29.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/4


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1480

tat-28 ta' Awwissu 2015

li temenda diversi annessi tad-Direttivi 2004/107/KE u 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu r-regoli li jikkonċernaw il-metodi ta' referenza, il-validazzjoni tad-dejta u s-siti tal-punti ta' ġbir ta' kampjuni għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja fl-ambjent

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(15) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) tagħha,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 4(15) tad-Direttiva 2004/107/KE, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni hija b'dan mogħtija s-setgħa li temenda ċerti dispożizzjonijiet tal-Annessi IV u V.

(2)

L-Anness IV tad-Direttiva 2004/107/KE jistabbilixxi objettivi tal-kwalità tad-dejta li jeħtieġ li jiġu aġġornati biex ikun hemm aktar ċarezza.

(3)

L-Anness V tad-Direttiva 2004/107/KE jippreskrivi l-metodi ta' referenza għall-istima tal-konċentrazzjonijiet, u dawn il-metodi għandhom jiġu aġġornati sabiex jirriflettu l-iżvilupp tal-istandards rilevanti.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2008/50/KE, il-Kummissjoni hija b'dan mogħtija s-setgħa li temenda ċerti dispożizzjonijiet tal-Annessi I, III, VI u IX.

(5)

It-taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2008/50/KE tistabbilixxi kriterji ta' assigurazzjoni tal-kwalità għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja tal-ambjent, li jeħtieġ li jiġu ċċarati u kkumplementati b'konsiderazzjoni tal-programmi ta' assigurazzjoni tal-kwalità organizzati miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni u li jintroduċu l-obbligu ta' reviżjoni tas-sistema tal-kontroll tal-kwalità sabiex tiġi żgurata l-preċiżjoni kontinwa tal-istrumenti ta' monitoraġġ.

(6)

It-taqsimiet C u D tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50/KE jistabbilixxu kriterji għal-lokazzjoni ta' punti ta' ġbir ta' kampjuni, li jeħtieġ li jiġu ċċarati u kkumplementati fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(7)

It-taqsima A tal-Anness VI tad-Direttiva 2008/50/KE tistabbilixxi l-metodu ta' referenza għall-kejl ta' ċerti sustanzi li jniġġsu, li jeħtieġu li jiġu adattati fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u b'kont meħud tal-istandards l-iktar reċenti għall-ġbir ta' kampjuni u l-kejl ta' materja partikulata.

(8)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (4), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jerfgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi IV u V tad-Direttiva 2004/107/KE huma emendati skont l-Anness I ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Annessi I, III, VI, u IX, tad-Direttiva 2008/50/KE huma emendati skont l-Anness II ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jinqraw flimkien ma' dawk tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), b'mod partikolari fir-rigward tal-akkreditazzjoni ta' korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità, u ma jintroduċu ebda deroga jew eċċezzjoni tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3.

(2)  ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 li jadatta numru ta' atti soġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE fir-rigward tal-proċedura regolatorja bi skrutinju — Adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju — Parti Tnejn (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 109).

(4)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30),


ANNESS I

Id-Direttiva 2004/107/KE hija emendata kif ġej:

(1)

It-taqsima I tal-Anness IV hija emendata kif ġej:

(a)

it-tabella tinbidel b'dan li ġej:

 

“(Benżo(a)piren)

Arseniku, kadmju u nikil

Idrokarboni aromatiċi poliċikliċi barra mill-benżo(a)pirene, gassuż totali merkurju

Depożizzjoni totali

Inċertezza

 

 

 

 

Kejl fiss u indikattiv

50 %

40 %

50 %

70 %

Immudellar

60 %

60 %

60 %

60 %

Ġbir minimu ta' dejta

90 %

90 %

90 %

90 %

Kopertura minima ta' ħin

 

 

 

 

Kejl fiss (1)

33 %

50 %

 

 

Kejl indikattiv (1)  (2)

14 %

14 %

14 %

33 %

(b)

fit-tielet paragrafu titħassar is-sentenza li ġejja:

“Il-ġbir ta' kampjuni (huwa wkoll rakkomandabbli) tul erbgħa u għoxrin siegħa għall-kejl ta' konċentrazzjonijiet ta' arseniku, kadmju u nikil.”

(c)

wara t-tielet paragrafu jiddaħħal it-test li ġej:

“Id-dispożizzjonijiet dwar kampjuni individwali fil-paragrafu preċedenti japplikaw ukoll għall-arseniku, il-kadmju, in-nikil u l-merkurju fi stat gassuż totali. Barra minn hekk, il-ġbir ta' sottokampjuni ta' filtri PM10 għall-metalli għal analiżi sussegwenti huwa permess, sakemm ikun hemm evidenza li s-sottokampjun huwa rappreżentattiv tal-kunsinna kollha u li ma tiġix kompromessa s-sensittività tad-detezzjoni bi tqabbil mal-objettivi rilevanti tal-kwalità tad-dejta. Bħala alternattiva għall-ġbir ta' kampjuni ta' kuljum, il-ġbir ta' kampjuni ta' kull ġimgħa għall-metalli f'PM10 huwa permess, sakemm il-karatteristiċi ta' ġbir ma jiġux kompromessi.”

(2)

It-taqsimiet I sa IV tal-Anness V jinbidlu b'dan li ġej:

“I.   Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u l-analiżi tal-arseniku, il-kadmju u n-nikil fl-arja tal-ambjent

Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni tal-arseniku, il-kadmju u n-nikil fl-arja tal-ambjent huwa dak deskritt f'EN 12341:2014. Il-metodu ta' referenza għall-kejl tal-arseniku, il-kadmju u n-nikil fl-arja tal-ambjent huwa dak deskritt f'EN 14902:2005 ‘Il-kwalità tal-arja tal-ambjent — Il-metodu standard għall-kejl tal-Pb,Cd,As, u Ni fil-frazzjoni ta' PM10tal-materja partikolata sospiża’.

Stat Membru jista' wkoll juża kull metodu ieħor li hu jista' juri li jagħti riżultati ekwivalenti għall-metodu ta' hawn fuq.

II.   Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u l-analiżi tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi fl-arja tal-ambjent

Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi fl-arja tal-ambjent huwa deskritt f'EN 12341:2014. Il-metodu ta' referenza għall-kejl tal-benżo(a)piren fl-arja tal-ambjent huwa dak deskritt f'EN 15549:2008 ‘Il-kwalità tal-arja — Il-metodu standard għall-kejl tal-konċentrazzjoni tal-benżo(a)piren fl-arja tal-ambjent’. Fin-nuqqas ta' metodu standardizzat CEN għall-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(8), l-Istati Membri jistgħu jużaw metodi standard nazzjonali jew metodi tal-ISO bħall-istandard tal-ISO 12884.

Stat Membru jista' wkoll juża kull metodu ieħor li hu jista' juri li jagħti riżultati ekwivalenti għall-metodu ta' hawn fuq.

III.   Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u l-analiżi tal-merkurju fl-arja tal-ambjent

Il-metodu ta' referenza għall-kejl ta' konċentrazzjonijiet tal-merkurju gassuż totali fl-arja tal-ambjent huwa dak deskritt f'EN 15852:2010 ‘Il-kwalità tal-arja tal-ambjent — Il-metodu standard għad-determinazzjoni tal-merkurju gassuż totali’.

Stat Membru jista' wkoll juża kull metodu ieħor li hu jista' juri li jagħti riżultati ekwivalenti għall-metodu ta' hawn fuq.

IV.   Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u l-analiżi tad-depożizzjoni tal-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi

Il-metodu ta' referenza għad-determinazzjoni tad-depożizzjoni tal-arseniku, il-kadmju u n-nikil huwa dak deskritt f'EN 15841:2009 ‘Il-kwalità tal-arja tal-ambjent — Il-metodu standard għad-determinazzjoni tal-arseniku, il-kadmju, iċ-ċomb u n-nikil fid-depożizzjoni atmosferika’.

Il-metodu ta' referenza għad-determinazzjoni tad-depożizzjoni tal-merkurju huwa dak deskritt f'EN 15853:2010 ‘Il-kwalità tal-arja tal-ambjent — Il-metodu standard għad-determinazzjoni tad-depożizzjoni tal-merkurju’.

Il-metodu ta' referenza għad-determinazzjoni tad-depożizzjoni ta' benżo(a)piren u l-idrokarboni poliċikliċi l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(8) huwa dak deskritt f'EN 15980: 2011, ‘Il-kwalità tal-arja. Determinazzjoni tad-depożizzjoni ta' benż[a]antraċen, benżo[b]fluworanten, benżo[j]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, dibenż[a,h]antraċen u indeno[1,2,3-cd]piren’.”


(1)  Imqassam matul in-sena b'mod li jkun rappreżentattiv ta' kundizzjonijet varji fir-rigward tal-klima u l-attivitajiet antropoġeniċi.

(2)  Il-kejl indikattiv huwa kejl li jsir b'regolarità mnaqqsa iżda li jissodisfa l-għanijiet l-oħra dwar il-kwalità tad-dejta.”


ANNESS II

Id-Direttiva 2008/50/KE hija emendata kif ġej:

(1)

It-taqsima C tal-Anness I għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“C.   Assigurazzjoni tal-kwalità għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja tal-ambjent. Validazzjoni tad-dejta

1.

Sabiex tkun żgurata l-preċiżjoni tal-kejl u l-konformità mal-objettivi tal-kwalità tad-dejta, stipulati fit-Taqsima A, l-awtoritajiet kompetenti adatti u l-korpi maħtura skont l-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li:

(i)

il-kejl kollu li jsir fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja tal-ambjent skont l-Artikoli 6 u 9 jkun traċċabbli skont ir-rekwiżiti stabbiliti tal-istandard armonizzat għal-laboratorji ta' ttestjar u kkalibrar,

(ii)

l-istituzzjonijiet li jħaddmu n-networks u l-istazzjonijiet individwali jkollhom sistema stabbilita ta' assigurazzjoni tal-kwalità u ta' kontroll tal-kwalità li taħseb għal manutenzjoni regolari li tiżgura l-preċiżjoni kontinwa tal-apparat ta' kejl. Is-sistema tal-kwalità għandha tiġi riveduta kif meħtieġ u għall-inqas kull ħames snin mil-Laboratorju ta' Referenza Nazzjonali rilevanti

(iii)

jkun stabbilit proċess ta' assigurazzjoni tal-kwalità/kontroll tal-kwalità fir-rigward tal-proċess tal-ġbir tad-dejta u r-rappurtar u li l-istituzzjonijiet maħtura għal dan il-kompitu jipparteċipaw b'mod attiv fil-programmi rispettivi ta' assigurazzjoni tal-kwalità li jkopru l-Unjoni kollha,

(iv)

il-Laboratorji Nazzjonali ta' Referenza huma maħtura mill-awtorità kompetenti xierqa jew korp maħtur skont l-Artikolu 3 u huma akkreditati għall-metodi ta' referenza msemmija fl-Anness VI, għall-inqas għal dawk is-sustanzi li jniġġsu li għalihom il-konċentrazzjonjiet huma ogħla mil-limitu ta' taħt tal-valutazzjoni, skont l-istandard rilevanti armonizzat għal-laboratorji tal-ittestjar u l-ikkalibrar, li r-referenza għalihom ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq. Dawn il-laboratorji għandhom ikunu responsabbli mill-koordinazzjoni fit-territorju tal-Istati Membri tal-programmi ta' assigurazzjoni tal-kwalità madwar l-Unjoni kollha li għandhom ikunu organizzati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni u għandhom ikunu wkoll responsabbli biex jikkoordinaw, fuq livell nazzjonali, l-użu adegwat tal-metodi ta' referenza u t-turija tal-ekwivalenza tal-metodi li mhumiex tar-referenza. Il-Laboratorji ta' Referenza Nazzjonali li jorganizzaw l-interparagun fuq il-livell nazzjonali għandhom ukoll ikunu akkreditati skont l-istandard rilevanti armonizzat għall-ittestjar tal-profiċjenza.

(v)

il-Laboratorji Nazzjonali ta' Referenza, jieħdu sehem għall-inqas darba kull tliet snin fil-programmi li jsiru fl-Unjoni kollha għall-assigurazzjoni tal-kwalità organizzati miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni. Jekk din il-parteċipazzjoni tipproduċi riżultati mhux sodisfaċenti, il-laboratorju nazzjonali għandu juri fil-parteċipazzjoni fl-interparagun li jkun imiss miżuri ta' rimedju sodisfaċenti, u jipprovdi rapport liċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka dwar dawn.

(vi)

il-laboratorji nazzjonali ta' referenza jappoġġaw ix-xogħol magħmul min-Netwerk Ewropew ta' Laboratorji Nazzjonali ta' Referenza stabbiliti mill-Kummissjoni.

2.

Id-dejta kollha rrappurtata skont l-Artikolu 27 għandha titqies bħala valida minbarra dejta meqjusa bħala proviżorja.”

(2)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

It-Taqsima C hija emendata kif ġej:

(i)

l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-paragrafu 1 jinbidlu b'dan li ġej:

“—

il-fluss madwar is-sonda kampjunarja tad-dħul ma għandux ikun imfixkel (b'mod ġenerali jkun ħieles f'ark ta' mill-anqas 270° jew 180° għall-punti tal-ġbir ta' kampjuni fil-linja tal-bini) bla ebda xkiel għall-fluss tal-arja qrib id-dħul (normalment xi ftit metri lil hinn mill-bini, il-gallariji, is-siġar u xkiel ieħor u tal-anqas 0,5 m mill-eqreb bini fil-każ ta' punti ta' ġbir ta' kampjuni li jirrappreżentaw il-kwalità tal-arja fil-linja tal-bini),

b'mod ġenerali, il-punt tad-dħul fejn isir il-ġbir ta' kampjun għandu jkun ta' bejn 1,5 m (iż-żona tan-nifs) u 4 m 'il fuq mill-art. Għażla ta' siti aktar fl-għoli tista' tkun xierqa jekk l-istazzjon ikun jirrappreżenta żona kbira u kull deroga għandha tiġi dokumentata bis-sħiħ.”;

(ii)

il-ħames inċiż tal-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'li ġej:

“—

għas-sustanzi li jniġġsu kollha, is-sondi kampjunarji f'siti bit-traffiku għandhom ikunu mill-anqas 25 m mit-tarf tas-slalep it-toroq ewlenin u mhux aktar minn 10 m mill-bankina. ‘Salib it-toroq’ li għandu jiġi kkunsidrat hawnhekk huwa salib it-toroq li jinterrompi l-fluss tat-traffiku u jikkawża emissjonijiet differenti (stop&go) mill-bqija tat-triq.”;

(iii)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“kwalunkwe devjazzjoni mill-kriterji elenkati f'din it-Taqsima għandha tkun ddokumentata b'mod sħiħ permezz tal-proċeduri deskritti fit-Taqsima D.”;

(b)

It-taqsima D tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“D.   Dokumentazzjoni u reviżjoni tal-għażla tas-siti

L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha għandhom jiddokumentaw bis-sħiħ il-proċeduri għall-għażla tas-sit u jirreġistraw l-informazzjoni biex jappoġġaw it-tfassil tan-netwerk u l-għażla tal-post għas-siti ta' monitoraġġ kollha. Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi ritratti compass-point taż-żona madwar is-siti ta' monitoraġġ u u mapep iddettaljati. Fejn jintużaw metodi supplementari ġewwa żona jew agglomerazzjoni, id-dokumentazzjoni għandha tinkludi dettalji ta' dawn il-metodi u informazzjoni dwar kif jiġu sodisfatti l-kriterji elenkati fl-Artikolu 7(3). Id-dokumentazzjoni għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ u riveduta talinqas kull ħames (5) snin, biex jiġi żgurat li l-kriterji ta' għażla, id-disinn tan-netwerk u l-postijiet fejn isir il-monitoraġġ tas-siti jibqgħu validi u l-aħjar li jista' jkun tul iż-żmien. Id-dokumentazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni fi żmien tliet (3) xhur minn meta tintalab.”

(3)

L-Anness VI huwa emendat kif ġej:

(a)

It-Taqsima A tinbidel b'dan li ġej:

“A.   Il-metodi ta' referenza għall-valutazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u tal-ossidi tan-nitroġenu, tal-materja partikulata (PM10 u PM2,5), taċ-ċomb, tal-benżina, tal-monossidu tal-karbonju u tal-ożonu

1.   Il-metodu ta' referenza għall-kejl tal-konċentrazzjoni tad-dijossidu tal-kubrit

Il-metodu ta' referenza għall-kejl tad-dijossidu tal-kubrit huwa dak deskritt f'EN 14212:2012 ‘Il-kwalità tal-arja tal-ambjent — Il-metodu standard għall-kejl tad-dijossidu tal-kubrit bil-fluworexxenza ultravjola’.

2.   Il-metodu ta' referenza għall-kejl tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu

Il-metodu ta' referenza għall-kejl tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu huwa dak deskritt f'EN 14211:2012 ‘Il-kwalità tal-arja tal-ambjent — Il-metodu standard għall-kejl tal-konċentrazzjoni tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-monossidu tan-nitroġenu bil-kemiluminixxenza’.

3.   Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u għall-kejl taċ-ċomb— mhux mibdul

4.   Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u għall-kejl tal-PM10

Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u għall-kejl tal-PM10 huwa dak deskritt f'EN12341:2014 ‘L-arja tal-ambjent — il-metodu standard ta' kejl gravimetriku għad-determinazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-massa tal-materja partikolata sospiża tal-PM10 jew tal-PM2,5’.

5.   Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u għall-kejl tal-PM2,5

Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u għall-kejl tal-PM2,5 huwa dak deskritt f'EN12341:2014 ‘L-arja tal-ambjent — Il-metodu standard ta' kejl gravimetriku għad-determinazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-massa tal-materja partikolata sospiża tal-PM10 jew tal-PM2,5’.

6.   Il-metodu ta' referenza għall-ġbir ta' kampjuni u għall-kejl tal-benżene — mhux mibdul

7.   Metodu ta' referenza għall-kejl tal-monossidu tal-karbonju

Il-metodu ta' referenza għall-kejl tal-monossidu tal-karbonju huwa dak deskritt f'EN 14626:2012 ‘Il-kwalità tal-arja tal-ambjent — Il-metodu standard għall-kejl tal-konċentrazzjoni tal-monossidu tal-karbonju bl-ispettroskopija infraħamra mhux dispersiva’.

8.   Metodu ta' referenza għall-kejl tal-ożonu

Il-metodu ta' referenza għall-kejl tal-ożonu huwa dak deskritt f'EN 14625:2012 ‘Il-kwalità tal-arja tal-ambjent — Il-metodu standard għall-kejl tal-konċentrazzjoni tal-ożonu bil-fotometrija ultravjola’.”;

(b)

It-taqsima D titħassar

(c)

It-taqsima E tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“E.

Huma u juru li t-tagħmir huwa konformi mar-rekwiżiti ta' prestazzjoni tal-metodi ta' referenza elenkati fit-Taqsima A ta' dan l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi maħtura skont l-Artikolu 3 għandhom jaċċettaw rapporti ta' testijiet maħruġa fi Stati Membri oħra dment li l-laboratorji tat-testijiet huma akkreditati għall-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u l-kalibrazzjoni.

Ir-rapporti tat-testijiet dettaljati u r-riżultati kollha tat-testijiet għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra jew il-korpi maħtura tagħhom. Ir-rapporti tat-testijiet għandhom juru li t-tagħmir jissodisfa r-rekwiżiti tal-prestazzjoni inkluż fejn xi kundizzjonijiet tas-sit u tal-ambjent huma speċifiċi għal xi Stat Membru u huma 'l barra mill-kundizzjonijiet li għalihom it-tagħmir ġie diġà ttestjat u approvat għat-tip fi Stat Membru ieħor.”

(4)

It-taqsima A tal-Anness IX tinbidel b'dan li ġej:

“A.   Numru minimu ta' punti ta' ġbir ta' kampjuni għall-kejl fiss tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu

In-numru minimu tal-punti ta' ġbir ta' kampjuni għall-kejl fiss kontinwu biex tiġi valutata l-konformità mal-valuri fil-mira, l-objettivi għall-perjodu fit-tul u l-informazzjoni u l-limiti minimi ta' allerta fejn tali kejl huwa s-sors uniku ta' informazzjoni.

Popolazzjoni (× 1 000 )

Agglomerazzjoni (1)

Żoni oħra (1)

Sfond rurali

< 250

 

1

Stazzjon wieħed/50 000  km2 bħala densità medja għaż-żoni kollha għal kull pajjiż (2)

< 500

1

2

< 1 000

2

2

< 1 500

3

3

< 2 000

3

4

< 2 750

4

5

< 3 750

5

6

> 3 750

Stazzjon addizzjonali kull żewġ (2) miljun abitant

Stazzjon addizzjonali kull żewġ (2) miljun abitant


(1)  Mill-inqas stazzjon wieħed (1) f'żoni fejn l-espożizzjoni tal-popolazzjoni għall-ogħla konċentrazzjonijiet tal-ożonu hija probabbli li sseħħ. Fl-agglomerazzjonijiet, mill-anqas 50 % tal-istazzjonijiet għandhom ikunu fiż-żoni suburbani.

(2)  Huwa rrakkomandat li jkun hemm stazzjon wieħed (1) għal kull 25 000 km2 għal terran kompless.”