6.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/11


DIRETTIVA (UE) 2015/720 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta' April 2015

li temenda d-Direttiva 94/62/KE rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE (4) ġiet adottata sabiex tipprevjeni jew tnaqqas l-impatt tal-imballaġ u l-iskart mill-imballaġ fuq l-ambjent. Għalkemm il-basktijeit tal-plastik jikkostitwixxu mballaġ fi ħdan it-tifsira ta' dik id-Direttiva, ma fihiex miżuri speċifiċi dwar il-konsum ta' dawn il-basktijiet.

(2)

Il-livelli tal-konsum attwali tal-basktijiet tal-plastik jirriżulta f'livelli għoljin ta' skart u użu ineffiċjenti tar-riżorsi u huma mistennija jiżdiedu jekk ma hija se tittieħed l-ebda azzjoni. L-iskart tal-basktijiet tal-plastik iwassal għall-kontanimazzjoni ambjentali u jżid il-problema globali ta' skart f'korpi tal-ilma, b'theddida għall-ekosistemi akwatiċi madwar id-dinja kollha.

(3)

Barra minn hekk, l-akkumulazzjoni ta' basktijiet tal-plastik fl-ambjent għandha impatt negattiv ċar fuq ċerti attivitajiet ekonomiċi.

(4)

Basktijiet tal-plastik ta' ħxuna inqas minn 50 mikroni (“basktijiet tal-plastik ħfief”), li jirrapreżentaw il-maġġoranza vasta tal-għadd totali tal-basktijiet tal-plastik kkunsamati fl-Unjoni, jerġgħu jintużaw inqas minn basktijiet tal-plastik eħxen. Konsegwentement, il-basktijiet tal-plastik ħfief jispiċċaw skart iktar malajr u huma iktar suxxettibbli li jintremew minħabba li huma ħfief.

(5)

Ir-rati ta' riċiklaġġ attwali tal-basktijiet tal-plastik ħfief huma baxxi ħafna u, minħabba għadd ta' diffikultajiet prattiċi u ekonomiċi, iktarx ma jilħqux livelli sinifikanti fil-futur qarib.

(6)

Skont il-ġerarkija tal-iskart, il-prevenzjoni għandha tiġi l-ewwel. Il-basktijiet tal-plastik iservu għal bosta skopijiet u se jibqgħu jiġu kkunsmati fil-futur. Sabiex ikun żgurat li l-basktijiet tal-plastik użati ma jispiċċawx bħala skart fl-ambjent, għandhom jittieħdu miżuri adegwati u l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati dwar mod xieraq ta' trattament tal-iskart.

(7)

Il-livelli tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ivarjaw b'mod konsiderevoli madwar l-Unjoni minħabba differenzi fl-abitudni tal-konsum, is-sensibilizzazzjoni ambjentali, u l-effettività tal-miżuri tal-politika li jittieħdu mill-Istati Membri. Xi Stati Membri rnexxielhom inaqqsu l-livelli tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik b'mod sinifikanti, tant li l-livell medju tal-konsum fis-seba' Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni jammonta għal 20 % biss tal-konsum medju tal-Unjoni.

(8)

Id-disponibbiltà u l-preċiżjoni tad-data dwar il-livelli attwali tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief ivarjaw bejn l-Istati Membri. Data preċiża u komparabbli dwar il-konsum hija importanti biex tiġui vvalutata l-effettività tal-miżuri tat-tnaqqis u biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni. Għalhekk, għandha tiġi żviluppata metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-konsum annwali tal-basktijiet tal-plastik ħfief kull persuna bil-għan li jkun immonitorjat il-progress fit-tnaqqis tal-konsum ta' tali basktijiet.

(9)

Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-konsumatur uriet li għandha rwol deċiżiv fil-ksib tal-miri fir-rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief. Għalhekk, sforzi fil-livell istituzzjonali huma meħtieġa biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt ambjentali tal-basktijiet tal-plastik u biex tintemm il-perċezzjoni attwali tal-plastik li ma jagħmilx ħsara u li hu irħis.

(10)

Sabiex jippromwovu tnaqqis sostanzjat tal-livell medju tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex inaqsu b'mod sinifikanti l-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief f'konformità mal-għanijiet ġenerali tal-politika tal-Unjoni dwar l-iskart u l-ġerarkija tal-iskart kif provdut fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Tali miżuri ta' tnaqqis għandhom iqisu l-livelli tal-konsum attwali tal-basktijiet tal-plastik fl-Istati Membri individwali, fejn livelli ogħla jirrikjedu sforzi iktar ambizzjużi, u jqisu it-tnaqqis li diġà nkiseb. Sabiex jiġi mmonitorjat il-progress fit-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, hu neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu data dwar il-konsum tagħhom skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 94/62/KE.

(11)

Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri jistgħu jinvolvu l-użu ta' strumenti ekonomiċi bħall-ipprezzar, it-taxxi u l-imposti, li taw prova li huma partikolarment effettivi fit-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik, u r-restrizzjonijiet kummerċjali bħal projbizzjonijiet b'deroga tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE dment li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji.

(12)

Dawk il-miżuri jistgħu jvarjaw, skont l-impatt ambjentali tal-basktijiet tal-plastik ħfief meta dawn jiġu rkuprati jew mormija, il-proprjetajiet ta' riċiklaġġ u kompostjar tagħhom, it-tul ta' żmien tagħhom jew l-użu maħsub speċifiku ta' dawk il-basktijiet filwaqt li jitqies kwalunkwe effett ta' sostituzzjoni negattivi possibbli.

(13)

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jeżentaw basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 15 mikroni (“basktijiet tal-plastik ħfief ħafna”) pprovduti bħala imballaġġ primarju tal-ikel sfuż meta jkun meħtieġ għall-finijiet ta' iġjene jew meta l-użu tagħhom igħin il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel.

(14)

L-Istati Membri jistgħu liberalment jużaw id-dħul iġġenerat minn miżuri meħuda skont id-Direttiva 94/62/KE biex jiksbu tnaqqis sostnut fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief.

(15)

Programmi ta' sensibilizzazzjoni għall-konsumaturi inġenerali u programmi edukattivi għat-tfal jista' jkollhom rwol importanti fit-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik.

(16)

L-Istandard Ewropew EN 13432 dwar “Rekwiżiti għal imballaġġ irkuprabbli permezz ta kompostjar u bijodegradazzjoni — Skema ta' test u kriterji ta' evalwazzjoni għall-aċċettazzjoni finali tal-imballaġġ” jistipula l-karatteristiċi li materjal għandu jkollu sabiex jiġi kkunsidrat “kompostabbli”, jiġifieri li jista' jiġi riċiklat permezz ta' proċess ta' rkupru organiku magħmul minn kompostjar u diġestjoni anerobika. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni biex jżviluppa standard separat għal imballaġġ kompostabbli f'livell domestiku.

(17)

Hu importanti li jiġi żgurat ir-rikonoxximent fl-Unjoni kollha tat-tikketti jew il-marki għal basktijiet tal-plastik bijogradabbli u kompostabbli.

(18)

Xi basktijiet tal-plastik huma mmarkati bħala “ossobijodegradabbli” jew “ossodegradabbli” mill-manifatturi tagħhom. F'tali basktijiet, l-addittivi huma inkorporati fi plastiks konvenzjonali. Minħabba l-preżenza ta' dawk l-addittivi, il-plastik jifframmenta f'partiċelli żgħar maż-żmien, li jibqgħu fl-ambjent. B'hekk ir-referenza għal tali basktijiet bħala “bijodegradabbli” tista' tkun qarrieqa minħabba li dawn jistgħu ma jkunux soluzzjoni għall-iskart u jistgħu, għall-kuntrarju, iżidu t-tniġġis. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-impatt tal-użu ta' basktijiet tal-plastik ossodegradabbli fuq l-ambjent u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż, jekk adatt, sett ta' miżuri li jillimitaw il-konsum tagħhom jew biex inaqqsu kwalunkwe impatt ta' ħsara.

(19)

Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri biex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik għandhom iwasslu għal tnaqqis sostnut fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief u ma għandhomx iwasslu għal żieda ġenerali fil-ġenerazzjoni tal-imballaġġ.

(20)

Il-miżuri provduti f'din id-Direttiva huma konsistenti mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi u għandhom jikkontribwixxu għal azzjonijiet kontra l-iskart marin, imwettqa f'konformità mad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(21)

Id-Direttiva 94/62/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 94/62/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“1a.

‘plastik’ għandha tfisser polimer fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), li miegħu jistgħu jkunu żdiedu addittivi jew sustanzi oħra, u li kapaċi jiffunzjona bħala komponent strutturali prinċipali tal-basktijiet;

1b.

‘basktijiet tal-plastik’ għandha tfisser basktijiet bil- jew mingħajr widna, magħmula mill-plastik, li huma fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ ta' oġġetti jew prodotti;

1c.

‘basktijiet tal-plastik ħfief’ għandha tfisser basktijiet tal-plastik […] bi ħxuna ta' inqas minn 50 mikroni […];

1d.

‘basktijiet tal-plastik ħfief ħafna’ għandha tfisser basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 15 mikroni u li huma meħtieġa għal skopijiet ta' iġjene jew ipprovduti bħala imballaġġ primarju għal ikel sfuż meta dan jgħin il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel;

2e.

‘basktijiet tal-plastik ossodegradabbli’ għandha tfisser basktijiet tal-plastik magħmula minn materjali tal-plastik li jinkludu addittivi li jikkatalizzaw il-frammentazzjoni tal-materjal tal-plastik f'mikroframmenti.

(*)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).”"

.

(2)

Fl-Artikolu 4, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiksbu tnaqqis sostnut fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom […].

Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' miri ta' tnaqqis nazzjonali, li jżommu jew jintroduċu strumenti ekonomiċi kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali b'deroga mill-Artikolu 18, dment li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji.

Tali miżuri jistgħu jvarjaw skont l-impatt ambjentali tal-basktijiet tal-plastik ħfief meta dawn jiġu rkuprati jew mormija, il-proprjetajiet ta' kompostjar tagħhom, it-tul ta' żmien jew l-użu maħsub speċifiku.

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom jinkludu waħda minn jew it-tnejn li ġejjin:

(a)

l-adozzjoni ta' miżuri li jiżguraw li l-livell ta' konsum annwali ma jeċċedix 90 basket tal-plastik ħfief kull persuna sal-31 ta' Diċembru 2019 u 40 basket tal-plastik ħfief kull persuna sal-31 ta' Diċembru 2025, jew miri ekwivalenti stabbiliti bil-piż. Basktijiet tal-plastik ħfief ħafna jistgħu jiġu esklużi minn objettivi nazzjonali tal-konsum;

(b)

l-adozzjoni ta' strumenti li jiżguraw li, sal-31 ta' Diċembru 2018, il-basktijiet tal-plastik ħfief ma jingħatawx mingħajr ħlas fil-punt tal-bejgħ tal-oġġetti jew tal-prodotti, ħlief jekk jiġu implimentati strumenti effettivi b'mod ekwivalenti. Il-basktijiet tal-plastik ħfief ħafna jistgħu jiġu esklużi minn dawn il-miżuri.

Mis-27 ta' Mejju 2018 l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief meta jipprovdu dejta lill-Kummissjoni dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ f'konformità mal-Artikolu 12.

Sas-27 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief kull persuna u li jadatta l-formati adottati taħt l-Artikolu 12(3). Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2).

1b.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri bħal strumenti ekonomiċi u miri ta' tnaqqis nazzjonali, fir-rigward ta' kwalunkwe tip ta' basket tal-plastik, irrispettivament mill-ħxuna tagħhom.

1c.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, tal-inqas matul l-ewwel sena wara s-27 ta' Novembru 2016, jinkoraġġixxu b'mod attiv kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni pubbliċi dwar l-impatt ambjentali negattiv tal-użu eċċessiv ta' basktijiet tal-plastik ħfief.”

.

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

Miżuri speċifiċi għal basktijiet tal-plastik bijodegradabbli u kompostabbli

Sas-27 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tat-tikketti jew il-marki biex jiġi żgurat rikonoxximent fl-Unjoni kollha tal-basktijiet tal-plastik bijodegradabbli jew kompostabbli u biex il-konsumaturi jiġu pprovduti b'informazzjoni korretta dwar il-proprjetajiet ta' kompostjar ta' dawn il-basktijiet. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(2).

Mhux iktar tard minn tmintax-il xahar wara l-adozzjoni ta' dak l-att ta' implimentazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li basktijiet tal-plastik bijodegradabbli jew kompostabbli jkunu ttikkettjati skont l-ispeċifikazzjonijiet provduti f'dak l-att ta' implimentazzjoni.”

.

(4)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 20a

Rapport dwar basktijiet tal-plastik ħfief

1.   Sas-27 ta' Novembru 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-effettività tal-miżuri fl-Artikolu 4(1a) fil-livell tal-Unjoni, fil-ġlieda kontra l-iskart, il-bidla fl-imġiba tal-konsumatur u biex tiġi promossal-prevenzjoni tal-iskart. Jekk il-valutazzjoni turi li l-miżuri adottati mhumiex effettivi, il-Kummissjoni għandha teżamina modi possibbli oħra biex jinkiseb it- tnaqqis fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, inkluż l-istabbiliment ta' miri realistiċi u li jistgħu jinkisbu fil-livell tal-Unjoni, u tippreżenta proposta leġislattiva, jekk xieraq.

2.   Sas-27 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jeżamina l-impatt tal-użu ta' basktijiet tal-plastik ossodegradabbli fuq l-ambjent u tippreżenta proposta leġislattiva, jekk xieraq.

3.   Sas-27 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatti ta' possibbilitajiet differenti għat-tnaqqis tal-konsum ta' basktijiet tal-plastik ħfief ħafna, u tippreżenta proposta leġislattiva jekk adatt.”

.

(5)

Fl-Artikolu 22(3a), l-ewwel subparagrafu, għandu jiġi sostitwit kif ġej:

“3a.   Dment li l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-Artikolu 6 jintlaħqu, l-Istati Membri jistgħu jittrasponu d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4(1a) u 7 permezz ta' ftehimiet bejn l-awtoritajiet kompetenti u s-setturi ekonomiċi konċernati.”

.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-27 ta' Novembru 2016. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta' April 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 214, 8.7.2014, p. 40.

(2)  ĠU C 174, 7.6.2014, p. 43.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-ĠU) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-2 ta' Marzu 2015 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2015 (għadha mhijiex ippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

(5)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(6)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).