24.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 339/48


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2459

tat-23 ta' Diċembru 2015

li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2c tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

(2)

Fl-20 ta' Ottubru 2015, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”), aġġorna l-informazzjoni ta' identifikazzjoni dwar individwu wieħed fil-lista tas-sanzjonijiet tiegħu.

(3)

Fis-17 ta' Diċembru 2015, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet żied żewġ persuni fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(4)

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK huwa b'dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.


ANNESS

Persuni msemmija fl-Artikolu 1

I.

Il-persuni li ġejjin żdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK:

7.   Haroun GAYE (psewdonimu: a) Haroun Geye; b) Aroun Gaye; c) Aroun Geye

Deżinjazzjoni: Relatur tal-koordinazzjoni politika tal-Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique (FPRC)

Data tat-twelid: a) 30 ta' Jannar 1968 b) 30 ta' Jannar 1969

Nru tal-passaport: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana numru O 00065772 (Ittra O segwita bi 3 żerijiet), jiskadi fit-30 ta' Diċembru 2019)

Indirizz: Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Elenkat fi: 17 ta' Diċembru 2015

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Haroun Gaye ġie elenkat fis-17 ta' Diċembru 2015 skont il-paragrafi 11 u 12 (b) u (f) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA)”; “kien involut fl-ippjanar, it-tmexxija jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, immirar ta' persuni ċivili, attakki abbażi ta' etniċità jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u sekwestru u spostament furzat;” u “kien involut fl-ippjanar, it-tmexxija, l-isponsorjar, jew it-twettiq ta' attakki kontra missjonijiet tan-NU jew preżenzi internazzjonali b'rabta mas-sigurtà, inklużi l-MINUSCA, il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġawhom.”

Informazzjoni addizzjonali:

HAROUN GAYE ilu, mill-bidu tal-2014, wieħed mill-mexxejja ta' grupp armat li jopera fid-distrett tal-PK5 f'Bangui. Ir-rappreżentanti tas-Soċjetà Ċivili fid-distrett tal-PK5 jiddikjaraw li Gaye u l-grupp armat tiegħu qed jalimentaw il-konflitt f'Bangui, u dan jopponi r-rikonċiljazzjoni u jipprevjeni ċ-ċaqliq tal-popolazzjoni lejn it-tielet distrett ta' Bangui u l-ħruġ minnu. Fil-11 ta' Mejju 2015, Gaye u 300 dimostrant imblukkaw l-aċċess għall-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali biex ifixklu l-aħħar jum tal-Forum ta' Bangui. GAYE ġie rrappurtat li kkollabora mal-uffiċjali tal-moviment anti-Balaka biex jikkoordina t-tfixkil.

Fis-26 ta' Ġunju 2015, Gaye u kontinġent żgħir qrib tiegħu xekklu l-ftuħ tal-eżerċizzju ta' inkoraġġiment tar-reġistrazzjoni tal-votanti fid-distrett tal-PK5 f'Bangui, u dan wassal biex jingħalaq l-eżerċizzju ta' inkoraġġiment tar-reġistrazzjoni.

Il-MINUSCA għamlet tentattiv biex tarresta lil Gaye fit-2 ta' Awwissu 2015, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 32(f) (i) tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2217 (2015). Gaye, li allegatament ġie informat bit-tentattiv ta' arrest minn qabel, kien lest għalihom flimkien mal-partitarji armati b'armi tqal. Il-forzi ta' Gaye fetħu n-nar fuq it-Task Force Konġunta tal-MINUSCA. Fi ġlieda bl-armi tan-nar li damet għaddejja seba' sigħat, l-irġiel ta' Gaye għamlu użu minn armi tan-nar, dawk bi propulsjoni permezz ta' rokit u hand grenades kontra t-truppi tal-MINUSCA u qatlu membru tal-persunal għaż-żamma tal-paċi u darbu tmien persuni. Gaye kien involut fl-inkoraġġiment ta' protesti u taqbidiet vjolenti lejn l-aħħar ta' Settembru 2015 f'dak li jidher li kien attentat ta' kolp ta' stat biex iwaqqa' l-Gvern Transizzjonali. L-attentat ta' kolp ta' stat x'aktarx kien immexxi mill-partitarji tal-ex President Bozize f'alleanza ta' konvenjenza ma' Gaye u mexxejja oħra tal-FPRC. Jidher li Gaye kellu l-għan li joħloq ċiklu ta' attakki ta' ritaljazzjoni li kienu ser ikunu ta' theddida għall-elezzjonijiet li jmiss. Gaye kien responsabbli għall-koordinazzjoni flimkien ma' elementi emarġinati tal-moviment anti-Balaka.

Fl-1 ta' Ottubru 2015, saret laqgħa fid-distrett tal-PK5 bejn Eugène Barret Ngaïkosset, membru ta' grupp emarġinat tal-moviment anti-Balaka u Gaye, bil-għan li jippjanaw attakk konġunt fuq Bangui nhar is-Sibt, 3 ta' Ottubru. Il-grupp ta' Gaye ma ħallewx lill-persuni li kienu jinsabu ġewwa d-distrett tal-PK5 jitilqu minnu, sabiex tissaħħaħ l-identità komunali tal-popolazzjoni Musulmana bil-għan li jiżdiedu t-tensjonijiet interetniċi u tiġi evitata r-rikonċiljazzjoni. Fis-26 ta' Ottubru 2015, Gaye u l-grupp tiegħu interrompew laqgħa bejn l-Arċisqof ta' Bangui u l-Imam tal-Moskea Ċentrali ta' Bangui, u heddew lid-delegazzjoni li kellha tirtira mill-Moskea Ċentrali u taħrab mid-distrett tal-PK5.

8.   Eugène BARRET NGAÏKOSSET psewdonimu: a) Eugene Ngaikosset b) Eugene Ngaikoisset c) Eugene Ngakosset, d) Eugene Barret Ngaikosse e) Eugene Ngaikouesset; psewdonimu inqas affidabbli: f) “Il-Biċċier ta' Paoua” (The Butcher of Paoua) g) Ngakosset

Deżinjazzjoni: a) ex Kaptan, Gwardja Presidenzjali tar-RĊA b) ex Kaptan, Forzi Navali tar-RĊA

Numru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Numru ta' identifikazzjoni militari tal-forzi armati tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (FACA) 911-10-77

Indirizz: a) Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Elenkat fi: 17 ta' Diċembru 2015.

Informazzjoni oħra: Il-Kaptan Eugène Barret Ngaïkosset huwa ex membru tal-gwardja presidenzjali tal-ex President François Bozizé (CFi.001) u huwa assoċjat mal-moviment anti-Balaka. Huwa ħarab mill-ħabs fis-17 ta' Mejju 2015 wara l-estradizzjoni tiegħu minn Brazzaville u ħoloq il-fazzjoni proprja tiegħu tal-moviment anti-Balaka bl-inklużjoni ta' ex ġellieda tal-FACA.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Eugène BARRET NGAÏKOSSET ġie elenkat fis-17 ta' Diċembru 2015 skont il-paragrafi 11 u 12 (b) u (f) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”; “kien involut fl-ippjanar, it-tmexxija jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, immirar ta' persuni ċivili, attakki abbażi ta' etniċità jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u sekwestru u spostament furzat;” u “kien involut fl-ippjanar, it-tmexxija, l-isponsorjar, jew it-twettiq ta' attakki kontra missjonijiet tan-NU jew preżenzi internazzjonali b'rabta mas-sigurtà, inklużi l-MINUSCA, il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġawhom.”

Informazzjoni addizzjonali:

Ngaïkosset huwa wieħed mill-persuni ewlenin responsabbli għat-twettiq tal-vjolenza li faqqgħet f'Bangui lejn l-aħħar ta' Settembru 2015. Ngaïkosset u membri oħrajn tal-moviment anti-Balaka ħadmu flimkien mal-membri emarġinati tal-ex-Séléka fi sforz biex jiddestabilizzaw il-Gvern Transizzjonali tar-RĊA. Fil-lejl ta' bejn is-27 u t-28 ta' Settembru 2015, Ngaïkosset u persuni oħra għamlu tentattiv ta' attakk bla suċċess fuq il-kamp tal-ġendarmerija “Izamo” sabiex jisirqu armi u munizzjon. Fit-28 ta' Settembru, il-grupp dawwar l-uffiċċji tar-radju nazzjonali tar-RĊA.

Fl-1 ta' Ottubru 2015, saret laqgħa fid-distrett tal-PK5 bejn Ngaïkosset u Haroun Gaye, mexxej tal-Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique (FPRC), bil-għan li jippjanaw attakk konġunt fuq Bangui nhar is-Sibt, 3 ta' Ottubru.

Fit-8 ta' Ottubru 2015, il-Ministru għall-Ġustizzja tar-RĊA ħabbar pjanijiet li jinvestiga lil Ngaïkosset u individwi oħra għar-rwoli tagħhom fil-vjolenza f'Bangui f'Settembru 2015. Ngaïkosset u l-oħrajn issemmew li kienu involuti f'“imġiba flagranti li tikkostitwixxi ksur tas-sigurtà interna tal-istat, konfoffa, inċitament għal gwerra ċivili, diżubbidjenza ċivili, mibegħda u kompliċità.” L-awtoritajiet legali tar-RĊA ngħataw struzzjoni biex jiftħu investigazzjoni biex ifittxu u jarrestaw lil min wettaq il-ksur u l-kompliċi tagħhom.

Fil-11 ta' Ottubru 2015, Ngaïkosset huwa maħsub li talab lill-milizzja anti-Balaka taħt il-kmand tiegħu biex twettaq sekwestri ta' persuni, b'enfasi partikolari fuq ċittadini Franċiżi, iżda wkoll personaġġi politiċi tar-RĊA u uffiċjali tan-NU, bil-għan li tisforza lill-President Transizzjonali, is-Sinjura Catherine Samba-Panza biex titlaq.

II.

L-entrata numru 6 fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK hi sostitwita bl-entrata li ġejja:

6.   Oumar YOUNOUS ABDOULAY (psewdonimu: a) Oumar Younous b) Omar Younous c) Oumar Sodiam d) Oumar Younous M'Betibangui)

Deżinjazzjoni: Ex Ġeneral tas-Séléka

Data tat-twelid: 2 ta' April 1970

Ċittadinanza: Is-Sudan, Passaport diplomatiku tar-RĊA bin-numru D 00000898, maħruġ fil-11 ta' April 2013, (validu sal-10 ta' April 2018)

Indirizz: a) Bria, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (Tel. + 236 75507560) b) Birao, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana c) Tullus, in-Nofsinhar ta' Darfur, is-Sudan (post preċedenti)

Informazzjoni oħra: Huwa traffikant tad-djamanti u ġeneral bi tliet stilel tas-Séléka u persuna ta' fiduċja tal-ex president interim tar-RĊA, Michel Djotodia. Deskrizzjoni fiżika: kulur tax-xagħar: iswed; tul: 180ċm; jagħmel parti mill-grupp etniku ta' Fulani. Ritratt disponibbli għall-inklużjoni fl-Avviż Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-INTERPOL-NU.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Awwissu 2015 (emendata fl-20 ta' Ottubru 2015)

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Oumar Younous ġie elenkat fl-20 ta' Awwissu 2015 f'konformità mal-paragrafi 11 u 12(d) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew li jikkostitwixxu ksur ta' ftehimiet transizzjonali, jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni lejn elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza;” u “li pprovda appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti, id-deheb, l-annimali selvaġġi kif ukoll il-prodotti mill-annimali selvaġġi, fir-RĊA”

Informazzjoni addizzjonali:

Oumar Younous, bħala Ġeneral tal-ex Séléka u kuntrabandist tad-djamanti, ta appoġġ lil grupp armat permezz tal-isfruttament illeċitu u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

F'Ottubru 2008, Oumar Younous, ex xufier għall-istabbiliment tax-xiri ta' djamanti SODIAM, ingħaqad mal-grupp tar-ribelli Mouvement des Libérateurs Centrafricains pour la Justice (MLCJ). F'Diċembru 2013, Oumar Younous ġie identifikat bħala ġeneral bi tliet stilel tas-Séléka u persuna ta' fiduċja tal-president interim, Michel Djotodia.

Younous huwa involut fil-kummerċ tad-djamanti minn Bria u Sam Ouandja lejn is-Sudan. Sorsi rrappurtaw li Oumar Younous kien involut fil-ġbir ta' pakketti tad-djamanti moħbija fi Bria, u kien jieħodhom is-Sudan biex jinbiegħu.