24.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 306/17 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2115
tat-23 ta' Novembru 2015
li temenda, għall-fini li jiġu adottati valuri limitu speċifiċi għas-sustanzi kimiċi użati fil-ġugarelli, l-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, fir-rigward tal-formammid
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 46(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Sabiex ikun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tat-tfal mir-riskji kkawżati minn sustanzi kimiċi fil-ġugarelli, id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward ta' sustanzi kimiċi bħalma huma dawk ikklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fwejjaħ allerġeniċi u ċerti elementi. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/48/KE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta valuri ta' limitu speċifiċi għal sustanzi kimiċi użati f'ġugarelli maħsuba għat-tfal taħt is-36 xahar u f'ġugarelli oħra maħsuba biex jitqiegħdu fil-ħalq, sabiex tkun żgurata protezzjoni xierqa f'każ ta' ġugarelli li jinvolvu livell għoli ta' esponiment. L-adozzjoni ta' dawn il-valuri ta' limitu tieħu l-forma ta' inklużjoni fl-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE. |
(2) |
Attwalment, il-valuri limitu applikabbli għal għadd ta' sustanzi kimiċi huma għolja wisq fid-dawl tal-evidenza xjentifika disponibbli jew ma jeżistux. Għalhekk, għal dawn is-sustanzi kimiċi għandhom jiġu adottati valuri limitu speċifiċi, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-imballaġġ għall-prodotti tal-ikel kif ukoll id-differenzi bejn il-ġugarelli u l-materjali li jmissu mal-ikel. |
(3) |
Sabiex jagħtiha pariri fit-tħejjija ta' proposti leġiżlattivi u inizjattivi politiki fil-qasam tas-sikurezza tal-ġugarelli, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli. Il-missjoni tas-sottogrupp tiegħu “Sustanzi Kimiċi” hija li jagħti dawn il-pariri fir-rigward tas-sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw fil-ġugarelli. |
(4) |
Il-formammid (numru tal-CAS 75-12-7) jintuża, fost l-oħrajn, fl-industrija tal-plastik u tal-polimeri, partikolarment bħala solvent, plastifikant jew bħala sustanza assoċjata ma' aġent neffieħi użat fil-produzzjoni tal-fowm (3). Fl-2010, bosta Stati Membri identifikaw il-formammid f'firxa ta' ġugarelli bil-fowm, bħat-twapet puzzle, u dan qajjem xi tħassib minħabba l-periklu għas-saħħa tat-tfal meta jinġibed man-nifs. Xi Stati Membri ħadu jew kienu qed jikkunsidraw li jieħdu azzjoni regolatorja. |
(5) |
Fid-deliberazzjonijiet tiegħu dwar il-formammid, is-sottogrupp “Sustanzi Kimiċi” bbaża fuq l-opinjoni tal-Aġenzija Franċiża għall-Ikel, l-Ambjent u l-Ħarsien tas-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol (ANSES). L-opinjoni rrakkomandat li għandhom jiġu limitati l-emissjonijiet fl-arja tal-formammid mit-twapet puzzle, b'tali mod li ma jkunux jaqbżu l-20μg/m3 imkejla 28 jum wara li jitneħħew mill-imballaġġ u magħluqa f'kamra ta' degassifikazzjoni tat-twapet ġodda qabel jinbiegħu, skont metodu tal-ittestjar (4) b'konformità mal-istandards ISO 16000-6 u 16000-9 u f'kundizzjonijiet xierqa għat-teħid ta' kampjuni tal-prodotti u tal-lottijiet ta' prodotti. |
(6) |
Is-sottogrupp “Sustanzi Kimiċi” kkunsidra wkoll nursery (b'volum tal-kamra ta' 30 m3) b'tapit puzzle kbir (1,2 m2, 720 g) u diversi ġugarelli oħra bil-fowm (li tfisser żieda ta' 1 kg ta' materjali tal-ġugarelli bil-fowm esposti għall-arja). L-arja f'dik in-nursery (rata tat-tibdil tal-arja ta' 0,5 h– 1) ikun fiha 20 μg/m3 ta' formammid wara 28 jum jekk il-kontenut ta' formammid fil-materjali tal-ġugarelli tal-fowm kien ta' madwar 200 mg/kg u ġie emess kompletament. |
(7) |
Il-formammid huwa kklassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 bħala tossiku għar-riproduzzjoni, tal-kategorija 1B. Skont il-punt 4 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE, is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1B, bħall-formammid, jistgħu jkunu preżenti fil-ġugarelli b'konċentrazzjonijiet daqs jew inqas mill-konċentrazzjoni rilevanti stabbilita għall-klassifikazzjoni tat-taħlitiet li jkun fihom minnha, jiġifieri 0,5 %, li hu ekwivalenti għal 5 000 mg/kg (limitu ta' kontenut), qabel l-1 ta' Ġunju 2015 u 0,3 %, li hu ekwivalenti għal 3 000 mg/kg (limitu ta' kontenut) wara din. Attwalment, id-Direttiva 2009/48/KE ma tipprovdix valur ta' limitu tal-emissjonijiet għall-formammid. |
(8) |
Fid-dawl ta' dan kollu, meta ltaqa' fit-28 ta' Novembru 2013, is-sottogrupp “Sustanzi Kimiċi” irrakkomanda li l-emissjonijiet tal-formammid mill-materjali tal-ġugarelli bil-fowm ikunu limitati fl-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE sa 20 μg/m3 wara massimu ta' 28 jum minn meta jibda l-ittestjar tal-emissjonijiet. Is-sottogrupp irrakkomanda wkoll, fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta' Frar 2015, li l-ittestjar tal-emissjonijiet mhuwiex meħtieġ meta l-kontenut ta' formammid ikun ta' 200 mg/kg jew inqas (valur ta' limitu derivat fl-agħar xenarju ta' esponiment possibbli). |
(9) |
M'hemm l-ebda użu magħruf tal-formammid f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel li għandu jitqies. |
(10) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2009/48/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fl-Appendiċi I tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE, għandha tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:
Sustanza |
Nru tal-CAS |
Valur limitu |
“Formammid |
75-12-7 |
20 μg/m3 (il-limitu ta' emissjoni) wara massimu ta' 28 jum minn meta jibda l-ittestjar tal-emissjonijiet tal-materjali tal-ġugarelli bil-fowm li fihom aktar minn 200 mg/kg (limitu bbażat fuq il-kontenut).” |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-24 ta' Mejju 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-24 ta' Mejju 2017.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(3) L-Aġenzija Franċiża għall-Ikel, l-Ambjent u l-Ħarsien tas-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol (ANSES), “Opinion on the uses of formamide in consumer goods and health risks related to formamide in children's foam puzzle mats”. Opinjoni tal-ANSES, Talba Nru 2010-SA-0302, l-4 ta' Lulju 2011, p. 4.
(4) Protokoll tat-test tal-emissjonijiet b'umdità relattiva ta' 50 %, temperatura ta' 23 °C, rata ta' tibdil tal-arja ta' 0,5 volum.h– 1, daqs ta' kamra normali ta' 30 m3 u wiċċ emissiv għat-tapit ta' 1,2 m2.