombustjoni u li mhumiex imħaddma bħala impjanti tal-kombustjoni indipendenti;

(g)

kull apparat tekniku li jintuża fil-propulsjoni ta' vettura, vapur jew ajruplan;

(h)

turbini u magni tal-gass u magni diesel, meta jintużaw fuq pjattaformi lil hinn mill-kosta;

(i)

faċilitajiet għar-riġenerazzjoni ta' katalizzaturi għall-ikkrekkjar katalitiku;

(j)

faċilitajiet għall-konverżjoni tas-sulfur tal-idroġenu f'kubrit;

(k)

reatturi li jintużaw fl-industrija tal-kimika;

(l)

fran tal-kokk;

(m)

cowpers;

(n)

krematorji;

(o)

impjanti tal-kombustjoni li jaħarqu karburanti tar-raffineriji waħidhom jew ma' karburanti oħrajn għall-produzzjoni ta' enerġija fir-raffineriji taż-żejt minerali u l-gass;

(p)

bojlers ta' rkupru f'installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-polpa.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal attivitajiet ta' riċerka, attivitajiet ta' żvilupp jew attivitajiet ta' ttestjar relatati ma' impjanti tal-kombustjoni medji. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“emissjoni” tfisser l-iskariku ta' sustanzi mill-impjant tal-kombustjoni fl-arja;

(2)

“il-valur limitu tal-emissjonijiet” tfisser il-kwantità permessa ta' sustanza fil-gassijiet residwi mill-impjant ta' kombustjoni li jistgħu jiġu skarikati fl-arja tul perjodu partikolari;

(3)

“ossidi tan-nitroġenu” (NOx) tfisser ossidu nitriku u diossidu tan-nitroġenu, espressi bħala diossidu tan-nitroġenu (NO2);

(4)

“trab” tfisser partikoli ta' kull forma, struttura jew densità, imxerrdin waqt il-fażi tal-gass fil-kundizzjonijiet tal-punt tat-teħid tal-kampjuni, li jistgħu jinġabru permezz ta' filtrazzjoni f'kundizzjonijiet speċifikati wara t-teħid ta' kampjuni rappreżentattivi tal-gass li se jiġi analizzat, u li jibqgħu 'l fuq mill-filtru u fuq il-filtru wara t-tnixxif f'kundizzjonijiet speċifikati;

(5)

“impjant tal-kombustjoni” tfisser kull apparat tekniku fejn jiġu ossidizzati l-karburanti biex tintuża s-sħana li tiġi ġġenerata;

(6)

“impjant tal-kombustjoni eżistenti” tfisser impjant tal-kombustjoni li jkun beda jintuża qabel l-20 ta' Diċembru 2018 jew li jkun ingħata permess għalih qabel id-19 ta' Diċembru 2017 skont il-leġislazzjoni nazzjonali bil-kundizzjoni li l-impjant jibda jopera sa mhux aktar tard mill-20 ta' Diċembru 2018;

(7)

“impjant tal-kombustjoni ġdid” tfisser impjant tal-kombustjoni mhux eżistenti;

(8)

“magna” tfisser magna li taħdem bil-gass, bid-diesel jew b'żewġ karburanti;

(9)

“magna tal-gass” tfisser magna ta' kombustjoni interna li taħdem skont iċ-Ċiklu Otto u tuża tqabbid bix-xrar biex taħraq il-karburant;

(10)

“magna diesel” tfisser magna ta' kombustjoni interna li taħdem skont iċ-Ċiklu Diesel u tuża tqabbid bil-kompressjoni biex taħraq il-karburant;

(11)

“magna li tuża żewġ karburanti” tfisser magna b'kombustjoni interna li tuża tqabbid bil-kompressjoni u taħdem skont iċ-Ċiklu Diesel meta tkun qed taħraq karburanti likwidi u skont iċ-Ċiklu Otto meta tkun qed taħraq karburanti forma ta' gass;

(12)

“turbina tal-gass” tfisser kull magna li ddur u li tikkonverti l-enerġija termika fi tħaddim mekkaniku, u li prinċipalment tikkonsisti f'kompressur, apparat termiku fejn jiġi ossidat il-karburant biex isaħħan il-likwidu tat-tħaddim, u turbina; dan jinkludi t-turbini tal-gass b'ċiklu miftuh, it-turbini tal-gass b'ċiklu kkombinat u t-turbini tal-gass f'koġenerazzjoni, ilkoll bi ħruq supplimentari jew mingħajru;

(13)

“sistema iżolata żgħira” (SIS) tfisser sistema iżolata żgħira kif definita fil-punt 26 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

(14)

“sistema iżolata mikro” (MIS) tfisser sistema iżolata mikro kif definita fil-punt 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE;

(15)

“karburant” tfisser kull materjal kombustibbli solidu, likwidu jew gassuż;

(16)

“karburant tar-raffineriji” tfisser materjal kombustibbli solidu, likwidu jew gassuż mill-istadji ta' distillazzjoni u konverżjoni tar-raffinar ta' żejt mhux maħdum, inkluż gass tal-karburant tar-raffineriji, gass sintetiku, żjut tar-raffineriji u kokk petrolifiku;

(17)

“skart” tfisser skart kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(18)

“bijomassa” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn:

(a)

prodotti li jikkonsistu fi kwalunkwe materja veġetali mill-agrikultura jew mill-forestrija li tista' tintuża bħala karburant biex jittieħed il-kontenut tal-enerġija tagħha;

(b)

l-iskart li ġej:

(i)

skart veġetali mill-agrikoltura u l-forestrija;

(ii)

skart veġetali mill-industrija tal-ipproċessar tal-ikel, jekk tinġabar is-sħana ġġenerata;

(iii)

skart veġetali fibruż mill-produzzjoni ta' polpa verġni u mill-produzzjoni ta' karta mill-polpa, jekk tiġi koinċinerata fil-post tal-produzzjoni u tinġabar is-sħana ġġenerata;

(iv)

skart tas-sufra;

(v)

skart tal-injam minbarra l-iskart tal-injam li jista' jkun fih komposti organiċi aloġenizzati jew metalli tqal bħala riżultat tat-trattament bi preservattiv jew b'kisi tal-injam u li jinkludi, b'mod partikolari, skart tal-injam bħal dak li joriġina mill-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni;

(19)

“żejt tal-gass” tfisser:

(a)

kwalunkwe karburant likwidu li ġej miż-żejt mhux maħdum u li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2710 19 25, 2710 19 29, 2710 19 47, 2710 19 48, 2710 20 17 jew 2710 20 19; jew

(b)

kwalunkwe karburant likwidu li ġej miż-żejt mhux maħdum u li inqas minn 65 % minnu skont il-volum (inkluż it-telf) jiddistilla f'250 °C u li tal-inqas 85 % minnu skont il-volum (inkluż it-telf) jiddistilla fi 350 °C bil-metodu ASTM D86;

(20)

“gass naturali” tfisser metan li jinħoloq b'mod naturali u li ma fihx aktar minn 20 % (skont il-volum) f'inerti u kostitwenti oħrajn;

(21)

“żejt kombustibbli tqil” tfisser:

(a)

kwalunkwe karburant likwidu li ġej miż-żejt mhux maħdum u li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2710 19 51 sa 2710 19 68, 2710 20 31, 2710 20 35, jew 2710 20 39; jew

(b)

kwalunkwe karburant likwidu li ġej miż-żejt mhux maħdum, minbarra ż-żejt tal-gass kif definit fil-punt 19, li, minħabba l-limiti ta' distillazzjoni tiegħu, jaqa' taħt il-kategorija ta' żjut tqal maħsuba għall-użu bħala karburant u li inqas minn 65 % minnu skont il-volum (inkluż it-telf) jiddistilla f'250 °C bil-metodu ASTM D86. Jekk id-distillazzjoni ma tkunx tista' tiġi determinata bil-metodu ASTM D86, il-prodott petroliferu jkun kategorizzat bl-istess mod bħala żejt kombustibbli tqil;

(22)

“sigħat ta' tħaddim” tfisser il-ħin, espress f'sigħat, li matulu l-impjant tal-kombustjoni jkun qed jopera u jitfa' l-emissjonijiet fl-arja, minbarra l-perjodi tat-tqabbid u tat-tifi;

(23)

“operatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tħaddem jew tikkontrolla l-impjant tal-kombustjoni, jew fejn huwa stipulat fil-leġislazzjoni nazzjonali, il-persuna li lilha jkun ġie ddelegat il-poter ekonomiku deċiżiv fuq it-tħaddim tekniku tal-impjant;

(24)

“żona” tfisser parti mit-territorju ta' Stat Membru, delimitat minn dak l-Istat Membru għall-fini tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tal-arja, kif stipulat fid-Direttiva 2008/50/KE.

Artikolu 4

Aggregazzjoni

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, it-taħlita ta' żewġ impjanti tal-kombustjoni medji ġodda jew aktar għandha titqies bħala impjant tal-kombustjoni medju wieħed, u l-qawwa termika nominali tagħhom għandu jingħadd flimkien sabiex jiġi kkalkulat l-qawwa termika nominali totali tal-impjant, fejn:

il-gassijiet residwi ta' dawn l-impjanti tal-kombustjoni medji jiġu skarikati minn ċumnija komuni; jew

meta jitqiesu l-fatturi tekniċi u ekonomiċi, il-gassijiet residwi ta' dawn l-impjanti tal-kombustjoni medji jkunu jistgħu, fil-fehma tal-awtorità kompetenti, jiġu skarikati minn ċumnija komuni.

Artikolu 5

Permessi u reġistrazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ebda impjant tal-kombustjoni medju ġdid ma jitħaddem mingħajr permess jew mingħajr ma jkun reġistrat.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li mill-1 ta' Jannar 2024 l-ebda impjant tal-kombustjoni medju eżistenti b'qawwa termika nominali ta' aktar minn 5 MW ma jitħaddem mingħajr permess jew mingħajr ma jkun reġistrat.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li mill-1 ta' Jannar 2029 l-ebda impjant tal-kombustjoni medju eżistenti b'qawwa termika nominali ta' anqas minn jew ugwali għal 5 MW ma jitħaddem mingħajr permess jew mingħajr ma jkun reġistrat.

3.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-proċedura għall-ħruġ tal-permess jew għar-reġistrazzjoni fir-rigward ta' impjanti tal-kombustjoni medji. Dawk il-proċeduri għandhom jinkludu mill-inqas l-obbligu fuq l-operatur li jinforma lill-awtorità kompetenti dwar it-tħaddim tal-impjant jew dwar il-ħsieb li jħaddem, impjant tal-kombustjoni medju u li jipprovdi mill-inqas l-informazzjoni msemmija fl-Anness I.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra l-impjant tal-kombustjoni medju, jew tibda l-proċedura biex jinħariġlu permess, fi żmien xahar wara li l-operatur ikun ipprovda l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-operatur b'tali reġistrazzjoni jew bil-bidu tal-proċedura għall-ħruġ ta' permess.

5.   L-awtorità kompetenti għandha iżommreġistru bl-informazzjoni dwar kull impjant tal-kombustjoni medju, inkluża l-informazzjoni elenkata fl-Anness I u l-informazzjoni li tinkiseb skont l-Artikolu 9. L-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti għandhom jiddaħħlu fir-reġistru mid-data tar-reġistrazzjoni jew mid-data ta' meta jinħareġ permess f'konformità ma' din id-Direttiva. L-awtorità kompetenti għandha tqiegħed r-reġistru għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, inkluż permezz tal-internet, f'konformità mad-Direttiva 2003/4/KE.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' impjanti tal-kombustjoni medji li jkollhom permess jew li jkunu reġistrati, l-Istati Membri jistgħu jinkludu rekwiżiti għal ċerti kategoriji ta' impjanti tal-kombustjoni medji fir-regoli vinkolanti ġenerali. Fejn jiġu adottati reġoli vinkolanti ġenerali, il-permess jew ir-reġistrazzjoni jistgħu jinkludu sempliċement referenza għal dawn ir-regoli.

7.   Għall-impjanti tal-kombustjoni medji li huma parti minn installazzjoni koperta mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2010/75/UE, ir-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala ssodisfati permezz tal-konformità ma' dik id-Direttiva.

8.   Kwalunkwe permess maħruġ jew reġistrazzjoni li ssir skont leġislazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni oħra jistgħu jiġu amalgamati mal-permess jew mar-reġistrazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 1 biex jiffurmaw permess uniku jew reġistrazzjoni unika sakemm dak il-permess uniku jew dik ir-reġistrazzjoni unika jkun fihom l-informazzjoni rikjesta skont dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Valuri limitu tal-emissjonijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu II tad-Direttiva 2010/75/UE, fejn hu applikabbli, il-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fl-Anness II mad-Direttiva għandhom japplikaw għall-impjanti tal-kombustjoni medji.

Il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness II ma għandhomx japplikaw għall-impjanti medji tal-kombustjoni fil-Gżejjer Kanarji, fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, u fl-Azoresu f'Madeira. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu valuri limitu tal-emissjonijiet għal dawn l-impjanti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom fl-arja u r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

2.   Mill-1 ta' Jannar 2025 l-emissjonijiet fl-arja ta' SO2, NOx u trab minn impjant tal-kombustjoni medju eżistenti b'qawwa termika nominali ta' aktar minn 5 MW ma għandhomx jaqbżu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fit-Tabelli 2 u 3 tal-Parti 1 tal-Anness II.

Mill-1 ta' Jannar 2030 l-emissjonijiet fl-arja ta' SO2, NOx u trab minn impjant tal-kombustjoni medju eżistenti b'qawwa termika nominali ta' anqas minn jew ugwali għal 5 MW ma għandux jaqbeż il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fit-Tabelli 1 u 3 tal-Parti 1 tal-Anness II.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impjanti tal-kombustjoni medji li ma jaħdmux aktar minn 500 siegħa ta' tħaddim fis-sena bħala medja mobbli fuq perjodu ta' ħames snin milli jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fit-Tabelli 1, 2 u 3 tal-Parti 1 tal-Anness II.

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu msemmi fl-ewwel subparagrafu sa 1 000 siegħa ta' tħaddim fil-każijiet li ġejjin ta' emerġenza jew ċirkustanzi straordinarji:

għall-produzzjoni ta' enerġija ta' riżerva fi gżejjer konnessi, fil-każ ta' qtugħ fil-provvista prinċipali ta' enerġija lil gżira;

għall-impjanti tal-kombustjoni medji użati għall-produzzjoni tas-sħana f'każ ta' temp kiesaħ aktar min-normal.

Fil-każijiet kollha elenkati f'dan il-paragrafu għall-impjanti li jaħarqu karburanti solidi għandu japplika valur limitu tal-emissjonijiet għat-trab ta' 200 mg/Nm3.

4.   L-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti li huma parti minn SIS jew MIS għandhom jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fit-Tabelli 1, 2 u 3 tal-Parti 1 tal-Anness II mill-1 ta' Jannar 2030.

5.   Sal-1 ta' Jannar 2030, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti b'qawwa termika nominali ta' aktar minn 5 MW mill-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fl-Anness II sakemm mill-inqas 50 % tal-produzzjoni termika utli tal-impjant, bħala medja mobbli tul perjodu ta' ħames snin, titwassal fil-forma ta' fwar jew misħun lil netwerk pubbliku għat-tisħin distrettwali. Fil-każ ta' tali eżenzjoni, il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti ma għandhomx jaqbżu l-1 100 mg/Nm3 għall-SO2 u l-150 mg/Nm3 għat-trab.

Sal-1 ta' Jannar 2030, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impjanti tal-kombustjoni medji li jaħarqu l-bijomassa solida bħala l-karburant prinċipali, u li jkunu jinsabu f'żoni fejn skont il-valutazzjonijiet magħmula fil-qafas tad-Direttiva 2008/50/KE, tkun żgurata l-konformità mal-valuri limitu ta' dik id-Direttiva, mill-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet ta' trab stipulati fl-Anness II ma' din id-Direttiva. Fil-każ ta' tali eżenzjoni, il-valuri limitu tal-emissjonijiet għat-trab stabbiliti mill-awtorità kompetenti ma għandhomx jaqbżu l-150 mg/Nm3.

Fi kwalunkwe każ, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li ma jiġi kkawżat ebda tniġġis sinifikanti u li jintlaħaq livell għoli ta' ħarsien fir-rigward tal-ambjent kollu kemm hu.

6.   Sal-1 ta' Jannar 2030, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti b'qawwa termika nominali ta' aktar minn 5 MW u li jintużaw biex iħaddmu stazzjonijiet tal-kompressuri tal-gass meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza ta' sistema tat-trażmissjoni tal-gass nazzjonali, mill-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet ta' NOx stipulati fit-Tabella 3 tal-Parti 1 tal-Anness II.

7.   Mill-20 ta' Diċembru 2018, l-emissjonijiet fl-arja ta' SO2, NOx u ta' trab minn impjant tal-kombustjoni medju ġdid ma għandhomx jaqbżu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fil-Parti 2 tal-Anness II.

8.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impjanti tal-kombustjoni medji ġodda li ma jaħdmux aktar minn 500 siegħa ta' tħaddim fis-sena bħala medja mobbli fuq perjodu ta' tliet snin milli jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fil-Parti 2 tal-Anness II. Fil-każ ta' tali eżenzjoni, għall-impjanti li jaħarqu karburanti solidi għandu japplika valur limitu tal-emissjonijiet għat-trab ta' 100 mg/Nm3.

9.   F'żoni jew partijiet minn żoni li ma jikkonformawx mal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja tal-UE stabbiliti fid-Direttiva 2008/50/KE, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li, għall-impjanti tal-kombustjoni medji individwali f'dawk iż-żoni jew f'partijiet minn żoni, japplikaw valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva, bħala parti mill-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja msemmija fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50/KE, filwaqt li jqisu r-riżultati tal-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta' dawn il-valuri limitu tal-emissjonijiet tikkontribwixxi effettivament għal titjib evidenti fil-kwalità tal-arja.

10.   Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar il-livelli ta' emissjonijiet li jistgħu jintlaħqu bl-aqwa teknoloġija disponibbli u emerġenti u l-ispejjeż relatati.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-iskambju ta' informazzjoni.

11.   L-awtorità kompetenti tista' tagħti deroga għal perjodu massimu ta' sitt xhur mill-obbligu ta' konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 7 għall-SO2 fir-rigward ta' impjant tal-kombustjoni medju li normalment juża karburant li jkun fih livell baxx ta' kubrit, f'każijiet fejn l-operatur ma jkunx jista' jikkonforma ma' dawk il-valuri limitu tal-emissjonijiet minħabba interruzzjoni fil-forniment ta' karburant b'livell baxx ta' kubrit minħabba nuqqas serju ta' karburant.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull deroga mogħtija skont l-ewwel subparagrafu fi żmien xahar.

12.   L-awtorità kompetenti tista' tagħti deroga mill-obbligu ta' konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 7 f'każijiet fejn impjant tal-kombustjoni medju li juża biss karburant gassuż, f'każ eċċezzjonali jkollu jdur għall-użu ta' karburanti oħra minħabba xi interruzzjoni ħesrem fil-forniment tal-gass, u għalhekk ikun jeħtieġ apparat sekondarju ta' purifikazzjoni. Il-perjodu li għalih tingħata deroga ma għandux jaqbeż 10 ijiem ħlief f'każ li l-operatur jipprova mal-awtorità kompetenti li perjodu itwal ikun ġustifikat.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull deroga mogħtija skont l-ewwel subparagrafu fi żmien xahar.

13.   Meta impjant tal-kombustjoni juża żewġ karburanti jew aktar simultanjament, il-valur limitu tal-emissjonijiet għal kull sustanza niġġiesa għandu jiġi kkalkulat billi:

(a)

jintuża l-valur limitu tal-emissjonijiet rilevanti għal kull karburant individwalment, kif stabbiliti fl-Anness II;

(b)

jiġu ddeterminati l-valuri limitu tal-emissjonijiet skont il-karburant, li jinkisbu bil-multiplikazzjoni tal-valuri limitu tal-emissjonijiet individwali msemmija fil-punt (a) bil-qawwa termika mogħti minn kull karburant, imbagħad jiġi diviż il-prodott tal-multiplikazzjoni bis-somma tal-inputs termiċi mogħtija mill-karburanti kollha; u

(c)

jiġu aggregati l-valuri limitu tal-emissjonijiet b'koeffiċjent korrettiv skont il-karburant.

Artikolu 7

Obbligi tal-operatur

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur iwettaq il-monitoraġġ tal-emissjonijiet, skont, minn tal-inqas, il-Parti 1 tal-Anness III.

2.   Għall-impjanti tal-kombustjoni medji li jużaw għadd ta' karburanti, il-monitoraġġ tal-emissjonijiet għandu jsir waqt il-ħruq ta' karburant jew ta' taħlita ta' karburanti li x'aktarx ikun juri l-ogħla livell ta' emissjonijiet u f'ħin li jirrappreżenta l-kundizzjonijiet normali tat-tħaddim.

3.   L-operatur għandu jżomm rekord tar-riżultati kollha tal-monitoraġġ u jipproċessahom b'tali mod li tkun tista' tiġi vverifikata l-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet skont ir-regoli stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness III.

4.   Għall-impjanti tal-kombustjoni medji li jużaw apparat ta' purifikazzjoni sekondarju biex jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet, l-operatur għandu jżomm rekord ta', jew informazzjoni li tipprova, it-tħaddim kontinwu effettiv ta' dan l-apparat.

5.   L-operatur ta' impjant tal-kombustjoni medju għandu jżomm dawn li ġejjin:

(a)

il-permess jew il-prova tar-reġistrazzjoni min-naħa tal-awtorità kompetenti u, jekk rilevanti, il-verżjoni aġġornata tagħhom u informazzjoni relatata;

(b)

ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u 4;

(c)

fejn japplika, rekord tas-sigħat ta' tħaddim kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) u fl-Artikolu 6(8);

(d)

rekord tat-tip u l-kwantitajiet ta' karburanti li jintużaw fl-impjant u ta' kwalunkwe funzjonament ħażin jew ħsara fl-apparat ta' purifikazzjoni sekondarju;

(e)

rekord tal-każijiet ta' nuqqas ta' konformità u l-miżuri meħuda, kif imsemmija fil-paragrafu 7.

Id-data u l-informazzjoni msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-ewwel subparagrafu għandhom jinżammu mill-inqas għal perjodu ta' sitt snin.

6.   L-operatur għandu, mingħajr dewmien żejjed, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti, fuq talba tagħha, id-data u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5. L-awtorità kompetenti tista' tagħmel talba bħal din biex tkun tista' twettaq kontroll tal-konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. L-awtorità kompetenti għandha tagħmel tali talba, jekk membru tal-pubbliku jitlob aċċess għad-data jew l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 5.

7.   Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness II, l-operatur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jerġa' jkun hemm konformità fl-iqsar żmien possibbli, mingħajr preġudizzju għall-miżuri previsti skont l-Artikolu 8. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar it-tip, il-frekwenza u l-format tal-informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi lill-awtorità kompetenti f'każ ta' nuqqas ta' konformità.

8.   L-operatur għandu jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lill-awtorità kompetenti biex tkun tista' twettaq spezzjonijiet u żjarat fuq il-post, tieħu kampjuni u tiġbor kull informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

9.   L-operatur għandu jżomm l-perjodi tat-tqabbid u tat-tifi tal-impjant tal-kombustjoni medju qosra kemm jista' jkun.

Artikolu 8

Kontroll tal-konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valuri validi tal-emissjonijiet sorveljati f'konformità mal-Anness III ma jaqbżux, il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema effikaċi, ibbażata fuq spezzjonijiet ambjentali jew miżuri oħra, biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

3.   Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, minbarra l-miżuri meħuda mill-operatur skont l-Artikolu 7(7), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti titlob lill-operatur jieħu kull miżura meħtieġa biex jiġi żgurat li titreġġa' l-konformità mingħajr dewmien żejjed.

Fejn in-nuqqas ta' konformità jikkawża tnaqqis sinifikanti fil-kwalità tal-arja lokali, it-tħaddim tal-impjant tal-kombustjoni medju għandu jiġi sospiż sakemm titreġġa' l-konformità.

Artikolu 9

Bidliet fl-impjanti tal-kombustjoni medji

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-operatur jinforma lill-awtorità kompetenti, mingħajr dewmien żejjed, b'kull tibdil maħsub fl-impjant tal-kombustjoni medju li jkun jaffettwa l-valuri limitu tal-emissjonijiet applikabbli.

L-awtorità kompetenti għandha taġġorna, kif xieraq, il-permess jew ir-reġistrazzjoni, skont il-każ.

Artikolu 10

Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-obbligi li joriġinaw minn din id-Direttiva.

Artikolu 11

Rappurtar

1.   Sal- 1 ta' Ottubru 2026 u sal-1 ta' Ottubru 2031, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni b'informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi vverifikata l-konformità tat-tħaddim tal-impjanti tal-kombustjoni medji ma' din id-Direttiva u dwar kwalunkwe azzjoni ta' infurzar għall-finijiet tagħha.

L-ewwel rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi stima tat-total annwali tal-emissjonijiet ta' SO2, NOx u trab mill-impjanti tal-kombustjoni medji, raggruppati skont it-tip ta' impjant, it-tip ta' karburant li jużaw u l-grad ta' kapaċità tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom ukoll jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni, sal-1 ta' Jannar 2021, bi stima tat-total annwali tal-emissjonijiet ta' CO u kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar il-konċentrazzjoni ta' emissjonijiet ta' CO mill-impjanti tal-kombustjoni medji, raggruppati skont it-tip ta' karburant li jużaw u l-grad ta' kapaċità tagħhom.

3.   Biex ikun jista' jsir ir-rappurtar imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tipprovdi għodda elettronika għar-rappurtar għad-disponibbiltà tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-forom tekniċi għar-rappurtar biex tissimplifika u tirrazzjonalizza l-obbligi ta' rappurtar għall-Istati Membri fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' sinteżi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li tirċievi r-rapporti mingħand l-Istati Membri, b'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u billi tqis l-informazzjoni li tkun saret disponibbli skont l-Artikolu 6(11) u l-Artikolu 6(12).

5.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħha stipulati fil-paragrafi 3 u 4, il-Kummissjoni ser ikollha l-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Artikolu 12

Rieżami

1.   Sal-1 ta' Jannar 2020, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-progress fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika tal-impjanti tal-kombustjoni medji u tivvaluta l-benefiċċji li tistabbilixxi standards minimi dwar l-effiċjenza enerġetika skont l-aqwa mezzi tekniċi disponibbli.

2.   Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta' Jannar 2023, tivvaluta l-bżonn li jsir rieżami tad-dispożizzjonijiet dwar l-impjanti li huma parti minn SIS jew MIS, kif ukoll il-Parti 2 tal-Anness II, abbażi tat-teknoloġiji l-iżjed avvanzati.

Bħala parti minn dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk għal ċerti tipi ta' impjanti tal-kombustjoni medji, jew għat-tipi kollha, ikunx meħtieġ li jiġu regolati l-emissjonijiet ta' CO.

Minn dakinhar 'il quddiem, għandu jsir rieżami kull għaxar snin, u għandu jinkludi valutazzjoni dwar jekk ikunx xieraq li jiġu stabbiliti valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti, b'mod partikolari għal impjanti tal-kombustjoni medji ġodda.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar ir-riżultati tar-rieżami msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 flimkien ma' proposta leġislattiva, fejn xieraq.

Artikolu 13

Emendi tal-Annessi

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 biex il-punt 2 tal-Parti 2 tal-Anness III jiġi adattat għall-progress tekniku u xjentifiku.

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-18 ta' Diċembru 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta l-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 16

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-19 ta' Diċembru 2017, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sad-19 ta' Diċembru 2017. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir tali referenza għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Novembru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 134.

(2)  ĠU C 415, 20.11.2014, p. 23.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2015.

(4)  Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

(5)  Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(6)  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(7)  Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1).

(8)  Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).

(9)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(12)  Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta' inkwinanti ta' gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li għandhom jiġu installati f'makkinarju mobbli mhux tat-triq (ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1).

(13)  Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament tal-prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.)

(14)  Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(15)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).


ANNESS I

L-INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA MILL-OPERATUR LILL-AWTORITÀ KOMPETENTI

1.

Il-qawwa termika nominali (MW) tal-impjant tal-kombustjoni medju;

2.

It-tip ta' impjant tal-kombustjoni medju (magna diesel, turbina tal-gass, magna li tuża żewġ karburanti, magna oħra jew impjant tal-kombustjoni medju ieħor);

3.

It-tip u l-proporzjonijiet ta' karburanti użati skont il-kategoriji tal-karburanti stabbiliti fl-Anness II;

4.

Id-data ta' meta beda jitħaddem l-impjant tal-kombustjoni medju jew, jekk id-data ta' meta beda jitħaddem l-impjant mhijiex magħrufa, prova tal-fatt li dan beda jitħaddem qabel l-20 ta' Diċembru 2018;

5.

Is-settur tal-attività tal-impjant tal-kombustjoni medju, jew il-faċilità fejn jintuża (il-kodiċi NACE);

6.

L-għadd annwali ta' sigħat ta' tħaddim tal-impjant tal-kombustjoni medju mistennija, u l-kapaċità medja li tintuża;

7.

Fejn tintuża l-possibilità ta' eżenzjoni taħt l-Artikolu 6(3) jew l-Artikolu 6(8), dikjarazzjoni ffirmata mill-operatur li l-impjant tal-kombustjoni medju mhux ser jitħaddem għal aktar min-numru ta' sigħat imsemmi f'dawk il-paragrafi;

8.

L-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-operatur u, fil-każ ta' impjanti tal-kombustjoni medji stazzjonarji, l-indirizz ta' fejn jinsab l-impjant.


ANNESS II

VALURI LIMITU TAL-EMISSJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6

Il-valuri limitu tal-emissjonijiet kollha stipulati f'dan l-Anness huma ddefiniti f'temperatura ta' 273,15 K, pressjoni ta' 101,3 kPa u wara l-korrezzjoni għall-kontenut ta' fwar tal-ilma fil-gassijiet residwi u b'kontenut ta' O2 standardizzat ta' 6 % għall-impjanti tal-kombustjoni medji li jużaw karburanti solidi, 3 % għall-impjanti tal-kombustjoni medji li mhumiex magni u turbini tal-gass li jużaw karburanti likwidi u gassużi, u 15 % għall-magni u għat-turbini tal-gass.

PARTI 1

Valuri limitu tal-emissjonijiet għall-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti

Tabella 1

Valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm3) għall-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti, li mhumiex magni uturbini tal-gass, b'qawwa termika nominali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 5 MW

Sustanza niġġiesa

Bijomassa solida

Karburanti solidi oħrajn

Żejt tal-gass

Karburanti likwidi li mhumiex żejt tal-gass

Gass naturali

Karburanti gassużi li mhumiex gass naturali

SO2

200 (1)  (2)

1 100

350

200 (3)

NOx

650

650

200

650

250

250

Trab

50

50

50


Tabella 2

Valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm3) għall-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti, li mhumiex magni uturbini tal-gass, b'qawwa termika nominali ta' aktar minn 5 MW

Sustanza niġġiesa

Bijomassa solida

Karburanti solidi oħrajn

Żejt tal-gass

Karburanti likwidi li mhumiex żejt tal-gass

Gass naturali

Karburanti gassużi li mhumiex gass naturali

SO2

200 (4)  (5)

400 (6)

350 (7)

35 (8)  (9)

NOX

650

650

200

650

200

250

Trab

30 (10)

30 (10)

30


Tabella 3

Valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm3) għall-magni u t-turbini tal-gass eżistenti

Sustanza niġġiesa

Tip ta' impjant tal-kombustjoni medju

Żejt tal-gass

Karburanti likwidi li mhumiex żejt tal-gass

Gass naturali

Karburanti gassużi li mhumiex gass naturali

SO2

Magni u turbini tal-gass

120

15 (11)  (12)

NOX

Magni

190 (13)  (14)

190 (13)  (15)

190 (16)

190 (16)

Turbini tal-gass (17)

200

200

150

200

Trab

Magni u turbini tal-gass

10 (18)

PARTI 2

Valuri limitu tal-emissjonijiet għall-impjanti tal-kombustjoni medji ġodda

Tabella 1

Valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm3) għall-impjanti tal-kombustjoni medji ġodda li mhumiex magni u turbini tal-gass

Sustanza niġġiesa

Bijomassa solida

Karburanti solidi oħrajn

Żejt tal-gass

Karburanti likwidi li mhumiex żejt tal-gass

Gass naturali

Karburanti gassużi li mhumiex gass naturali

SO2

200 (19)

400

350 (20)

35 (21)  (22)

NOx

300 (23)

300 (23)

200

300 (24)

100

200

Trab

20 (25)

20 (25)

20 (26)


Tabella 2

Valuri limitu tal-emissjonijiet (mg/Nm3) għal magni u turbini tal-gass ġodda

Sustanza niġġiesa

Tip ta' impjant tal-kombustjoni medju

Żejt tal-gass

Karburanti likwidi li mhumiex żejt tal-gass

Gass naturali

Karburanti gassużi li mhumiex gass naturali

SO2

Magni u turbini tal-gass

120 (27)

15 (28)

NOX

Magni (29)  (30)

190 (31)

190 (31)  (32)

95 (33)

190

Turbini tal-gass (34)

75

75 (35)

50

75

Trab

Magni u turbini tal-gass

10 (36)  (37)


(1)  Il-valur ma japplikax fil-każ ta' impjanti li jaħarqu esklużivament bijomassa solida tal-injam.

(2)  300 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti li jaħarqu t-tiben.

(3)  400 mg/Nm3 fil-każ ta' gassijiet b'valur kalorifiku baxx minn fran tal-kokk fl-industrija tal-ħadid u tal-azzar.

(4)  Il-valur ma japplikax fil-każ ta' impjanti li jaħarqu esklużivament bijomassa solida tal-injam.

(5)  300 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti li jaħarqu t-tiben.

(6)  1 100 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti b'qawwa termikaqawwa termika nominali li hija aktar minn 5 MW u inqas minn jew ugwali għal 20 MW.

(7)  Sal-1 ta' Jannar 2030, 850 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti b'qawwa termika nominali li hija aktar minn 5 MW u inqas minn jew ugwali għal 20 MW li jaħarqu żejt kombustibbli tqil.

(8)  400 mg/Nm3 fil-każ ta' gassijiet b'valur kalorifiku baxx minn fran tal-kokk, u 200 mg/Nm3 fil-każ ta' gassijiet b'valur kalorifiku baxx minn fran tal-blast, fl-industrija tal-ħadid u tal-azzar.

(9)  170 mg/Nm3 fil-każ ta' bijogass.

(10)  50 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti b'qawwa termika nominali li hija aktar minn 5 MW u inqas minn jew ugwali għal 20 MW.

(11)  60 mg/Nm3 fil-każ ta' bijogass.

(12)  130 mg/Nm3 fil-każ ta' gassijiet b'valur kalorifiku baxx minn fran tal-kokk u 65 mg/Nm3 fil-każ ta' gassijiet b'valur kalorifiku baxx minn fran tal-blast fl-industrija tal-ħadid u tal-azzar.

(13)  1 850 mg/Nm3 fil-każijiet li ġejjin:

(i)

għall-magni diesel li bdew jinbnew qabel it-18 ta' Mejju 2006;

(ii)

għall-magni li jużaw żewġ tipi ta' karburanti, issettjati għal karburant likwidu.

(14)  250 mg/Nm3 fil-każ ta' magni b'qawwa termika nominali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 5 MW.

(15)  250 mg/Nm3 fil-każ ta' magni b'qawwa termika nominali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 5 MW; 225 mg/Nm3 fil-każ ta' magni b'qawwa termika nominali li hija aktar minn 5 MW u inqas minn jew ugwali għal 20 MW.

(16)  380 mg/Nm3 għall-magni li jużaw żewġ tipi ta' karburanti, issettjati għal karburant forma ta' gass.

(17)  Il-valuri limitu tal-emissjonijiet huma applikabbli biss għal kapaċità ogħla minn 70 %.

(18)  20 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti b'qawwa termika nominali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 20 MW.

(19)  Il-valur ma japplikax fil-każ ta' impjanti li jaħarqu esklużivament bijomassa solida tal-injam.

(20)  Sal-1 ta' Jannar 2025, 1 700 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti li jiffurmaw parti minn SIS jew MIS.

(21)  400 mg/Nm3 fil-każ ta' gassijiet b'valur kalorifiku baxx minn fran tal-kokk, u 200 mg/Nm3 fil-każ ta' gassijiet b'valur kalorifiku baxx minn fran tal-blast, fl-industrija tal-ħadid u tal-azzar.

(22)  100 mg/Nm3 fil-każ ta' bijogass.

(23)  500 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti b'qawwa termika nominali totali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 5 MW.

(24)  Sal-1 ta' Jannar 2025, 450 mg/Nm3 meta jaħarqu żejt tqil li fih bejn 0,2 % and 0,3 % N u 360 mg/Nm3 meta jaħarqu żejt tqil li fih inqas minn 0,2 % N fil-każ ta' impjanti li jiffurmaw parti minn SIS jew MIS.

(25)  50 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti b'qawwa termika nominali totali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 5 MW; 30 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti b'qawwa termika nominali totali li hija aktar minn 5 MW u inqas minn jew ugwali għal 20 MW.

(26)  50 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti b'qawwa termika nominali totali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 5 MW.

(27)  Sal-1 ta' Jannar 2025, 590 mg/Nm3 għall-magni diesel li jiffurmaw parti minn SIS jew MIS.

(28)  40 mg/Nm3 fil-każ ta' bijogass.

(29)  Magni li jaħdmu bejn 500 u 1 500 siegħa fis-sena jistgħu jiġu eżentati mill-konformità ma' dawk il-valuri limitu tal-emissjonijiet jekk japplikaw miżuri primarji biex jillimitaw l-emissjonijiet ta' NOx u jilħqu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fin-nota ta' qiegħ il-paġna (4).

(30)  Sal-1 ta' Jannar 2025 f'SIS u MIS, 1 850 mg/Nm3 għall-magni li jużaw żewġ karburanti issettjati għal karburant likwidu u 380 mg/Nm3 għal dawk issettjati għal karburant forma ta' gass; 1 300 mg/Nm3 għall-magni diesel bi ≤ 1 200 rpm b'qawwa termika nominali totali li hija inqas minn jew ugwali għal 20 MW u 1 850 mg/Nm3 għall-magni diesel b'qawwa termika nominali totali ta' aktar minn 20 MW; 750 mg/Nm3 għall-magni diesel bi > 1 200 rpm.

(31)  225 mg/Nm3 għall-magni li jużaw żewġ tipi ta' karburanti, issettjati għal karburant likwidu.

(32)  225 mg/Nm3 għall-magni diesel b'qawwa termika nominali totali li hija inqas minn jew ugwali għal 20 MW jew inqas bi ≤ 1 200 rpm.

(33)  190 mg/Nm3 għall-magni li jużaw żewġ tipi ta' karburanti, issettjati għal karburant forma ta' gass.

(34)  Dawn il-valuri limitu tal-emissjonijiet huma applikabbli biss għal kapaċità ogħla minn 70 %.

(35)  Sal-1 ta' Jannar 2025, 550 mg/Nm3 għall-impjanti li jiffurmaw parti minn SIS jew MIS.

(36)  Sal-1 ta' Jannar 2025, 75 mg/Nm3 għall-magni diesel li jiffurmaw parti minn SIS jew MIS.

(37)  20 mg/Nm3 fil-każ ta' impjanti b'qawwa termika nominali totali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 5 MW.


ANNESS III

MONITORAĠĠ TAL-EMISSJONIJIET U VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

PARTI 1

Monitoraġġ tal-emissjonijiet mill-operatur

1.

Se jkun meħtieġ kejl perjodiku mill-inqas:

darba kull tliet snin għall-impjanti tal-kombustjoni medji b'qawwa termika nominali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 20 MW,

darba fis-sena għall-impjanti tal-kombustjoni medji b'qawwa termika nominali ta' aktar minn 20 MW.

2.

Bħala alternattiva għal frekwenzi msemmija fil-punt 1, fil-każ ta' impjanti tal-kombustjoni medji li huma soġġetti tal-Artikolu 6(3) jew l-Artikolu 6(8), jista' jkun meħtieġ kejl perjodiku mill-inqas kull darba li jkun għaddew in-numru ta' sigħat ta' tħaddim li ġejjin:

tliet darbiet in-numru medju massimu ta' sigħat ta' tħaddim annwali, applikabbli skont l-Artikolu 6(3) jew l-Artikolu 6(8), għall-impjanti tal-kombustjoni medji b'qawwa termika nominali li hija ugwali għal jew aktar minn 1 MW u inqas minn jew ugwali għal 20 MW,

in-numru medju massimu ta' sigħat ta' tħaddim annwali, applikabbli skont l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(8), għall-impjanti tal-kombustjoni medji b'qawwa termika nominali ta' aktar minn 20 MW.

Fi kwalunkwe każ, il-frekwenza ta' kejl perjodiku ma għandhiex tkun inqas minn darba kull ħames snin.

3.

Il-kejl għandu jkun meħtieġ biss għal:

(a)

sustanzi niġġiesa li għandhom valur limitu tal-emissjonijiet stipulat f'din id-Direttiva għall-impjant ikkonċernat;

(b)

CO għall-impjanti kollha.

4.

L-ewwel kejl għandu jitwettaq fi żmien erba' xhur li l-impjant jinħariġlu l-permess biex, jew jiġi rreġistrat, l-impjant, jew d-data tal-bidu tat-tħaddim, skont liema tkun l-aktar tard.

5.

Bħala alternattiva għall-kejl imsemmi fil-punti 1, 2 u 3(a), f'dak li jirrigwarda l-SO2, jistgħu jintużaw proċeduri oħra li jkunu ġew ivverifikati u approvati mill-awtorità kompetenti biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet tal-SO2.

6.

Bħala alternattiva għall-kejl perjodiku msemmi fil-punt 1, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu kejl kontinwu.

Fil-każ ta' kejl kontinwu, is-sistemi ta' kejl awtomatizzati għandhom ikunu soġġetti għal verifika permezz ta' kejl parallel mal-metodi ta' referenza mill-inqas darba fis-sena u l-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bir-riżultati ta' dawk il-verifiki.

7.

It-teħid ta' kampjuni u l-analiżi ta' sustanzi niġġiesa u l-kejl tal-parametri tal-proċessi, kif ukoll kull alternattiva li tintuża kif imsemmi fil-punti 5 u 6, għandhom ikunu bbażati fuq metodi li jippermettu riżultati affidabbli, rappreżentattivi u komparabbli. Il-metodi li jikkonformaw ma' standards EN armonizzati għandhom jitqiesu li jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Waqt kull kejl, l-impjant għandu jkun qed jopera f'kundizzjonijiet stabbli ta' kapaċità kostanti rappreżentattiva. F'dan il-kuntest għandhom jiġu esklużi l-perjodi tat-tqabbid u tat-tifi.

PARTI 2

Valutazzjoni tal-konformità

1.

Fil-każ ta' kejl perjodiku, il-valuri limitu tal-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 għandhom jitqiesu bħala konformi jekk ir-riżultati ta' kull waħda mis-serje ta' kejl jew ta' proċeduri oħra definiti u determinati skont ir-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ma jaqbżux il-valur limitu tal-emissjonijiet rilevanti.

2.

Fil-każ ta' kejl kontinwu, il-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 6 għandha tiġi evalwata kif stabbilit fil-punt 1 tal-Parti 4 tal-Anness V għad-Direttiva 2010/75/UE.

Il-valuri medji kkonvalidati huma ddeterminati kif stabbilit fil-punti 9 u 10 tal-Parti 3 tal-Anness V għad-Direttiva 2010/75/UE.

3.

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-valuri medji tal-emissjonijiet, il-valuri mkejla matul il-perjodi msemmija fl-Artikolu 6(11) u l-Artikolu 6(12) kif ukoll matul il-perjodi tat-tqabbid u tat-tifi ma għandhomx jiġu kkunsidrati.