18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/87


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Awstrija għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Awstrija tal-2015

(2015/C 272/23)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta' Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2). Flimkien dawn jagħmlu l-'linji gwida integrati' li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Awstrija għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Awstrija għall-2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Awstrija għall-2015.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih l-Awstrija ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Awstrija. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Awstrija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014.

(7)

Fil-21 ta' April 2015, l-Awstrija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2015 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

Bħalissal-Awstrija qiegħda fil-parti [preventiva] tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola transitorja tad-dejn matul il-perijodu 2014-2016. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu għall-2015, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali tad-defiċit nominali għal 2,2 % tal-PDG fl-2015 u ulterjorment għal 0,5 % tal-PDG fl-2019. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, l-objettiv ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' mhux aktar minn 0,45 % tal-PDG — intlaħaq fl-2014, u l-Gvern qed jippjana li jilħaq l-objettiv ta' terminu medju tul il-perijodu tal-programm. Madankollu, il-kalkolu mill-ġdid tal-bilanċ strutturali jindika devjazzjoni mill-objettiv ta' terminu medju mill-2015. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern hu mistenni li jilħaq il-livell massimu ta' 86,8 % fl-2015 u li jonqos gradwalment għal 79,7 % fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Stabbiltà huwa plawżibbli. Madankollu, il-miżuri li jappoġġaw il-miri tad-defiċit ippjanati mill-2016 'il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-bilanċ strutturali huwa previst li jiddevja b'0,4 % tal-PDG mill-objettiv ta' terminu medju fl-2015. Id-devjazzjoni hija mistennija li ssir sinifikanti fl-2016 fid-dawl tad-deterjorament ta' 0,6 % tal-PDG ipproġettat tal-bilanċ strutturali meta mqabbla ma' 0,3 % tal-aġġustament strutturali tal-PDG meħtieġa sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' terminu medju. Dan jimplika devjazzjoni ta' madwar 0,9 % tal-PDG mir-rekwiżit tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għalhekk, se jkun hemm bżonn miżuri ulterjuri. Fl-istess ħin, skont il-Programm ta' Stabbiltà u t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, id-dejn gross se jibqa' jonqos skont ir-regola transitorja tad-dejn fl-2015 u l-2016. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li hemm riskju li l-Awstrija mhix se tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Ir-relazzjonijiet bejn il-livelli differenti tal-gvern jibqgħu kumplessi, u jikkawżaw telf ta' effiċjenza f'setturi kruċjali tal-amministrazzjoni pubblika. L-Awstrija tibqa' wieħed mill-pajjiżi bl-iktar livell baxx ta' taxxi proprji subnazzjonali bħala perċentwal tal-PDG. Minkejja dan il-livell baxx ta' awtonomija fiskali, il-gvernijiet subnazzjonali għandhom diversi responsabbiltajiet ta' nfiq u amministrazzjoni. Il-livell għoli ta' kumplessità u ta' allinjament ħażin bejn ir-responsabbiltajiet tad-dħul u tal-infiq ma jiffavorixxix l-implimentazzjoni ta' riformi politiki wiesgħa.

(10)

Is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu twil tas-sistema tal-pensjoni Awstrijaka għadha tbati minn nuqqasijiet strutturali. Ir-riformi tal-Awstrija sa issa ma jidhrux li huma biżżejjed biex jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali tas-sistema fuq terminu twil. L-ewwel nett, l-età effettiva ta' rtirar tibqa' inqas b'mod sinifikanti mill-età statutorja tal-irtirar. It-tieni, l-età statutorja tal-irtirar tan-nisa hija ħafna iktar baxxa minn dik tal-irġiel u mhux se tiżdied qabel l-2024. It-tielet, l-età statutorja tal-irtirar għadha mhix marbuta mal-istennija tal-għomor li dejjem qed jiżdied fl-Awstrija. L-Awstrija ħadet xi miżuri biex tiżdied l-età effettiva tal-irtirar, li bħalissa hija ta' 59,7 sena (2014), iżda li għadha taħt il-medja tal-UE ta' 63,1 sena (2013). Ġew stabbiliti miżuri biex jingħalqu l-opportunitajiet għal skemi ta' irtirar kmieni u ta' invalidità, u b'hekk jittawlu l-ħajjiet tax-xogħol. Barra minn hekk, il-piena għal kull sena ta' irtirar kmieni kif ukoll il-perijodu ta' servizz pensjonabbli meħtieġ biex wieħed jikkwalifika għal skemi bħal dawn żdiedu. Għadu mhux ċar jekk l-effetti baġitarji pożittivi mistennija ta' dawn il-miżuri humiex se jseħħu.

(11)

L-infiq tal-Awstrija fil-kura tas-saħħa huwa kklassifikat fost l-ogħla fl-Unjoni. Ir-riforma kontinwa tal-kura tas-saħħa (2013-2016) għandha l-għan li mill-2016 din tiġi stabbilizzata bħala proporzjon tal-PDG. Madankollu, anki jekk ir-riformi jirnexxu, is-sostenibbiltà fiskali u l-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi strutturali. Għandhom jittieħdu miżuri issa fir-rigward tal-perijodu ta' wara l-2016. Pereżempju, aktar pazjenti għandhom jiġu ttrattati f'kuntesti multidixxiplinari ta' kura primarja out-patient u t-tul medju tas-soġġorni għal kura fl-isptar għandu jitnaqqas aktar.

(12)

Li tiżgura d-disponibbiltà fuq terminu twil ta' ħaddiema kkwalifikati b'mod adegwat tibqa' sfida għall-Awstrija. Ir-rata tal-qgħad ta' madwar 5,6 % hija fost l-aktar baxxa fl-Unjoni, iżda l-potenzjal tas-suq tax-xogħol ta' ċerti partijiet tal-forza tax-xogħol mhuwiex qiegħed jiġi sfruttat b'mod sħiħ. L-Awstrija ħadet ċerti miżuri biex ittawwal il-ħajjiet tax-xogħol, tiffaċilita aħjar il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u tisfrutta b'mod aktar sħiħ il-potenzjal ta' parteċipanti li jiġu minn ambjent ta' migrazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' rikonoxximent aħjar tal-kwalifiki tagħhom. Madankollu, ir-riformi riċenti jridu jiġu mmonitorjati mill-qrib u aktar miżuri huma meħtieġa biex jintuża b'mod sħiħ il-potenzjal tas-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi.

(13)

Fit-13 ta' Marzu 2015, l-Awstrija ppreżentat riforma fiskali komprensiva mmirata biex jiġu ffurmati mill-ġdid il-kategoriji tat-taxxi u r-rati tat-taxxa fuq l-introjtu personali, b'mod partikolari bit-tnaqqis tar-rata ta' dħul għat-taxxa fuq l-introjtu personali minn 36,5 % għal 25 %. Il-ħelsien mit-taxxa huwa stmat li jammonta għal EUR 4,9 biljun, filwaqt li EUR 300 miljun ta' nefqa addizzjonali hija maħsuba biex jiġu appoġġati kemm il-politika tal-familja kif ukoll l-attivitajiet ta' riċerka. Skont il-proposta, il-bidla fit-taxxa se tiġi iffinanzjata parzjalment permezz tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, tnaqqis fin-nefqa pubblika, żieda fir-rati mnaqqsa tal-VAT għal 13 % f'xi oqsma u żieda fit-taxxa fuq id-dħul minn kapital minn 25 % għal 27,5 %. Dawn il-pjanijiet ta' riforma huma b'mod ġenerali skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-2014. Dawn probabbilment se jżidu l-inċentivi għax-xogħol għall-individwi b'potenzjal ta' dħul baxx u ta' dawk li huma t-tieni sors ta' dħul, u jappoġġaw l-introjtu disponibbli. Madankollu, ir-riforma għandha tiġi implimentata b'mod newtrali għall-baġit.

(14)

Is-sistema skolastika tal-Awstrija hija kkaratterizzata minn għadd żgħir ta' studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, ferm anqas mill-medja tal-UE. Sistema ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali b'saħħitha u li taħdem sew tipprovdi ġabra kbira ta' ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli. Madankollu, it-titjib tal-eżiti edukattivi u għalhekk l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ bi status soċjoekonomiku baxx, b'mod partikolari dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, tibqa' ta' sfida. L-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' sistema ta' skola sekondarja ġdida (Neue mittelschule) uriet nuqqasijiet li għad iridu jiġu indirizzati.

(15)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kunsill konsistentement irrakkomanda li l-Awstrija għandha ttejjeb u tippromwovi l-kompetizzjoni fis-servizzi, iżda r-rispons ta' politika sa issa kien limitat. Il-forma ġuridika, il-parteċipazzjoni azzjonarja u r-rekwiżiti tariffarji għadhom fis-seħħ għal diversi professjonijiet, li joħolqu ostakoli regolatorji għall-aċċess għas-suq u jipprevjenu lill-professjonisti jew lill-kumpanniji professjonali minn Stati Membri oħra milli jistabbilixxu negozju fl-Awstrija. Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta' evalwazzjoni reċiproka, l-Awstrija qed tagħmel rieżami tar-regoli tagħha dwar l-aċċess għall-professjonijiet u t-twettiq ta' attivitajiet professjonali biex tivvaluta jekk humiex proporzjonati u fl-interess ġenerali. Meta mqabbla mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fi Stati Membri oħra, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni ma għandhiex biżżejjed riżorsi u dan ifixkel azzjoni aktar effettiva.

(16)

Is-settur bankarju tal-Awstrija baqa' reżiljenti, iżda għadu qed jiffaċċja għadd ta' sfidi kemm lokalment kif ukoll fir-rigward ta' skoperturi barranin vulnerabbli. Il-kapitalizzazzjoni tas-settur bankarju kompliet titjieb fl-2014, iżda l-profitabbiltà tal-banek Awstrijaċi baqgħet taħt pressjoni. Fl-2014 ħamsa mis-sitt l-ikbar istituzzjonijiet ta' kreditu Awstrijaċi għaddew mill-valutazzjoni komprensiva tal-BĊE, bl-eċċezzjoni ta' Österreichische Volksbanken (ÖVAG). L-Awstrija għamlet progress konsiderevoli fir-ristrutturar ta' ÖVAG u Hypo Group Alpe Adria (HGAA).

(17)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Awstrija u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Awstrija fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Awstrija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt.

(18)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(19)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, l-Awstrija għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.

Tevita li tiddevja mill-l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2015 u l-2016. Tiżgura n-newtralità baġitarja tar-riforma fiskali mmirata biex jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol. Tikkoreġi l-allinjament ħażin bejn ir-responsabbiltajiet tal-finanzjament u tal-infiq tad-diversi livelli tal-gvern. Tieħu miżuri biex tiżgura s-sostenibbiltà fuq terminu twil tas-sistema tal-pensjonijiet, inkluż permezz ta' armonizzazzjoni aktar bikrija tal-età statutorja tal-irtirar għall-irġiel u għan-nisa, u billi torbot l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor.

2.

Issaħħaħ il-miżuri li jżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema ikbar fl-età u n-nisa, inkluż permezz ta' titjib fl-għoti ta' servizzi għall-indukrar tat-tfal u servizzi ta' kura fuq terminu twil. Tieħu passi biex ittejjeb l-eżiti edukattivi taż-żgħażagħ żvantaġġati.

3.

Tneħħi l-ostakoli sproporzjonati għall-fornituri tas-servizzi u l-impedimenti biex jitwaqqfu kumpanniji interdixxiplinari.

4.

Tindirizza l-vulnerabbiltajiet potenzjali tas-settur finanzjarju fir-rigward ta' skopertura barranija u kwalità tal-assi insuffiċjenti.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Awstrija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Awstrija, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 92).

(4)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(5)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(6)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(7)  ĠU C 272, 18.8.2015, p. 98.