19.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/99


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2087

tat-18 ta' Novembru 2015

li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (1), u partikolarment l-Artikolu 15 tagħha,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Lulju 2011 l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) adottat ir-Riżoluzzjoni MEPC.201(62) li temenda l-Anness V tal-Konvenzjoni MARPOL dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis mill-iskart mill-bastimenti, billi introduċiet kategorizzazzjoni ġdida u aktar dettaljata tal-iskart (2). L-Anness V emendat tal-Konvenzjoni tal-MARPOL daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013.

(2)

Din il-kategorizzazzjoni ġdida tal-iskart hija riflessa fiċ-Ċirkulari MEPC.1/Circ.644/Rev.1 tal-OMI, li tipprovdi format standard ta' formula għan-notifika avvanzata għat-twassil ta' skart fil-faċilitajiet ta' akkoljenza fil-portijiet (3), kif ukoll fiċ-Ċirkulari MEPC.1/Circ.645/Rev.1 tal-OMI, li tipprovdi format standard ta' formula tal-irċevuta tat-twassil ta' skart wara l-użu minn bastiment tal-faċilitajiet ta' akkoljenza fil-portijiet (4).

(3)

Fl-interess tal-konsistenza mal-miżuri tal-OMI u sabiex tiġi evitata l-inċertezza fost l-utenti u l-awtoritajiet tal-portijiet, it-tabella inkluża fl-Anness II tad-Direttiva 2000/59/KE, li tinkludi t-tipi u l-ammonti differenti ta' skart u l-fdalijiet mill-merkanzija li jridu jiġu kkonsenjati jew miżmuma abbord, għandha tiġi adattata għall-kategorizzazzjoni l-ġdida tal-iskart tal-Anness V emendat tal-Konvenzjoni MARPOL.

(4)

Barra minn hekk, sabiex tittejjeb is-sistema stabbilita bid-Direttiva 2000/59/KE, li għandha l-għan li tnaqqas ir-rilaxxi ta' skart iġġenerat mill-bastimenti u fdalijiet tal-merkanzija fil-baħar, fit-tabella tal-Anness II għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar it-tipi u l-kwantitajiet ta' skart iġġenerat mill-bastimenti li realment jitwassal fil-faċilitajiet ta' akkoljenza fl-aħħar port ta' konsenja.

(5)

Id-dejta preċiża dwar it-tipi u l-ammonti ta' skart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija kkonsenjati minn bastiment fl-aħħar port hija essenzjali għall-kalkolu eżatt tal-kapaċità suffiċjenti ta' ħażna ddedikata abbord dak il-bastiment. Il-kalkolu ta' kapaċità suffiċjenti ta' ħażna huwa prerekwiżit biex il-bastiment jitħalla jipproċedi lejn il-port sussegwenti mingħajr ma jkun ikkonsenja l-iskart tiegħu ġġenerat mill-bastiment, kif ukoll għall-għażla tajba tal-bastimenti li se jkunu jiġu spezzjonati. Spezzjonijiet immirati aħjar se jikkontribwixxu għall-operazzjoni effettiva tat-traffiku marittimu, billi jitnaqqas il-ħin li bastiment jagħmel fil-port.

(6)

Din l-informazzjoni tista' tkun disponibbli mill-irċevuti tal-iskart maħruġa abbażi taċ-Ċirkulari MEPC.1/Circ.645/Rev.1 tal-OMI, li tirrakkomanda il-format standard tal-irċevuta tat-twassil tal-iskart, jew tipi oħra ta' irċevuti maħruġa lill-kaptan tal-bastiment hekk kif jitwassal l-iskart. L-ammonti u t-tipi ta' skart indikati fl-irċevuta tal-iskart jew kif iddikkjarati mill-kaptan tal-bastiment mal-wasla f'każ li li ma tkunx tista' tinkiseb irċevuta tal-iskart ġeneralment huma aktar preċiżi minn dawk disponibbli mill-formula tan-notifika tal-iskart, peress li għandhom jirriflettu s-sitwazzjoni reali wara t-twassil u għaldaqstant jagħtu aktar affidabbiltà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-kaptan tal-bastiment jirreġistra tali informazzjoni dwar it-twassil fir-Reġistru tal-Iskart kif rikjest mill-Konvenzjoni MARPOL.

(7)

Il-ġbir sistematiku ta' dejta preċiża dwar it-twassil tal-iskart jippermetti wkoll analiżi statistika aħjar tax-xejriet tal-flussi tal-iskart fil-portijiet u jħaffef l-istabbiliment tas-sistema ta' informazzjoni u ta' monitoraġġ prevista fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2000/59/KE. Il-monitoraġġ u l-iskambju ta' tali informazzjoni, inkluż in-notifika dwar l-iskart elettroniku żviluppata skont id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), bħalissa huma appoġġati mis-sistema ta' skambju ta' informazzjoni marittima tal-Unjoni (SafeSeaNet), stabbilita bid-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li għandha tintrabat ma' modulu ta' rappurtar fil-bażi tad-dejta tal-Kontroll mill-Istat tal-Port (7) stabbilita skont id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(8)

L-Anness II tad-Direttiva 2000/59/KE għandu jiġi emendat biex jinkludi l-informazzjoni dwar il-konsenja tal-iskart fil-port preċedenti u biex jinkorpora l-kategorizzazzjoni l-ġdida tal-iskart introdotta bl-Anness V emendat tal-MARPOL.

(9)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness ta' din id-Direttiva jieħu post l-Anness II tad-Direttiva 2000/59/KE.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mid-9 ta' Diċembru 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza mill-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeterminaw kif issir referenza bħal din.

2.   L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.

(2)  Ir-riżoluzzjoni MEPC.201(62) adottata fil-15 ta' Lulju 2011, l-Emendi tal-Anness tal-Protokoll tal-1978 b'rabta mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti tal-1973

(3)  MEPC.1/Circ.644/Rev.1, l-1 ta' Lulju 2013

(4)  MEPC.1/Circ.645/Rev.1, l-1 ta' Lulju 2013

(5)  Id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

(7)  Il-bażi tad-dejta żviluppata u mħaddma mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima.

(8)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).


ANNESS

“ANNESS II

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI NNOTIFIKATA QABEL ID-DĦUL FIL-PORT TA' …

(Port tad-destinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/59/KE)

1.

L-isem, is-sinjal tas-sejħa u, meta meħtieġ, in-numru ta' identifikazzjoni OMI tal-bastiment:

2.

L-Istat tal-Bandiera:

3.

Il-ħin stmat tal-wasla (ETA):

4.

Il-ħin stmat tat-tluq (ETD):

5.

Il-port ta' żjara preċedenti:

6.

Il-port ta' żjara sussegwenti:

7.

L-aħħar port u d-data meta twassal skart iġġenerat mill-bastiment, inklużi l-kwantitajiet (f'm3) u t-tipi ta' skart li twasslu:

8.

Int qiegħed twassal: (immarka l-kaxxa t-tajba):

l-iskart kollu ☐

parti mill-iskart ☐

l-ebda parti mill-iskart ☐

f'faċilitajiet tal-akkoljenza fil-port?

9.

Tip u ammont ta' skart u fdalijiet li se jitwasslu u/jew li se jibqgħu abbord, u l-perċentwali tal-kapaċità massima ta' ħażna:

Jekk se twassal l-iskart kollu, imla t-tieni u l-aħħar kolonna. Jekk se twassal parti mill-iskart jew l-ebda parti mill-iskart, imla l-kolonni kollha.

Tip

Skart għat-twassil

(m3)

Kapaċità ta' ħażna massima dedikata

(m3)

Ammont ta' skart li nżamm abbord

(m3)

Port fejn se jitwassal l-iskart li fadal

Ammont stmat ta' skart iġġenerat bejn in-notifika u l-port ta' żjara sussegwenti

(m3)

Skart li jkun wasal fl-aħħar port tat-twassil identifikat taħt il-punt 7 hawn fuq

(m3)

Żjut għar-rimi

Ilma żejtni tas-sentina

 

 

 

 

 

 

Fdalijiet żejtnin (ħama)

 

 

 

 

 

 

Oħrajn (speċifika)

 

 

 

 

 

 

Drenaġġ  (1)

 

 

 

 

 

 

Skart

Plastiks

 

 

 

 

 

 

Skart tal-ikel

 

 

 

 

 

 

Skart domestiku (pereżempju prodotti tal-karta, ċraret, ħġieġ, metall, fliexken, kina u ċaqquf, eċċ.)

 

 

 

 

 

 

Żejt tat-tisjir

 

 

 

 

 

 

Irmied tal-inċinerazzjoni

 

 

 

 

 

 

Skart operattiv

 

 

 

 

 

 

Karkass(a/i) tal-annimali

 

 

 

 

 

 

Fdalijiet tal-merkanzija  (2) (speċifika) (3)

 

 

 

 

 

 

Noti

1.

Din l-informazzjoni tista' tintuża għall-kontroll mill-Istat tal-portijiet u għal skopijiet oħrajn ta' spezzjoni.

2.

L-Istati Membri se jiddeterminaw liema korpi se jirċievu kopji ta' din in-notifika.

3.

Din il-formola għandha timtela sakemm il-bastiment ma jkunx kopert b'eżenzjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/59/KE.

Nikkonferma li:

id-dettalji ta' hawn fuq huma preċiżi u tajbin u

li abbord hemm biżżejjed kapaċità ddedikata biex jinħażen l-iskart kollu ġġenerat minn meta ssir in-notifika sal-wasla fil-port sussegwenti li fih se jitwassal l-iskart.

Data …

Ħin …

Firma”


(1)  Id-drenaġġ jista' jintrema fil-baħar f'konformità mal-Anness IV tar-Regolament 11 tal-Marpol. Ma hemmx il-ħtieġa li l-kaxxi korrispondenti jimtlew jekk il-ħsieb huwa li jsir rimi awtorizzat fil-baħar.

(2)  Jistgħu jkunu stimi.

(3)  Fdalijiet mill-merkanzija għandhom jiġu speċifikati u kkategorizzati skont l-Annessi rilevanti tal-Marpol, b'mod partikolari l-Annessi I, II u V tal-Marpol.