11.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/13


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1127

tal-10 ta' Lulju 2015

li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 38(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Anness II tad-Direttiva 2008/98/KE jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta' operazzjonijiet tal-irkupru.

(2)

L-operazzjoni R1 fl-Anness II għad-Direttiva 2008/98/KE tapplika għall-iskart li jissostitwixxi l-fjuwil jew mezzi oħra li jiġġeneraw l-enerġija. Fost dawn hemm il-faċilitajiet ta' inċinerazzjoni maħsuba għall-ipproċessar tal-iskart solidu muniċipali iżda meta l-effiċjenza enerġetika tagħhom tkun tissodisfa l-limitu stabbilit bil-formula tal-effiċjenza enerġetika (il-formula R1) imsemmija fl-Anness II għad-Direttiva 2008/98/KE.

(3)

Minn evidenza teknika joħroġ fid-dieher li l-kundizzjonijiet klimatiċi lokali fl-Unjoni jinfluwenzaw l-ammonti ta' enerġija li jistgħu jintużaw jew jiġu prodotti teknikament fil-forma ta' elettriku, tisħin, tkessiħ jew ipproċessar tal-fwar minn faċilitajiet ta' inċinerazzjoni dedikati għall-ipproċessar tal-iskart solidu muniċipali.

(4)

Rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea juri li biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni hu raġonevoli li jiġu kumpensati l-faċilitajiet ta' inċinerazzjoni affettwati mill-impatt ta' kundizzjonijiet klimatiċi lokali b'fattur tal-korrezzjoni klimatika (CCF) applikabbli għall-formula R1. Dan il-fattur għandu jiġi bbażat fuq id-dokument ta' referenza dwar l-Aqwa Tekniki Disponibbli għall-inċinerazzjoni tal-iskart.

(5)

Bl-applikazzjoni ta' CCF, xi installazzjonijiet ta' inċinerazzjoni tal-iskart jissodisfaw il-limitu tal-formula R1 u allura awtomatikament isiru faċilitajiet ta' inċinerazzjoni tal-irkupru. Minkejja dan kollu, l-applikazzjoni ta' fattur ta' korrezzjoni bħal dan għandu jibqa' inċentiv għall-impjanti tal-inċinerazzjoni biex tinkiseb effiċjenza għolja fil-produzzjoni tal-enerġija mill-iskart f'konformità mal-għanijiet u l-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE.

(6)

Is-CCF applikabbli għall-formula R1 għandu jiġi bbażat fuq il-kundizzjonijiet klimatiċi fil-post tal-faċilità tal-inċinerazzjoni.

(7)

Għalhekk id-Direttiva 2008/98/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva 2008/98/KE huwa emendat kif jistabbilixxi l-Anness.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 2016. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikollhom referenza għal din id-Direttiva fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam li tkopri din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.


ANNESS

Fl-Anness II tad-Direttiva 2008/98/KE, jiżdied dan it-test taħt in-nota (*) f'qiegħ il-paġna:

“Il-valur tal-formula tal-effiċjenza enerġetika għandu jiġi multiplikat b'fattur tal-korrezzjoni klimatika (CCF) kif jidher hawn taħt:

1.

Is-CCF għal installazzjonijiet operattivi u permessi skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tapplika għal qabel l-1 ta' Settembru 2015.

CCF = 1 jekk HDD >= 3 350

CCF = 1,25 jekk HDD <= 2 150

CCF = – (0,25/1 200) × HDD + 1,698 jekk 2 150 < HDD < 3 350

2.

Is-CCF għal installazzjonijiet permessi wara l-31 ta' Awwissu 2015 u għal installazzjonijiet taħt il-1 wara l-31 ta' Diċembru 2029:

CCF = 1 jekk HDD >= 3 350

CCF = 1,12 jekk HDD <= 2 150

CCF = – (0,12/1 200) × HDD + 1,335 jekk 2 150 < HDD < 3 350

(Il-valur tas-CCF li jirriżulta se jitqarreb lejn tliet postijiet deċimali).

Il-valur tal-HDD (l-għadd ta' jiem ta' tisħin) għandu jkun il-medja tal-valuri HHD annwali fil-post tal-faċilità tal-inċinerazzjoni, ikkalkulat għal 20 sena konsekuttivi qabel is-sena li għaliha jiġi kkalkulat is-CCF. Għall-kalkolu tal-valur tal-HDD għandu jiġi applikat dan il-metodu stabbilit mill-Eurostat: Il-valur tal-HDD hu (18 °C – Tm) × d jekk Tm tkun 15 °C jew inqas (il-limitu tat-tisħin) u jkun nill jekk Tm tkun aktar minn 15 °C; f'dan il-każ Tm tfisser it-temperatura medja ta' barra (Tmin + Tmax/2) matul perjodu ta' d ġranet. Il-kalkoli għandhom isiru kuljum (d = 1), u jkunu jgħaqqdu sena sħiħa.”